VIŻTA PASTORALIFIL-GRAN BRITTANJA
QUDDIESA FIL-BELLAHOUSTON PARK
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Glasgow, 1° ta’ Ġunju 1982
1. L-Iskritturi Sagri jagħtu xhieda elokwenti tal-fidi nkrollabbli afdata f’Alla minn ġenerazzjoni wara l-oħra. Minn żmien Abraham u tul is-sekli din il-fidi baqgħet imsejsa b’mod sikur fuq il-wegħda ta’ Alla li jibgħat Salvatur biex jeħles lill-poplu tiegħu.
Fost l-espressjonijiet kollha ta’ fidi, ebda waħda ma qatt kienet spontanja minn din ippronunzjata minn Indri, is-sajjied tal-Ġalilea: “Sibna l-Messija!” (Ġw 1, 41). Hekk profonda kienet l-impressjoni li Ġesù għamel fuqu, li “l-għada filgħodu Indri ltaqà ma’ ħuh u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser lil Kristu – u ħa lil Xmun għand Ġesù. Ġesù waqt li ffissa ħarstu fuqu, qal: “Inti Xmun bin Ġwanni; se nsejjaħlek Kefa – li tfisser Pietru”” (Ġw 1, 41-42). Kien mela Indri, patrun ċelesti tal-għażiża Skozja tagħkom, li ppreżenta lil Pietru lil Ġesù!
2. Il-ġurnata tallum hija stadju sinifikattiv ieħor fl-istorja tas-salvazzjoni tagħna: is-suċċessur ta’ Pietru jiġi biex iżur l-ulied spiritwali ta’ Indri! Aħna magħqudin ma’ xulxin minn fratellanza soprannaturali iktar qawwija minn irbit tad-demm. Nixhdu hawn u issa li nipprofessaw dik l-istess fidi identika f’Ġesù, fit-tama soda li nistgħu inwasslu oħrajn għandu. Din il-professjoni komuni ta’ fidi hija il-mottiv li jimbuttani biex inwettaq iż-żjara pastorali tiegħi f’art twelidkom.
3. Għeżież ħuti, ejjew nirriflettu għal ftit minuti fuq is-siltiet tal-Iskritturi Sagri li għadhom kemm ixxandru fil-Liturġija tal-Kelma.
Ninsabu miġburin hawn fuq il-ġnub ta’ din l-għolja Skoċċiża biex niċċelebraw il-Quddiesa. M’aħniex jewwilla bħal dawk l-ewwel dixxipli u segwaċi ta’ Ġesù li kienu bilqegħda fuq il-ġnub tal-għolja qrib Kafarnaw? X’għallimhom Ġesù? U xi jrid jgħallem illum, lil kull wieħed u waħda minna, l-Imgħallem divin? Fi kliem sempliċi u ċar, Ġesù wera l-kondizzjonijiet biex inkunu aċċettati fis-Saltna tas-Smewwiet. Issuġerixxa riflessjonijiet dwar kull aspett tal-ħajja ta’ kuljum. Ġesù ppropona kunċett ġdid ta’ ħajja. Fl-ewwel sentenzi ntroduttivi tad-Diskors tal-Muntanja, Ġesù ħabbar il-mottiv taż-Żmien Ġdid li huwa kien ġie biex iħabbar.
L-ispirtu ġdid huwa dak tal-manswetudni, tal-ġenerożità, tas-sempliċità, u fuq kollox tas-sinċerità. Li nevitaw l-arroganza, il-kritiki, ir-riċerka tal-ġid personali. Id-dixxipli tas-Saltna l-ġdida għandhom ifittxu l-ferħ ukoll fil-faqar, fid-tbatija, fid-dmugħ u fl-oppressjoni.
It-tfittix tas-Saltna jippresupponi bidla radikali tal-mentalità, tal-imġieba, tar-rapporti mal-oħrajn. Bħalma l-Ligi kienet rivelata lil Mosè fuq il-Muntanja Sinai, hekk fid-“Diskors tal-Muntanja” Ġesù, il-Leġiżlatur il-ġdid, joffri lill-umanità kollha mudell ġdid ta’ ħajja, karta tal-ħajja nisranija.
Liema ma kinitx is-sorpriża ta’ dawk l-ewwel semmiegħa fis-smigħ ta’ dan il-kliem drammatiku ta’ Kristu! B’mod speċjali dawk li kienu foqra fl-ispirtu, mansweti, jew inkella miżerabbli, mirfusa – jħossuhom denji li jidħlu fis-Saltna tas-smewwiet!
4. Hija din il-paternità amoruża ta’ Alla li tinfed u timla kull kelma ta’ Ġesù. Fid-diskors kollu tiegħu huwa jħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu biex iwieġbu għall-Missier, biex jagħtuh tweġiba ta’ mħabba filjali. Kulmin hu animat minn dan l-ispirtu ġdid huwa bin Alla. Dan mhux l-ispirtu ta’ skjavitù li jġib lura l-biżà f’ħajjitna; dan huwa l-ispirtu ta’ filjolanza, li ġġegħlna ngħajtu: “Abba, Missier” (Rm 8, 14-15).
L-imħabba tistà titlob iktar minn kemm tistà tesiġi l-biżà. L[EWZ1] -imħabba se tkun is-sies tż-Żmien il-Ġdid. Ġesù dan jerġà jiddikjarah f’okkażjoni oħra: “Jekk wieħed iħobbni, josserva kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu għandu u ngħammru għandu” (Ġw 14, 23).
5. Fil-kwalitajiet li jesiġu ruħhom minn dixxiplu veru ta’ Ġesù nistgħu naraw ix-xbiha ta’ Ġesù stess, iddisinjata mill-Profeti tat-Testment il-Qadim imma deskritta mill-ġdid fil-Bejatitudni. Kienet intenzjoni ta’ Ġesù b’mod ċar li l-ħajja tad-dixxipli tiegħu kienet immodellata fuq tiegħu. “Ejjew għandi, intom li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmun minnu, għaliex jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11, 28-29). U f’post irħor ikompli jgħid: “Ħadd ma jiġi għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14, 6).
6. Huwa essenzjali għalina li nifhmu li Ġesù għandu għal kull wieħed u waħda minna dmir speċifiku fil-ħajja.
Kull wieħed minna huwa magħżul individwalment, imsejjaħ b’ismu – minn Ġesù! Mhemm ħadd fostna li m’għandux vokazzjoni divina! Hawn hu dak li kiteb San Pawl fl-ittra tiegħu lill-Efesin, li għadna kemm smajna ftit ilu: “Lil kull wieħed minna, madankollu, ingħatat il-grazzja skont il-qies tad-don ta’ Kristu . . . Huwa hu li stabilixxa xi wħud bħala Appostli oħrajn bħala profeti; oħrajn bħala evanġelisti, oħrajn bħala rgħajja u għalliema; sabiex il-qaddisin jikkostitwixxu l-għaqda fl-opra tas-servizz” (Ef 4, 7.11-12).
Qabel kollox u fuq kull ħaġa oħra, Alla sejħilnaa biex neżistu. Sejħilna biex inkunu! Sejħilna, permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu, għal għarfien tiegħu Missierna amoruż.
Sejħilna biex inkunu wliedu! Sejħilna biex inwettqu l-proġett etern tiegħu fil-ħajjiet tagħna ndividwali, taħt il-gwida ta’ Ġesù, Sejħilna biex inkunu kowerrieta, ma’ Ġesù, tas-Saltna ċelesti tiegħu! Dak li Alla Missier joffrilna permezz ta’ Ibnu huwa ħajja ġdida bħala wliedu tassew, ma’ Ġesù ħuna; appell pressanti biex ngħixu, nbiex inħobbu, biex noperaw għall-miġja tas-Saltna tiegħu. U jekk inkunu titubanti u diżorjentati, Ġesù joffri lilu nnifsu bħala gwida, meta jgħid: “Imxu warajja!” (Lq 9, 59).
7. Għeżiez fi Kristu! Liema tweġiba tat l-Iskozja fil-passat għall-istedina ta’ Alla? L-istorja tal-kristjaneżmu tgħidilna li sa minn l-ewwel żminijiet, jistà jkun sa mit-tieni nofs tar-rabà seklu, l-Iskozja ħaddnet il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu. Ismu qaddis kien invokat għal iktar minn 1500 sena fuq din l-art, San Ninian, San Kolombanu u San Kentigern kienu l-ewwel li evanġelizzaw lill-pagani u bnew Knisja nisranija primittiva. Wara snin mudlama li fihom l-invażjonijiet tal-Vikingi ma rnexxilhomx jitfu d-dawl tal-Fidi, il-miġja għat-tron tar-Reġina Margerita tat bidu għal kapitolu ġdid fl-istorja tal-Knisja fl-Iskozja, li Gibed ħeġġa ġdida tar-rijorganizzazzjoni nterna u ta’ kuntatti iktar stretti mal-Knisja universali.
Għalkemm tinsab ġejografikament fil-limiti estremi tal-Ewropa, il-Knisja fl-Iskozja kienet partikolarment favorita mill-Papiet, fiċ-ċentru u fil-qalb tal-Kristjanità, tant li ingħatalha t-titolu eċċezzjonali ta’ “Specialis Filia Romanae Ecclesiae”, “Bint partikolarment għażiża tal-Knisja Rumana”.. X’appellattiv manifiku!
Il-Knisja kienet profondament involuta fil-ġlieda għall-indipendenza nazzjonali, bl-Isqfijiet tagħha – rġiel bħal Robert Wishart ta’ Glasgow – quddiemnett mal-patrijotti tagħkom. Tul il-Medju Evu kollu il-Fidi qaddisa tagħkom kompliet tiffjorixxi hawn, bil-bini ta’ Katidrali manifiċi u Knejjes, bil-fondazzjoni ta’ djar monastiċi numerużi fit-territorju kollu. L-ismijiet tal-Isqfijiet Wardlaw, Turnbull u Elphinstone jibqgħu marbutin b’mod inseparabbli mill-universitajiet tagħkom li bihom din in-nazzjon żgħira kienet dejjem imkabbra b’mod ġustifikabbli, waqt li studjużi Skoċċiżi bħal Duns Scoto, Riccardo di San Vittore u John Major akkwistaw fama nternazzjonali u onoraw lill-Art Twelidhom.
Is-XVI-il seklu sab il-kleru u l-lajċi mhux lesti għat-taqlib reliġjuż ta’ dak iż-żmien li kines mill-Iskozja il-Knisja medjevali bla ma ħalla ebda traċċja tagħha. Il-ġerarkiji għebu; il-fidili li kien fadal tferrxu; l-Iskozja baqgħet iżolata fir-rigward tar-riformi ddikjarati mill-Konċilju ta’ Trentu.
Imma dan huwa wkoll parti mill-pjan providenzjali ta’ Alla: infatti fis-sekli suċċessivi kien hemm konflitt iebes għas-sopravivenza kontra l-persekuzzjonijiet u l-eżilju. Biex jissuplixxi għan-nuqqas ta’ saċerdoti l-Papa Klement VIII waqqaf f’Ruma Kulleġġ għaz-żgħażagħ ta’ pajjiżkom, u seminarji simili infetħu f’postijiet oħra sikuri fil-kontinent, biex jibagħtu ħaddiema għall-“Missjoni Skoċċiża”. Ukoll l-Ordnijiet reliġjużi ħejjew għad-dispożizzjoni nies magħżula biex jikkollaboraw f’din l-opra. Min ma jiftakarx l-isem ta’ San Ġwann Ogilvie, ġiżwita, li ftit mili bogħod minn fejn ninsabu issa offra ħajtu b’xhieda tal-Fidi fi Kristu!
Il-Vigarji Apostoliċi, li lilhom kienet afdata l-organizzazzjoni tal-attività missjunarja kollha, irratifikaw fl-ittri tagħhom lil Ruma l-attakkament ta’ dan il-ponn ta’ kattoliċi Skoċċiżi għall-Fidi ta’ missirijiethom, għas-Sedja ta’ Pietru u għall-persuna tal-Papa. Dawn id-dokumenti, konservati b’mod għajjur matul dawn is-snin kollha, jistgħu jservu bħala mera li fiha jirrifletti fedelment il-wiċċ nobbli tal-komunità kattolika Skoċċiża, immarkat b’mod inekwivokabbli mill-faqar u mit-tbatija, imma radjanti fl-istennija ta’ dak il-jum ġdid li, fiż-żminijiet ta’ Alla, għad jisbaħ bla ebda dubju għall-Knisja fl-Iskozja.
Maħbubin Kattoliċi tal-Iskozja, it-talb tal-antenati tagħkom ma waqax fuq widnejn torrox! It-tama tagħhom fil-Providenza Divina ma baqgħetx deluża! Seklu u nofs ilu l-mewġa tar-riperkussjon bidlet id-direzzjoni, u l-komunità kattolika żgħira kisbet gradatament saħħa ġdida. Il-wasla numeruża ta’ emigranti kattoliċi mill-Irlanda viċina, akkumpanjata minn saċerdoti irlandiżi ddedikati, kabbret u għaniet spiritwalment lill-komunità tagħkom, waqt li kkonvinċiet lill-Papa Iljun XIII biex jibni l-ġerarkija kattolika fl-Iskozja bħala l-ewwel att tal-Pontifikat tiegħu. Minn dak iż-żmien ‘il hawn assistejna għal progress mgħaġġel u kostanti.
8. Intom il-werrieta ta’ dan il-patrimonju sagru. Missirijietkom ittrażmettew l-uniku patrimonju li għalih attribwew verament valur, il-fidi mqaddsa kattolika tagħna! L-Appell eżawrjenti li se jindirizzawlkom illum mis-sema se jkun dan: “Fittxu s-Saltna ta’ Alla” (Lq 12, 31). Duru mela lejn Alla b’qalb grata u iżżuh ħajr li irristabilixxa żminijiet trankwilli għall-komunità kattolika fl-Iskozja.
9. Dak li seklu ilu kien ħolma illum sar realtà. Saret bidla sħiħa fil-ħajja kattolika fl-Iskozja, u llum il-kattoliċi tal-Iskozja assumew l-irwol leġittimu tagħhom f’kull settur tal-ħajja pubblika, waqt li xi wħud raw ruħhom mogħtija karigi mportanti u prestiġġjużi bil-kbir f’dan il-Pajjiż. Mhuwiex forsi qiegħed iseħħ dak li San Pawl jgħidilna fi-qari tallum lill-Efesin: “Hekk jikber il-ġisem b’mod li jedifika lilu nnifsu fil-karità” (Ef 4, 16)?
Intom torbtu l-oriġini tagħkom ma’ passat glorjuż, imma ma tgħixux fil-passat. Intom tappartienu lill-preżent, il-ġenerazzjoni tagħkom m’għandhiex tikkuntenta ruħha billi tistrieħ fuq il-glorji mirbuħa minn missirijietkom u l-antenati tagħkom. Hemm bżonn li tagħtu t-tweġiba tagħkom għas-sejħa ta’ Kristu sabiex issegwuh u tidħlu miegħu bħala kowerrieta fis-Saltna tal-Missier. Imma donnu li iktar huwa diffiċli li ssegwu lil Kristu llum meta tqabbluh mal-passat. Li nagħtu x-xhieda tagħna fil-ħajja moderna tfisser li ninpenjaw ruħna f’taqtigħa ta’ kuljum li ma tistax issolvi ruħha b’mod hekk mgħaġġel u b’mod hekk deċiż bħalma għamlu l-martri tal-passat. Bħala kredenti aħna kontinwament esposti għall-inċentivi tas-soċjetà moderna li jridu jimbuttawna biex naddattaw ruħna mal-konċezzjonijiet ta’ din l-era sekolari, biex niffissaw prijoritajiet ġodda minflok dawk ta’ qabel, biex nillimitaw l-aspirazzjonijiet tagħna bis-sogru li nikkompromettu l-kuxjenza tagħna ta’ nsara.
10. L-ispirtu ta’ din id-dinja jridna nċedu fuq il-principji l-iktar fundamentali tal-ħajja tagħna ta’ nsara. Illum iktar minn qatt qabel id-duttrini fundamentali tal-Fidi jiġu ċċalenġjati u ridikolati. Ħwejjeġ mistmella mill-ġenerazzjoni ta’ qabilna huma llum kodifikati mis-soċjetà! Jeżistu problemi ta’ gravità enormi li għalihom huwa mpossibbli tagħti tweġiba sempliċi; linqas ma tistà ma tagħtix tweġiba billi tinjorahom. Kwistjonijiet ta’ tant importanza jesiġu l-attenzjoni massima tal-kuxjenza nisranija tagħna.
11. Li ssib tweġiba għal tali kwistjonijiet ikun dmir immens, kważi mpossibbli li tieħdu mingħajr l-għajnuna tal-biċċa l-kbira tal-kredenti. Imma mintomx weħedkom. L-Ispirtu ta’ Alla huwa operanti fil-Knisja. Qatt daqs f’dawn l-aħħar żminijiet it-tagħlim tal-Knisja Kattolika ma kien b’mod hekk wiesà riformulat, meta tqis propju il-problemi li jinkwetaw il-kuxjenza moderna. Biżżejjed nelenkaw l-argumenti li fuqhom il-Papiet, il-Konċilju Ekumeniku, is-Sindu tal-Isqfijiet, u d-diversi Konferenzi Episkopali, inkluża dik tal-Isqfijiet Skoċċiżi għamlu dikjarazzjonijiet ċari u awtorevoli dwar il-fidi u dwar il-prattika tal-fidi, bħala gwida tal-fidili f’dawn iż-żminijiet ta’ dubji u perplessità. F’isem ir-rgħajja kollha tal-merħla ta’ Kristu, li lilhom kien afdat l-uffiċċju ta’ rgħajja u għalliema (Ef 4, 11), nassigurakom li kienu konxji profondament tal-problemi li għandkom tiffaċċjaw fil-ħajja, u tal-ansjetà li timla mill-ġdid tant spiss lil qlubkom.
12. Waqt li nwettqu d-dmir kbir u sublimi li nmexxu l-merħla lejn il-ħajja eterna, hemm bżonn li nżommu dejjem f’moħħna l-kliem tal-Appostlu Pawlu lil Timotju: “Xandar il-kelma, sus wara l-fidili f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim . . . Agħmel mill-predikazzjoni tal-Bxara t-Tajba ix-xogħol ta’ ħajtek” (2 Tm 4, 2.5).
Ħuti għeżież! Nippriedka l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù huwa x-xogħol ta’ ħajti. Barra minn dan, għandi wkoll ministeru ieħor xi nwettaq fil-Knisja, bħala suċċessur ta’ Xmun Pietru li lilu l-istess Ġesù qal: “Tlabt għalik, Xmun, sabiex il-fidi tiegħek ma tonqsokx . . . u int imbagħad, meta terġà lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek” (Lq 22, 31). Huwa għalhekk li jiena ġejt minn Ruma fl-Iskozja. Għal dan aċċettajt bil-ferħ l-istedina tal-Isqfijiet tagħkom biex niġi nwettaqkom fil-fidi Kattolika tagħna “li tiġina mill-Appostli” (Canon Romanus).
13. Ippermettuli mela li nagħmel tiegħi l-eżortazzjoni ta’ San Pawl li ġiet indirizzata lilna fil-Liturġija tallum: “inħeġġiġkom, mela biex iġġibu ruħkom b’mod denn tal-vokazzjoni li rċivejtu” ”(Ef 4, 1). Huwa kliem ta’ Kristu stess “Intom il-melħ tal-art . . . intom id-dawl tad-dinja (Mt 5, 13-14), imsejħa minn Alla Missier biex tkunu tiegħu appostli, profeti, evanġelisti, rgħajja u għalliema għall-irġiel u n-nisa ta’ din il-ġenerazzjoni, li għandkom tmexxu lejn Ġesù kif darba Indri mexxa lil ħuh Xmun Pietru. Jalla huma jkunu dejjem miġbuda mill-eżempju tal-ħajja tagħkom ta’ kuljum. L-impenn tagħkom fit-toroq sikuri tal-mod tal-għixien nisrani jistà jkun deċiżiv biex iwassal is-salvazzjoni lil ħafna. Id-dinja għadha kapaċi tagħraf il-valur tat-tieba awtentika!
Kunu fidili għat-tifkira ta’ dawk li koraġġjożament ġew qabilkom fil-Fidi. Kunu assidwi fit-trażmissjoni ntatta tal-patrimonju spiritwali li kien afdat lilkom. Kunu fidili għat-talb ta’ kuljum tagħkom, għall-Quddiesa Mqaddsa u għas-sagrament tal-Penitenza, waqt li regolarment tiltaqgħu ma’ Ġesù Salvatur amoruż u ħanin tagħna. Iddefendu l-valur sagru tal-ħajja u l-qdusija taż-żwieġ. Ifhmu l-fidi kattolika qaddisa tagħkom u għixu skont it-tagħlim tagħha. Iffaċċjaw l-isfidi diffiċli tal-ħajja moderna b’qawwa u sabar nisrani. Jewwilla Ġesù ma qalx lill-dixxipli tiegħu: “Jekk xiħadd irid jiġi warajja għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfà salibu u jimxi warajja” (Mt 16, 24; Mc 8, 34)?
14. Uliedi maħbubin! Kont miżmum infurmat dwar il-preparattivi diliġenti ta’ diversi xhur li ġew qabel l-vista pastorali tiegħi fl-Iskozja. Segwejt b’ammirazzjoni u sodisfazzjon il-programm intens ta’ tiġdid spiritwali tal-komunità kattolika propost mill-Isqfijiet biex jiggarantixxi li l-effetti taż-żjara tiegħi jipproduċu frott li jdum. Niżżi ħajr minn qiegħ qalbi lil kull wieħed u waħda minnkom għat-talb li akkumpanja din it-tħejjija, għall-isforzi kollha li saru biex ikun assikurat is-suċċess. “Dan huwa l-jum magħmul mill-Mulej: liema ferħ immens għalina!” (Sal 118, 24). Nafda lilkom ilkoll, Isqfijiet, kleru, reliġjużi u lajċi lill-interċessjoni materna ta’ Marija, Omm Immakulata ta’ Alla u Omm il-Knisja.
15. Qabel ma nikkonkludi irrid indur għal ftit mumenti lejn l-ikbar komuniità ta’ Kredenti fi Kristu, dawk li jaqsmu ma’ ħuti kattoliċi l-privileġġ li jkunu Skoċċiżi, ulied irġiel u nisa wkoll huma ta’ dan in-Nazzjon antik. Naf il-qima tagħkom lejn l-Iskritturi Sagri, li jiġbru fihom għal dak li huma, Kelma ta’ Alla u mhux tal-bniedem. Irriservajt dan il-waqt u rrid naqralkom issa il-kliem li jmiss minn dak il-pass tal-ittra ta’ San Pawl lill-Efesin: “Ġisem wieħed, spirtu wieħed, bħalma waħda hi t-tama li għaliha kontu msejħin. Mulej wieħed, Fidi waħda, Magħmudija waħda. Alla wieħed, Missier kulħadd, li huwa fuq kulħadd, jaġixxi permezz ta’ kulħadd u huwa preżenti f’kulħadd” (Ef 4, 5-6). Dan il-pass jirrivela b’mod l-iktar ċar ir-rieda ta’ Alla fil-konfront tal-bniedem, pjan li għalih il-bniedem jistà jopponi imma ma jistax jirrendi vojt. Dan huwa l-pjan ta’ Alla għalina lkoll, “għaliex hawn isfel m’għandniex belt stabbli, imma qegħdin infittxu dik futura” (Lh 13, 15). Aħna biss Pellegrini fuq din l-art, mexjin lejn dik is-Saltna tas-smewwiet li konna mwegħda bħala wlied Alla. Maħbubin ħuti fi Kristu, ma nistgħux aħna nwettqu fil-futur dan il-pellegrinaġġ flimkien, id f’id, “billi nittolleraw lil xulxin b’imħabba, billi ninsew għal kollox lilna nfusna, b’ġentilezza u sabar”, billi nagħmlu dak kollu li nistgħu biex “nżommu l-għaqda tal-Ispirtu permezz tar-rabta tal-paċi” (Ef 4, 2-3)? Tinżell żgurissmu fuqna l-Barka ta’ Alla Missierna fil-pellegrinaġġ tagħna.
Fil-waqt li nagħtu bidu għaċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju ewkaristiku ta’ Kristu, ejjw niftakru dwar dawk kollha li huma nvoluti, min-naħa u mill-oħra, fil-konflitt tas-Sud Atlantiku. Fil-ferħ taċ-ċelebrazzjoni tagħna tallum ma nistgħux ninsew il-vittmi tal-gwerra, il-mejtin u l-feruti, il-familji milquta mil-luttu. Nitolbu bil-ħniena lil Alla tal-ħniena biex jagħti l-paċi f’din il-ġurnata tagħna, il-paċi ta’ Kristu Sidna. Hekk ikun.
16. Maħbub poplu tal-Iskozja nitlob sabiex tinżel fuqkom u fuq dawk kollha li huma għeżież għalikom, huma fejn huma, l-abbundanza tal-barka ta’ Alla, sabiex il-familji tagħkom ikunu jistgħu jiffjorixxi u l-paċi u l-armonija jkunu jistgħu jsaltnu fi djarkom. Jalla l-interċessjoni tal-beati appostli Pietru u Indri jiksbu dan għalikom!
U għal din il-maħbuba Art Twelidkom l-Iskozja, irrid nerġà naqbad u nagħmel tiegħi il-kliem familjari għal ħafna minnkom: Mulej, agħmel li l-Iskozja tiffjorixxi permezz tal-predikazzjoni tal-kelma tiegħek u t-tifħir ta’ ismek”!
Hekk ikun.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb