Il-Ħamis
Qari I
Il-Mulej jinżel fuq il-muntanja tas-Sinaj quddiem għajnejn il-poplu kollu.
Eżodu 19, 1-2.9-11.16-20b
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
Fit-tielet xahar mill-ħruġ ta’ wlied Iżrael mill-art tal-Eġittu, dakinhar stess, waslu fid-deżert tas-Sinaj. Wara li refgħu t-tined, minn Rafidim waslu fid-deżert tas-Sinaj u waqqfu t-tined fid-deżert. Iżrael waqqaf it-tined hemm, biswit il-muntanja.
Il-Mulej qal lil Mosè: “Ara, jiena ġej lejk fi sħaba sewda, ħalli l-poplu jismagħni nitkellem miegħek u jemmen fik ukoll għal dejjem”. U Mosè qal lill-Mulej kliem il-poplu. Il-Mulej qal lil Mosè: “Mur ħdejn il-poplu u kkonsagrahom illum u għada; jaħslu ħwejjiġhom u jħejju ruħhom għat-tielet jum, għax fit-tielet jum il-Mulej jinżel fuq il-muntanja tas-Sinaj quddiem għajnejn il-poplu kollu”.
Fit-tielet jum mas-sebħ kien hemm ragħad u beraq, u sħab oħxon għatta l-muntanja. Instama’ wkoll iż-żarżir qawwi tat-tromba, u triegħed il-poplu kollu fil-kamp. Mosè ħareġ il-poplu mill-kamp biex jiltaqgħu ma’ Alla; u waqfu f’riġlejn il-muntanja.
Il-muntanja tas-Sinaj bdiet iddaħħan kollha kemm hi, għax niżel fuqha l-Mulej fin-nar. Id-duħħan beda tiela’ ’l fuq bħad-duħħan ta’ forn, u l-muntanja kienet titheżżeż kollha. Kulma jmur id-daqq tat-tromba kien dejjem jitqawwa. Imbagħad tkellem Mosè, u Alla wieġbu b’ragħda.
U niżel il-Mulej fuq il-quċċata tal-muntanja tas-Sinaj, u l-Mulej sejjaħ lil Mosè biex jitla’ fuq il-quċċata tal-muntanja. U Mosè tala’.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Dan 3, 52.53.54.55.56
R/. (52b): Ta’ min ifaħħrek u jgħollik fuq kollox għal dejjem
Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna.
Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ. R/.
Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek,
imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek. R/.
Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini,
li ħarstek tinded l-abbissi,
imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti.
Mt 13, 10-17
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, resqu lejn Ġesù d-dixxipli u staqsewh: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?”. Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux.
U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid:
“Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,
u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.
Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset:
kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,
u għalqu għajnejhom
li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom,
u jisimgħu b’widnejhom
u jifhmu b’moħħhom,
u hekk ibiddlu ħajjithom
u jiena nfejjaqhom”.
Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu