Ġwanni Pawlu II f’Cardiff

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-GRAN BRITTANJA
QUDDIESA F’PONTCANNA FIELDS
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Cardiff, 2 ta’ Ġunju 1982

Għeżież ħuti fi Kristu.

1. Illum l-Isqpof ta’ Ruma qiegħed isellem għall-ewwel darba lill-poplu ta’ Wales f’Pajjiżu. Dan huwa ferħ kbir għalija li nkun magħkom hawn, ġo Cardiff. Niżżi ħajr lil Alla għall privileġġ li niċċelebra l-Ewkaristija magħkom, li ningħaqad magħkm biex nigglorifika u nfaħħar lill-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu.

F’din il-Quddiesa qegħdin jieħdu sehem rappreżentanti ta’ kull parroċċa kattolika ta’ Wales u membri tal-Knisja li ġew mill-Ingilterra. Insellem ukoll lil dawk li jirrapreżentaw l-komunitajiet insara l-oħra ta’ Wales. Fl-imħabba ta’ Kristu jiena nsellmilkom ilkoll.

Il-poplu ta’ Wales għandu tradizzjoni antika ta’ fedeltà lejn Kristu. Sa minn l-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżmu, intom stqarrejtu mħabbitkom lil Kristu u fittixtu li turu din l-imħabba bis-servizz lill-oħrajn u bil-fedeltà lejn il-Kelma ta’ Alla. Iż-żerriegħa tal-Kelma ta’ Alla waslitilkom l-ewwel darba minn Ruma; darba miżrugħa, firxet għeruqha, warrdet u iffjorixxiet. Esprimiet ruħha fil-letteratura tagħkom u ħalliet is-sinjal fl-istorja tagħkom. Dan baqà ħaj fil-qlub ta’ kull ġenerazzjoni miż-żminijiet tar-Rumani sal-ġurnata tallum. Huwa l-istess Vanġelu li qiegħed inxandrilkom jien illum: il-Vanġelu tas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu, li huwa l-Mulej tal-istorja u l-Ħobż tal-Ħajja f’dinja li tiħtieġ is-salvazzjoni.

2. Il-qari tal-Quddiesa tallum jistedinna biex nirriflettu dwar il-misteru tal-Ewkaristija. Dan il-kbir misteru ġie ssinjalizzat li kellu jiġri fiż-żminijiet tat-Testment il-Qadim, meta Alla pprovda l-manna lill-Iżraeliti fid-deżert. Fl-ewwel  qari, nisimgħu l-kliem li Mosè kien indirizza lill-poplu: “Ftakar dwar il-mixi kollu li l-Mulej Alla tiegħek ġegħlek timxi tul dawn l-erbgħin sena fid-deżert . . . temgħek il-manna, li inti ma kontx tagħraf u li linqas missirijietek ma qatt għarfu, biex iġegħlek tifhem li l-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss , imma li l-bniedem jgħix b’dak li joħroġ minn fomm il-Mulej” (Dt 8, 2-3). Alla għallem lil-poplu li hu biss kien il-Mulej tiegħu. Huwa biss ħelsu mill-iskjavitù. Huwa biss ħa ħsiebu fid-diffikultajiet u fin-niket li ltaqà magħhom tul triqtu lejn l-art imwegħda. Meta kienu bilġuħ u bilgħatx, huwa waqqà l-manna mis-sema u pprovda l-ilma mill-blata.

Dak li ġie antiċipat fit-Testment il-Qadim twettaq f’Ġesù Kristu. Huwa ta lis-segwaċi tiegħu l-ikel għall-vjaġġ tal-fidi, meta afda lill-Knisja d-don tal-Ewkaristija. Ġesù nnifsu huwa l-ikel spiritwali l-ġdid, għaliex l-Ewkaristija hija Ġismu u Demmu preżenti taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid, Huwa stess jgħid fil-Vanġelu: “Jiena l-ħobż tal-ħajja; min jiġi għandi ma jaqbdux iktar ġuħ u min jemmen fija ma jaqbdux iktar għatx” (Ġw 6, 35).

Hawn f’Wales, l-Ewkaristija ħadet aspett prominenti fil-Knisja sa minn l-ewwel żminijiet. Dan jidher fis-simboli nsara tal-Ewkaristija li nstabu fl-iskavi arkejoloġiċi tal-fortizza Rumana ta’ Caerleon. Fortunatament, dan il-wirt kbir kompla għaddej mill-bidunett sallum. Dan il-fatt m’għandux jissorprendina, ladarba l-Ewkaristija għandha rwol ċentrali fil-ħajja nisranija u ladarba l-misteru tal-Ewkaristija huwa marbut b’mod strett mal-misteru tal-Knisja. Għal kull ġenerazzjoni fil-Knisja, l-ikel li jsostni l-Poplu ta’ Alla huwa l-Ewkaristija, il-ġisem u d-demm ta’ Sidna Ġesù Kristu.

3. X’talba sabiħa tiġi msemmija fil-Vanġelu tallum. Wara li Ġesù kellem lill-poplu dwar il-ħobż veru li ġie mis-sema u li jagħti l-ħajja lid-dinja, il-poplu jgħajjat: “Tina dejjem minn dan il-ħobż” (Ġw 6, 34). Din it-talba turi ġuħ profond min-naħa tal-poplu, li jmur ‘il hemm mill-ġuħ tal-ikel. Dan huwa ġuħ li jitnissel mill-profond tar-ruħ u mix-xewqa ta mħabba u ta’ sodisfazzjon. Din hija xenqa ta’ milja u ta’ salvazzjoni u tixniq ta’ milja ta’ ħajja: il-ġuħ ta’ għaqda ma’ Alla. Kristu huwa t-tweġiba ta’ Alla għal din it-talba, it-tweġiba ta’ Alla għall-ġuh iktar profond tal-qalb umana. Il-krib kollu ta’ ansjetà tal-umanità lil Alla mill-waqgħa ta’ Adam u Eva jsibu twettiq fl-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Ġesù jergà jgħid: “Jiena l-ħobż tal-ħajja; min jiġi għandi ma jaqbdux iktar ġuħ u min jemmen fija ma jaqbdux iktar għatx”  (Ġw 6, 35).

Jalla din it-talba – “Tina dejjem dan il-ħobż” – tkun dejjem it-talba tagħna. Jalla mill-jum tal-Ewwel Tqarbina tagħna sa dik tal-mewt, ma tiġi qatt nieqsa din ix-xewqa profonda ta’ Kristu, il-ħobż veru li jagħti l-ħajja lid-dinja.

4. U issa nixtieq inkellem lil dawn iċ-ċkejknin li daqt jirċievu t-Tqarbin Imqaddes għall-ewwel darba.  Għeżież tfal: Ġesù illum jiġi għandkom b’mod ġdid, b’mod speċjali. Huwa jrid jgħix fikom. Huwa jrid ikellimkom f’qalbkom. Huwa jrid jibqà magħkom il-jum kollu.

Ġesù jiġi għandkom fl-Ewkaristija sabiex intom tkunu tistgħu tgħixu għal dejjem. It-Tqarbin Imqaddes mhuwiex ikel bħall-ieħor. Huwa l-ikel tal-ħajja eterna. Huwa xi ħaġa ferm iktar prezzjuża mid-deheb jew il-fidda. Huwa iktar prezzjuż minn kwalunkwè ħaġa li tistgħu timmaġinaw. Għaliex dan il-ħobż ikkonsagrat huwa l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. U Ġesù wiegħed li jekk intom tieklu Ġismu u tixorbu Demmu, huwa jgħix fikom u intom tgħixu għal dejjem.

Intom illum tiġu ħdejn l-altar bil-fidi u t-talb. Wegħduni li tfittxu li tkunu qrib Ġesù dejjem, u li qatt ma ttuh daharkom. Meta tikbru komplu tgħallmu dwar Ġesù billi tisimgħu Kelmtu u billi titkellmu miegħu fit-talb. Jekk tibqgħu qribu, tkunu dejjem ferħanin.

5. Għeżież ġenituri ta’ dawn it-tfal: imħabbitkom għal Kristu irrendiet possibbli din il-ġurnata.

Għaliex intom l-ewwel għalliema ta’ wliedkom fit-triq tal-fidi. B’dak li tgħidu u tagħmlu, turuhom l-verità tal-fidi u l-valuri tal-Vanġelu. Dan mhuwiex biss dmir sagru, imma grazzja, privileġġ kbir. Ħafna membri oħrajn tal-Knisja jaqsmu din ir-responsabiltà, imma l-ikbar responsabiltà għall-formazzjoni reliġjuża ta’ wliedkom taqà fuq spallejkom. Għalhekk fittxu li tirrendu djarkom realment insara. Għinu lil uliedkom biex jikbru u jimmaturaw bħalma għamel Ġesù ta’ Nażżaret, “fil-għerf, fit-tul u fil-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2, 52). La tippermettu lil ħadd li japprofitta min-nuqqas ta’ esperjenza u ta’ għarfien tagħhom. Ladarba taqsmu magħhom il-pellegrinaġġ lejn Alla, tistgħu tkunu dejjem magħqudin fit-talb u fl-adorazzjoni u fl-imħabba umli ta’ Alla u tal-poplu tiegħu.

6. Għeżież għalliema tal-iskejjel kattoliċi tagħna: intom ukoll jistħoqqilkom post ta’ unur fiċ-ċelebrazzjoni tallum. Flimkien mal-ġenituri, intom tgħinu biex tħejju lit-tfal biex jirċievu b’mod denn is-sagramenti u għal rwol iktar attiv fil-komunità nisranija, Intom twassluhom għar-rispett u għall-għarfien tal-Kelma ta’ Alla u tgħallmuhom id-duttrina tal-Knisja. U b’tali mod tintroduċuhom gradwalment fl-għana tal-misteru tas-salvazzjoni.

Intom werrieta ta’ tradizzjoni kbira, u l-Poplu ta’ Alla huwa midjun magħkom. Fit-twassil ‘il quddiem tal-missjoni mportanti tagħkom f’dik il-komunità partikolari li hija l-iskola kattolika, tistgħu dejjem titimgħu mħabba profonda għall-Knisja. Jalla mħabbitkom għall-Knisja tesprimi ruħha fl-attivitajiet kollha tagħkom u tirrifletti ruħha fil-mod li bih tamministraw id-depożitu sagru tal-fidi

7. Maħbubin ħuti saċerdoti: illum huwa jum ta’ ferħ ukoll għalikom, għaliex dawn iċ-ċkejknin jappartienu lill-parroċċi li għandkom il-privileġġ li sservu. Mal-familji tagħhom u l-għalliema tagħhom, intom tintroduċu lit-tfal fil-komunità nisranija iktar wiesgħa u tgħinuhom jikbru sal-milja tal-maturità fi Kristu, la kollha tfittxu li tagħtu l-attenzjoni tar-ragħaj. Jalla tkunu l-aħjar rgħajja u mmodellaw ħajjitkom fuq l-eżempju tal-Mulej u Redentur tagħna.

Jiena naf li l-Isqfijiet tagħkom jixtiequ jiżviluppaw fil-Gran Brittanja kollha u f’Wales programmi prattiċi ta’ edukazzjoni għall-fidi għall-adulti. Jiena nħeġġiġkom biex tkunu minn ta’ quddiem f’dan l-isforz, li huwa hekk important għall-ħeġġa tal-Knisja.

Inħeġġiġkom ukoll biex tagħmlu iva li ċelebrazzjoni denja tal-Ewkaristija jkun id-dmir prijoritarju tal-ministeru pastorali tagħkom. Ftakru l-kliem tal-Konċilju Vatikan II: “Is-sagramenti kollha, bħalma l-ministeri ekkleżjastiċi u l-opri tal-apostolat kollha, huma strettament magħquda mal-Ewkaristija Sagra u huma ordnati għaliha. Infatti fl-Ewkaristija Mqaddsa hemm kontenut il-ġid kollu spiritwali tal-Knisja, jiġifieri l-istess Kristu, l-Għid u ħobż ħaj tagħna” (Presbyterorum Ordinis, 5). Ebda dmir ieħor mhu ta’ mportanza hekk kbira għall-Knisja u ta’ servizz maġġur għall-poplu tagħkom, ladarba ċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku huwa s-sors u l-quċċata tal-ħajja kollha nisranija. Assikuraw ruħkom li l-Quddiesa tiġi ċċelebrata b’rispett profond u milja ta’ talb, u agħmlu kull sforz biex tippromwovu s-sehem attiv tal-lajċi. Irrendu xhieda lill-fidi tal-Knisja fil-Preżenza rejali ta’ Kristu bl-adorazzjoni ewkaristika tagħkom ta’ kuljum (cf. Ivi. 18). U permezz tat-tiġdid liturġiku li kien mixtieq mill-Konċilju, jalla l-parroċċi kollha tagħkom isiru komunitajiet ħajjin b’fidi u karità.

8. Ħuti fi Kristu, kull darba li aħna ningħaqdu fl-Ewkaristija, nieħdu sehem fil-misteru l-kbir tal-fidi. Aħna nirċievu l-ħobż tal-ħajja u l-kalċi tas-salvazzjoni eterna. Dan huwa s-sors tal-ferħ tagħna u l-mottiv tat-tama tagħna. Waqt li nitkellmu dwar ħajja u dwar il-Ħobż tal-Ħajja, ejjew niftakru dwar dawk kollha li mietu f’konflitti fid-dinja kollha: fil-konflitt tal-Atlantiku t’Isfel, fil-konflitt bejn l-Iran u l-Iraq, kulfejn qiegħed jixxerred demm il-bniedem. U fil-qawwa tad-demm ta’ Kristu, nistgħu nsibu l-paċi, ir-rikonċiljazzjoni u l-ħajja eterna. Hekk ikun.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: