Il-Papa: L-uragan ta’ vjolenza fl-Ukrajna jrid jieqaf

Print Friendly, PDF & Email

Wara l-bumbardament qawwi mir-Russja fuq diversi bliet tal-Punent tal-Ukrajna, l-Papa Franġisku qed jitlob għal dawk li qed ibatu, filwaqt li jappella lin-nazzjonijiet biex ifittxu l-paċi. L-Qdusija Tiegħu għamel l-aħħar appell tiegħu għall-Ukrajna mifni bil-gwerra lejn tmiem l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, li saret fi Pjazza San Pietru, waqt li kien qed jitkellem mal-eluf ta’ pellegrini miġbura.

“F’dawn il-jiem qalbi hija mal-poplu Ukren, speċjalment mal-abitanti tal-postijiet fejn intlaqtlu mill-bombi”.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Ukrajna ntlaqtet mill-akbar bumbardament qawwi mill-bidu tal-gwerra. L-attakki bil-missili Russi laqtu mhux biss diversi postijiet fiċ-ċentru tal-kapitali Kiev, iżda wkoll Lviv, Dnipro, Kharkiv, u bliet oħra, u ħasdu diversi ħajjiet u kkawżaw bosta vittmi.

“Nġorr fija l-uġigħ tagħhom,” qal il-Papa, “u permezz tal-interċessjoni tal-Qaddisa Omm Alla, nippreżentah fit-talb lill-Mulej”. Il-Papa Franġisku qal, Alla, dejjem jisma’ l-għajta ta’ min jitolbu.

“Jalla l-Ispirtu Tiegħu jittrasforma l-qlub ta’ dawk li jżommu f’idejhom id-destin tal-gwerra, sabiex l-uragan tal-vjolenza jieqaf u l-koeżistenza paċifika fil-ġustizzja terġa’ tinbena.” 

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-10/pope-francis-entrusts-wartorn-ukraine-st-john-xxiii-protection.html

%d bloggers like this: