Qari tal-Ħamis tas-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis
Qari I
Is-sħaba ksiet it-tinda tal-laqgħa u l-glorja tal-Mulej imliet it-tabernaklu.
Eżodu 40, 16-21. 34-38

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dawk il-jiem, Mosè għamel kollox kif kien ordnalu l-Mulej. Fl-ewwel xahar tat-tieni sena, fl-ewwel jum tax-xahar talla’ t-tabernaklu. Mosè waqqaf it-tabernaklu; poġġa l-imqagħad tiegħu, qiegħed it-twavel, waħħal it-traversi u waqqaf il-pilastri. Firex it-tinda fuq it-tabernaklu, u qiegħed l-għata fuqu, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè. Ħa x-xhieda miktuba u qegħedha fl-arka; daħħal il-lasti fl-arka u qiegħed l-għatu fuq l-arka minn fuq. Qiegħed l-arka fit-tinda; dendel il-purtiera tal-velu u għatta l-arka tax-xhieda miktuba, bħalma l-Mulej kien ordna lil Mosè.

Imbagħad is-sħaba ksiet it-tinda tal-laqgħa; u l-glorja tal-Mulej imliet it-tabernaklu. Mosè ma setax jidħol fit-tinda tal-laqgħa, għax fuqha kien hemm tistrieħ is-sħaba, u l-glorja tal-Mulej kienet timla t-tabernaklu.

Kull meta s-sħaba kienet tintrefa’ minn fuq it-tabernaklu, ulied Iżrael kienu jitilqu minn fejn ikunu. U jekk is-sħaba ma kinetx tintrefa’, anqas huma ma kienu jitilqu, qabel ma tintrefa’ hi. Binhar kien ikun hemm is-sħaba tal-Mulej tistrieħ fuq it-tabernaklu, imma billejl kien ikun hemm in-nar, li kienu jarawh ulied Iżrael fil-mixi kollu tagħhom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali
Salm 83 (84), 3.4.5-6a u 8a. 11

R/. (2): Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti!

Tixxennaq u tinfena ruħi
għat-tempju tal-Mulej;
ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi
lil Alla l-ħaj. R/.

Sal-għasfur isib fejn jgħammar,
u l-ħuttafa ssib il-bejta
ħdejn l-artali tiegħek;
hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha,
Mulej tal-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi! R/.

Henjin dawk li jgħammru f’darek;
huma jfaħħruk għal dejjem.
Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom,
jimxu u aktar jissaħħu. R/.

Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek
aħjar minn elf jum f’post ieħor;
aħjar noqgħod fuq l-għatba ta’ dar Alla tiegħi
milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Atti 16, 14b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Iftħilna qalbna Mulej,
biex nifhmu l-kliem ta’ Ibnek.
R/. Hallelujah

Evanġelju
Jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin.
Mt 13, 47-53

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Kollu fhimtuh dan?”. “Iva”, qalulu.

U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim”.

Meta mbagħad Ġesù temm dawn il-parabboli, telaq minn hemm.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading