Qari tal-Ġimgħa tas-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa

Qari I

Jum il-Mulej, jum ta’ dlam u ta’ swied, jum ta’ sħab u ta’ ċpar magħqud.

Ġoel 1, 13-15; 2, 1-2

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel

Ilbsu x-xkejjer, qassisin, u olfqu,

ixhru, qaddejja tal-artal!

Ejjew, orqdu bl-ixkejjer fuqkom,

qaddejja ta’ Alla tiegħi!

Għax miżmuma mid-dar ta’ Alla tagħkom

l-offerta tal-ikel u tax-xorb.

Ordnaw sawma;

sejħu laqgħa mqaddsa;

morru iġbru x-xjuħ,

u n-nies kollha tal-pajjiż

fid-dar tal-Mulej Alla tagħkom.

Għajtu lill-Mulej:

“Ah, x’jum dan!

Għax fil-qrib jum il-Mulej,

jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj”.

Doqqu t-tromba f’Sijon,

semmgħu l-aħbar minn fuq il-muntanja mqaddsa tiegħi!

Ħa jitriegħdu dawk kollha li jgħammru fil-pajjiż,

għax Jum il-Mulej wasal,

għax hu fil-qrib!

Jum ta’ dlam u ta’ swied,

jum ta’ sħab u ta’ ċpar magħqud.

Fuq il-muntanji jinfirex bħal sħaba sewda

poplu kotran u qawwi,

li bħalu ma kien hemm qatt fl-imgħoddi,

lanqas ma jkun hemm warajh

saż-żminijiet l-aktar imbiegħda.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 9, 2-3.6 u 16.8-9

R/. (9a): Il-Mulej jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja

Infaħħrek, Mulej, b’qalbi kollha;

inxandar għeġubijietek kollha!

Nifraħ u nithenna bik;

ngħanni lil ismek, int Alla l-għoli. R/.

Ċanfart il-ġnus u qridt il-ħżiena;

ħassart isimhom għal dejjem ta’ dejjem.

Waqgħu l-ġnus fil-ħofra li ħaffru;

fix-xibka li ħbew inqabad riġilhom. R/.

Imma l-Mulej isaltan għal dejjem,

iwaqqaf għall-ħaqq it-tron tiegħu.

Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 12, 31b-32

Hallelujah. R/. Hallelujah

Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja.

U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.

Lq 11, 15-26

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, wara li Ġesù keċċa xitan, xi wħud qalulu: “Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”. Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema. Iżda hu ntebaħ x’kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa’ dar fuq oħra. Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta’ Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten. Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta’ min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.

Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur. Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu. Min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.

Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u jfittex il-mistrieħ f’art niexfa, u billi ma jsibu mkien, jgħid: “Mela nerġa’ lura lejn dari mnejn ħriġt”. U x’ħin jiġi, isibha miknusa u kollox f’postu. Imbagħad imur iġib seba’ spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f’qagħda agħar minn ta’ qabel”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: