Qari tas-Sibt tat-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt

QARI I
Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin.
1 Tim 1, 15-17

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, din hija kelma ta’ min jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; u fosthom, lili l-ewwel wieħed. Iżda jien minħabba f’hekk sibt il-ħniena, biex bija, bħala l-ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-sabar kollu tiegħu, b’eżempju għal dawk li kienu għad iridu jemmnu fih biex ikollhom il-ħajja ta’ dejjem.

Lis-Sultan ta’ dejjem, li ma jmutx u li ma jidhirx, lil Alla waħdu, ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 112 (113), 1-2.3-4.5a u 6-7

R/. (2): Ikun isem il-Mulej imbierek, minn issa u għal dejjem!

Faħħru, qaddejja tal-Mulej,
faħħru isem il-Mulej.
Ikun isem il-Mulej imbierek,
minn issa u għal dejjem! R/.

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha
ikun imfaħħar isem il-Mulej!
Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej,
ogħla mis-smewwiet hu sebħu. R/.

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna,
li qiegħed fl-għoli?
Hu li jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet u lejn l-art.
Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken,
u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Għaliex issejħuli: “Mulej Mulej!” u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien?
Lq 6, 43-49

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm. Għaliex issejħuli: “Mulej, Mulej!” u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien? Kull min jiġi għandi u jisma’ kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa ngħidilkom lil min jixbah. Jixbah lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat, u fuqu qiegħed is-sisien. Imbagħad għamlet xita bil-qliel, il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuq dik id-dar, imma ma setax jheżżiżha, għax kienet mibnija tajjeb.

Iżda min jisma’ kliemi u ma jagħmilx li ngħid jien, jixbah lil wieħed li jkun bena daru fuq l-art mingħajr ma qiegħed sisien. Il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuqha u minnufih iġġarrfet, u saret ħerba kbira minn dik id-dar!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading