L-Erbgħa
Qari I
Se nibagħtilkom xita ta’ ħobż mis-sema.
Eżodu 16, 1-5.9-15
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
Il-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael refgħu t-tined tagħhom minn Elim u fil-ħmistax-il jum tat-tieni xahar minn ħruġhom mill-art tal-Eġittu, waslu fid-deżert ta’ Sin, li jinsab bejn Elim u s-Sinaj.
Fid-deżert, il-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael bdew igergru kontra Mosè u Aron. Ulied Iżrael qalulhom: “Mhux li mitna b’id il-Mulej fl-art tal-Eġittu, meta konna ħdejn il-borom tal-laħam u konna nieklu ħobż bix-xaba’! Ħriġtuna f’dan id-deżert biex toqtlu bil-ġuħ din il-ġemgħa kollha!”.
Il-Mulej imbagħad qal lil Mosè: “Ara, se nibagħtilkom xita ta’ ħobż mis-sema. Il-poplu kollu joħroġ u jiġbor minn jum għal ieħor kemm ikun jenħtieġ għall-ġurnata, biex hekk inġarrabhom u nara jimxux mal-liġi tiegħi jew le.
Fis-sitt jum, imbagħad, meta jkunu jħejju x’se jieħdu magħhom, iqisu li jkun darbtejn aktar minn dak li jiġbru kuljum”.
Mosè, imbagħad, qal lil Aron: “Għid lill-ġemgħa kollha ta’ Iżrael: “Ersqu quddiem il-Mulej għax sama’ t-tgergir tagħkom”. U kif Aron kien ikellem lill-ġemgħa kollha ta’ Iżrael, u ħarsu lejn id-deżert, hemm hi, il-glorja tal-Mulej dehret fi sħaba. U l-Mulej kellem lil Mosè: “Jien smajt it-tgergir ta’ wlied Iżrael. Kellimhom u għidilhom: “Filgħaxija tieklu l-laħam u filgħodu tixbgħu bil-ħobż. U tkunu tafu li jiena l-Mulej, Alla tagħkom”.
U ġara li filgħaxija dehret qatgħa summien tittajjar fl-għoli u għattiet it-tined kollha, u filgħodu kien hemm wiċċ nida madwar it-tined. Meta din in-nida għabet, fuq wiċċ id-deżert kien hemm xi ħaġa rqiqa qisha ġlata fuq l-art.
Malli wlied Iżrael raw dan, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Man-hu?”. – Għax ma għarfux x’inhu. Mosè qalilhom: “Dan hu l-ikel li l-Mulej takom biex tieklu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 77 (78), 18-19.23-24.25-26.27-28
R/. (24b): Tahom il-qamħ mis-sema
Ġarrbu lill-Għoli f’qalbhom,
billi talbuh l-ikel li xtaqu.
Tkellmu kontra Alla, u qalu:
“Jista’ Alla jħejji mejda fid-deżert?”. R/.
Imma hu ordna s-sħab fl-għoli,
u fetaħ bwieb is-smewwiet;
u xita ta’ manna bagħtilhom x’jieklu,
tahom il-qamħ mis-sema. R/.
Kull wieħed kiel il-ħobż tal-qalbenin,
ikel bix-xaba’ bagħtilhom.
Tella’ r-riħ il-Lvant fis-smewwiet,
ħareġ ir-riħ isfel b’qawwietu. R/.
Xita ta’ laħam bħat-trab bagħtilhom,
għasafar bħar-ramel tal-baħar;
u waqqagħhom f’nofs it-tined tagħhom,
madwar l-għerejjex fejn kienu jgħammru. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
min jiżragħha hu Kristu:
min isibha, jikseb il-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Xi żerrigħat waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott.
Mt 13, 1-9
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt.
Hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli. U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom.
Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma’”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu