ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II F’LORETO
ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA
BIL-BEATIFIKAZZJONI TA’ PEDRO TARRES Y CLARET,
ALBERTO MARVELLI
PINA SURIANO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Spjanata ta’ Montorso
Il-Ħadd 5 ta’ Settembru 2004
1. “Min jista’ jifhem xi jrid il-Mulej?” (Għerf 9:13). Il-mistoqsija, li jagħmel il-Ktieb tal-Għerf, għandha tweġiba: huwa biss l-Iben ta’ Alla, magħmul bniedem għas-salvazzjoni tagħna fil-ġuf verġinali ta’ Marija, li jista’ jurina l-pjan ta’ Alla. Huwa biss Ġesù Kristu li jaf liema hi t-triq biex “nimxu bil-għaqal” (Salm Responsorjali) u niksbu paċi u salvazzjoni.
U liema hi din it-triq? Qalilna hu fil-Vanġelu tal-lum: hija t-triq tas-salib. Kliemu huwa ċar: “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi” (Lq 14:27).
“Nerfgħu salibna wara Ġesù” jfisser inkunu lesti għal kull sagrifiċċju għall-imħabba tiegħu. Ifisser ma nqiegħdu xejn u ħadd qablu, lanqas l-aktar persuni għeżież, lanqas ħajjitna stess.
2. Għeżież ħuti, inġbarna f’dan il-“wied mill-isbaħ ta’ Montorso”, kif sejjaħlu l-Arċisqof Mons. Comastri, li nirringrazzjah minn qalbi tat-tislima sabiħa li għamilli. Miegħu, insellem lill-Kardinali, l-Arċisqfijiet u l-Isqfijiet preżenti; insellem lis-saċerdoti, ir-reliġjużi, il-persuni kkonsagrati; u fuq kollox insellem lilkom żgħażagħ, ġejjin mill-Azzjoni Kattolika, li, immexxija mill-Assistent ġenerali Mons. Francesco Lambiasi u mill-Presidenta nazzjonali Dr Paola Bignardi, li nirringrazzjahom tal-indirizz sabiħ li għamluli, ridtu tinġabru hawn, taħt il-ħarsa tal-Madonna ta’ Loreto, biex iġġeddu l-impenn tagħkom ta’ twaħħid fidil ma’ Kristu Ġesù.
Intom tafuh dan: li titwaħħad ma’ Kristu hi għażla esiġenti. Mhux ta’ b’xejn Ġesù jitkellem fuq “salib”. Madankollu hu jippreċiża minnufih: “warajja”. Din hija l-kelma kbira: m’aħniex waħidna nġorru s-salib. Quddiemna jimxi hu, jiftħilna t-triq bid-dawl tal-eżempju tiegħu u bil-qawwa ta’ mħabbtu.
3. Is-salib milqugħ bi mħabba jġib ħelsien. Dan għexu l-Appostlu Pawlu, “xwejjaħ, u issa priġunier ta’ Kristu Ġesù”, kif hu stess isejjaħ lilu nnifsu fl-Ittra lil Filemon, imma minn ġewwa ħieles għalkollox. Proprju din hi l-impressjoni li nieħdu mill-paġna li għadha kemm ġiet imħabbra issa: Pawlu jinsab fil-ktajjen, imma qalbu hi ħielsa, għax fiha tgħammar l-imħabba ta’ Kristu. Għalhekk, mid-dalma tal-ħabs li fih qed ibati għal Sidu, hu jista’ jkellem dwar il-libertà lil ħabib li jinsab barra mill-ħabs. Filemon hu Nisrani minn Kolossi: fuqu jdur Pawlu biex jitolbu jeħles lil Oneżimu, li għadu lsir skont il-liġi ta’ dak iż-żmien, imma issa hu ħuh bil-magħmudija. Jekk Filemon ma jibqax iqis lill-ieħor bħala pussess tiegħu, jista’ jirċievi b’don lil ħuh.
Il-lezzjoni li toħroġ mill-ġrajja kollha hi ċara: ma hemmx imħabba ikbar minn dik tas-salib; ma hemmx libertà iktar vera minn dik tal-imħabba; ma hemmx fraternità iktar sħiħa minn dik li titwieled mis-salib ta’ Ġesù.
4. Tas-salib ta’ Ġesù kienu dixxipli umli u xhieda erojċi t-tliet Beati li għadhom kemm ġew ipproklamati. Pedro Tarrés y Claret, l-ewwel tabib u mbagħad saċerdot, iddedika ħajtu għall-appostolat lajkali fost iż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika ta’ Barċellona, li tagħhom imbagħad sar kunsillier. Fit-tħaddim tal-professjoni medika, iddedika ruħu b’għożża speċjali għall-morda l-aktar foqra, konvint li “l-marid hu simbolu ta’ Kristu li jbati”.
Ordnat saċerdot, huwa kkonsagra ruħu b’kuraġġ ġeneruż għad-dmirijiet tal-ministeru, waqt li baqa’ fidil għall-impenn li ħa lejlet l-Ordinazzjoni: “Għan wieħed, Mulej, ikun xi jkun il-prezz”. Laqa’ bil-fidi u b’sabar erojku marda serja li wasslitu għall-mewt ta’ 45 sena biss. Minkejja t-tbatija, kien ta’ spiss itenni: “Kemm hu twajjeb miegħi l-Mulej! U jiena tassew hieni”.
5. Alberto Marvelli, żagħżugħ b’saħħtu u mingħajr rabtiet, iben ġeneruż tal-Knisja ta’ Rimini u tal-Azzjoni Kattolika, fehem il-ħajja qasira tiegħu ta’ bilkemm 28 sena bħala don ta’ mħabba lil Ġesù għall-ġid tal-aħwa. “Ġesù geżwirni bil-grazzja tiegħu”, kiteb fid-djarju tiegħu; “m’iniex nara ħlief lilu, ma naħsibx ħlief fih”. Alberto kien għamel mill-quddiesa ta’ kuljum il-qalba tal-ħajja tiegħu. Fit-talb fittex ispirazzjoni wkoll għall-impenn politiku, konvint mill-ħtieġa li ngħixu b’mod sħiħ bħala wlied Alla fl-istorja, biex nagħmlu minnha storja ta’ salvazzjoni.
Fil-perjodu qalil tat-Tieni Gwerra Dinjija, li żergħet mewt u kattret vjolenza u tbatija attroċi, il-Beatu Alberto ħaddan ħajja spiritwali intensa, li minnha ħarġet dik l-imħabba għal Ġesù li wasslitu biex jinsa kontinwament lilu nnifsu u jitgħabba bis-salib tal-foqra.
6. Anki l-Beata Pina Suriano – minn Partinico, fid-Djoċesi ta’ Monreale – ħabbet lil Ġesù bi mħabba mkebbsa u fidila sal-punt li setgħet tikteb bis-sinċerità kollha: “Ma nagħmel xejn aktar għajr ngħix b’Ġesù”. Lil Ġesù hi kienet tkellmu b’qalb ta’ għarusa: “Ġesù, agħmilni dejjem iżjed tiegħek. Ġesù, irrid ngħix u mmut miegħek u għalik”.
Sa minn meta kienet għadha żgħira daħlet fil-Fergħa tax-Xebbiet tal-Azzjoni Kattolika, li mbagħad saret diriġenta parrokkjali tagħhom, u sabet fl-Assoċjazzjoni stimoli importanti ta’ maturazzjoni umana u kulturali fi klima intensa ta’ ħbiberija fraterna. Ftit ftit kibret fiha rieda sempliċi imma soda li tagħti bħala offerta ta’ mħabba lil Alla l-ħajja żagħżugħa tagħha, b’mod partikulari għat-tqaddis u l-perserveranza tas-saċerdoti.
7. Ħuti, ħbieb tal-Azzjoni Kattolika, li ġejtu Loretu mill-Italja, minn Spanja u minn tant irkejjen tad-dinja! Illum il-Mulej, permezz tal-ġrajja tal-beatifikazzjoni ta’ dawn it-tliet Qaddejja ta’ Alla, qed jgħidilkom: l-ikbar don li tistgħu tagħtu lill-Knisja u lid-dinja hu l-qdusija.
Ħa jkun għal qalbkom dak li hu għal qalb il-Knisja: li ħafna rġiel u nisa ta’ żmienna jiġu mirbuħa mis-seħer ta’ Kristu; li l-Vanġelu tiegħu jerġa’ jibda jilma bħal dawl ta’ tama għall-foqra, għall-morda, għal dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja; li l-komunitajiet Insara jkunu dejjem iżjed ħajja, miftuħa, attraenti; li l-bliet tagħna jkunu għal kulħadd postijiet li jilqgħuk u tista’ tgħix fihom; li l-umanità tista’ timxi fit-toroq tal-paċi u tal-fraternità.
8. F’idejkom il-lajċi hi l-ħidma li tagħtu xhieda tal-fidi permezz tal-virtujiet li huma speċifikament tagħkom: il-fedeltà u l-ħlewwa fil-familja, il-kompetenza fuq ix-xogħol, id-determinazzjoni li taqdu l-ġid komuni, is-solidarjetà fir-relazzjonijiet soċjali, il-kreattività li biha taqbdu opri siewja għall-evanġelizzazzjoni u għall-promozzjoni umana. Intom ukoll għandkom turu – f’komunjoni stretta mar-Ragħajja tagħkom – li l-Vanġelu hu attwali, u li l-fidi ma tbegħidx lil min jemmen mill-istorja, imma iktar tgħaddsu fiha.
Kuraġġ, Azzjoni Kattolika! Il-Mulej idawwal il-mixja tiegħek ta’ tiġdid!
Il-Verġni Immakulata ta’ Loreto timxi miegħek b’għożża u ħlewwa; il-Knisja tħares lejk b’fiduċja; il-Papa jsellimlek, iwieżnek u jbierkek mill-qalb.
Azzjoni Kattolika Taljana, grazzi!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard