Qari tat-Tlieta tal-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta

Qari I

Lestew il-bini tat-tempju u għamlu l-festa tal-Għid.

Esd 6, 7-8.12b.14-20

Qari mill-Ktieb ta’ Esdra

F’dak iż-żmien, is-sultan Darju kiteb lill-gvernatur u l-uffiċjali tal-inħawi tan-naħa l-oħra tal-Ewfrat u qalilhom: “Ħallu x-xogħol fuq dan it-tempju ta’ Alla jibqa’ miexi; ħallu l-gvernatur u l-kapijiet tal-Lhud jibnu dan it-tempju ta’ Alla fil-post li kellu qabel. U nordna b’digriet: Dan hu li għandkom tagħmlu għall-kapijiet tal-Lhud għall-bini ta’ dan it-tempju ta’ Alla: l-ispejjeż għandhom jitħallsu lil dawn in-nies bla waqfien mit-taxxi tan-naħa l-oħra tal-Ewfrat, li huma propjetà tas-sultan. Jien, Darju, nordna dan b’digriet. Ħa jkun obdut kollu kemm hu”.

Il-kapijiet tal-Lhud komplew jibnu u jmexxu x-xogħol ’il quddiem imħeġġin mill-profeta Ħaggaj u mill-profeta Żakkarija bin Għiddu. U lestew il-bini kif ordnalhom Alla ta’ Iżrael, u kif kienu ordnawlhom Ċiru, u Darju, u Artasersi, slaten tal-Persja. Dan it-tempju lestewh fit-tlieta tax-xahar ta’ Adar, fis-sitt sena tas-saltna tas-sultan Darju. U wlied Iżrael, il-qassisin, il-Leviti, u l-bqija ta’ dawk li kienu ġew lura mill-eżilju, kollhom ferħana għamlu l-festa tal-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju. U għall-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju offrew b’sagrifiċċju mitt gendus, mitejn muntun, erba’ mitt ħaruf; u għal dnubiet Iżrael kollu offrew tnax-il gidi skont kemm kienu tribujiet ta’ Iżrael.

Imbagħad qassmu l-qassisin skont it-taqsimiet tagħhom u l-Leviti fil-ġemgħat tagħhom għas-servizz ta’ Alla f’Ġerusalemm, kif inhu miktub fil-Liġi ta’ Mosè. Dawk li ġew lura mill-eżilju għamlu l-festa tal-Għid fl-erbatax tal-ewwel xahar. Il-qassisin u l-Leviti ssaffew flimkien, u għax kienu safja setgħu joqtlu l-ħaruf tal-Għid għal dawk kollha li kienu ġew lura mill-eżilju u għal ħuthom il-qassisin, u għalihom stess.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 121 (122), 1-2.3-4a.4b-5

R/. (1): Fraħt meta qaluli: “Sejrin f’dar il-Mulej!”

Fraħt meta qaluli:

“Sejrin f’dar il-Mulej!”

Diġà qegħdin riġlejna

fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.

Ġerusalemm, mibnija bħal belt,

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu,

it-tribujiet tal-Mulej. R/.

Biex, skont il-liġi ta’ Iżrael,

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,

it-tronijiet tad-dar ta’ David. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 11, 28

Hallelujah. R/. Hallelujah

Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla

u jħarsuha.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Hu.

Lq 8, 19-21

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, ġew għal Ġesù ommu u ħutu, iżda ma setgħux jersqu lejh minħabba l-folla. Xi ħadd qallu: “Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk”. Iżda hu weġibhom: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Hu”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: