Ġwanni Pawlu II fl-Ordinazzjoni Saċerdotali f’Manchester

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-GRAN BRITTANJA
QUDDIESA BL-ORDINAZZJONIJIET SAĊERDOTALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Manchester, 31 ta’ Mejju 1982

Insellmilkom fl-isem tal-Ispirtu Santu! Għal kull nisrani l-miġja tal-Ispirtu Santu fuq il-Knisja huwa waqt ta’ festa u okkażjoni ta’ tiġdid spiritwali. Jien kuntent li ninsab hawn f’Manchester biex niċċelebra din il-festa u biex nitlob magħkom sabiex il-Paraklitu divin bil-poter tiegħu li jagħti l-ħajja, jgħin lill-membri ta’ din il-Knisja biex imexxu ‘quddiem ir-responsabiltajiet tagħhom bħala “ħolqien ġdid”.

Li tkun ħolqien ġdid hija l-vokazzjoni tal-imgħammdin kollha. Ifakkarna dan ukoll San Pawl, fil-kliem tat-tieni qari tallum “. . . kull min hu fi Kristu, huwa ħolqien ġdid; il-ħolqien qadim għadda, u issa hemm il-ġdid” (2 Kor 5, 17). Imissna mela nabbandunaw it-triq tal-pjaċiri tal-ġisem, tal-krudeltà u tal-egoiżmu. Imissna ngħixu “għal dak li miet u rxoxta għalina” (2 Kor 5, 15). Kull kredent huwa msejjaħ biex isir dixxiplu. Bil-perseveranza fit-talb, il-ħniena ma’ dawk fil-bżonn, fit-tiftix ta’ ġustizzja fl-affarijiet umani, l-insara jipprattikaw is-saċerdozju tal-fidili, soċjetà ħajja fi Kristu li joffri tifħir u glorja lil Alla Missier.

2. Imma kif jistgħu japplikaw il-karatteristiċi ta’ dan l-ordni ġdid ta’ ħolqien għas-saċerdozju tal-fidili, kemm iktar vinkolanti tidher l-applikazzjoni tagħhom għas-saċerdozju ministerjali jew ġerarkiku, li għandu bħala skop il-qdusija tal-Poplu ta’ Alla!

3. Għeżież ħuti, li intom kandidati għas-saċerdozju, illum Kristu jġedded għalikom it-talba tiegħu lill-Missier: “Ikkonsagrahom fil-verità, kelmtek hija verità” (Ġw 17, 17). Din il-konsagrazzjoni tirrendikom maġġorment “ħolqien ġdid”. Tqigħedkom ‘il barra mid-dinja sabiex tiddedikakom lil Alla kompletament. Tafdalkom il-missjoni li taġixxu bħala ambaxxaturi ta’ Kristu biex tressqu d-dinja lejn Alla. Għal dan il-għan Ġesù ġie mingħand il-Missier u twieled mill-Verġni Marija. U din l-istess missjoni kienet afdata minn Kristu lid-dixxipli tiegħu: “Kif inti bgħatt lili fid-dinja, jien ukoll bgħatthom fid-dinja; għalihom jiena nikkonsagra lili nnifsi, hekk li huma wkoll ikunu jistgħu jkunu kkonsagrati fil-verità” (Ġw 17, 18).

F’dan il-waqt important ta’ ħajjitkom jiena ngħidilkom, żgħażagħ: Ifhmu kemm Ġesù jixtieq profondament li intom tkunu kkonsagrati bħal ma hu ikkonsagra lilu nnifsu. Irrejalizzaw kemm huwa strett l-irbit li permezz tas-saċerdozju jgħaqqadkom ma’ Kristu. Kunu denji tal-privileġġ li sejrin tirċievu, konsistenti li twasslu d-don tal-imħabba ta’ Alla lill-Poplu tiegħu, u fl-offertà lil Alla bi tweġiba għat-talba tiegħu.

4. Hemm bżonn li tkunu bnedmin ta’ Alla, ħbiebu tassew. Hemm bżonn li tħejju skemi ta’ kuljum tat-talb, u l-penitenza għandha tkun parti regolari ta’ ħajjitkom. It-talb u l-penitenza jgħinukom tifhmu aħjar li l-qawwa tal-ministeru tagħkom hija bbażata fuq il-Mulej u mhux fuq sisien umani.

L-Ingilterra hija ffortunata li tat il-ħajja lil bosta saċerdoti. Ħafna minn uliedha telqu lill-familja u lill-Art twelidhom fi żminijiet diffiċli biex iħejju ruħhom għas-saċerdozju. Wara l-ordinazzjoni reġgħu lura l-Ingilterra biex jiffaċċjaw ir-riskji differenti, u spiss il-mewt, ikkawżati mill-fidi tagħhom.

Manchester hija ġustament imkabbra bil-martri kbir tagħha, il-benedittin San Ambroġ Barlow.

Il-kattoliċi tal-Lancashire jonoraw il-martri l-oħra tagħhom: Sant’Edmund Arrowsmith, u dawk il-qaddisin kollha jisimhom “John”: John Almond, John Plessington, John Southworth. Imma barra mill-martri tagħkom, għandkom tifirħu wkoll bit-tifkira tal-ħafna saċerdoti qaddisin ta’ dan ir-reġġjun li għexu kuljum b’mod qawwi l-vokazzjoni tagħhom. Hawn qrib, Sant’Elena, Sutton, jinsab il-qabar tal-Beatu Domenico Barberi, il-passjonista Taljan li laqà fil-Knisja lil John Henry Newman. Dan huwa biss wieħed mill-eżempji bla numru ta’ saċerdoti li jkomplu jkunu mudelli ta’ qdusija għall-Kleru attwali.

5. Hemm bżonn li tfittxu li tirrendu kuljum iktar profonda l-ħbiberija tagħkom ma’ Kristu. Hemm bżonn barra minn hekk li titgħallmu taqsmu t-tamiet u l-ferħ, id-dispjaċiri u l-frustrazzjonijiet ta’ dawk li jafdaw ruħhom għall-attenzjoni tagħkom. Wasslulhom il-messaġġ ta’ paċi ta’ Kristu li jgħinhom. Morru sibu l-parruċċani tagħkom f’darhom: dan kien punt qawwi tal-Knisja fl-Ingilterra, din hija prattika pastorali li timmerita li ma tkunx ittraskurata. U la tinsewx lil dawk kollha li jinsabu fi stat ta’ bżonn partikolari, b’mod speċjali l-priġunieri, u l-familji tagħhom. Fil-Vanġelu Kristu jidentifika ruħu mal-priġunieri meta jgħid: “Kont il-ħabs, u ġejtu żżuruni”. U ftakru li ma ppreċiżax jekk ikunux innoċenti jew ħatja. Ladarba intom tirrapreżentaw lil Kristu, ħadd ma jistà jkun eskluż minn imħabbitkom pastorali. Nitlobkom, u magħkom lill-konfratelli saċerdoti, li twasslu t-tislima tiegħi lill-ħabsijiet kollha tal-Gran Brittanja, b’mod speċjali lill-ħabs il-kbir ta’ Manchester. Permezz tagħkom Ġesù Kristu jrid joffri l-paċi tal-kuxjenzi u l-maħfra tad-dnubiet kollha. Permezz tagħkom Ġesù Kristu jrid iqajjem mill-ġdid it-tama f’qalbkom. Permezz tagħkom Ġesù Kristu jrid iħobb lil dawk li għalihom miet. Bil-fedeltà li biha tgħixu ħajjitkom, għallmu lill-poplu kollu tagħkom li temmnu f’dik l-imħabba fidila.

Hemm bżonn ixxandru l-Vanġelu b’ħajjitkom. Meta tiċċelebraw is-sagramenti fil-waqtiet deċiżivi tal-ħajja tal-proxxmu tagħkom, hemm bżonn tgħinuh biex jafda fil-klemenza u l-kompassjoni mwegħda minn Kristu. Meta toffru s-sagrifiċċju redentur tal-Ewkaristija, għinuh jifhem il-bżonn li jittrasforma din l-imħabba kbira f’atti ta’ karità.

6. Ħuti, kunu konxji tal-effett li għandha fuq l-oħrajn ix-xhieda tal-ħajja. L-ordinazzjoni tagħkom hija sors ta’ konsolazzjoni għal dawk li diġa għexu ħafna snin ta’ servizz saċerdotali, numru kbir minnhom jinsabu hawn illum magħna. Il-Mulej huwa grat lejhom għax-xogħol tagħhom, u llum iberikhom billi jassikurahom li se jkompli jipprovdi għall-ġejjieni tal-Knisja. Jalla dawn is-saċerdoti kollha jkunu jistgħu jħossu mġedded fihom l-entużjażmu ferrieħi tal-ewwel sejħa tagħhom, u jalla jkomplu jagħmlu don ġeneruż tagħhom infushom fl-opra saċerdotali ta’ Kristu li jgħaqqad mill-ġdid id-dinja għall-Missier.

Naf li ħafna saċerdoti ma setgħux jiġu minħabba l-età avanzata tagħhom jew minħabba mottivi ta’ saħħa. Nibgħat ukoll lilhom l-espressjoni ta’ mħabbti fl-isem ta’ Ġesù Kristu. It-talb tagħhom, l-għerf tagħhom, it-tbatijiet tagħhom huma teżor għani għall-Knisja, li minnu se jiġu barkiet abbundanti futuri. 

7. U fir-rigward tal-kontemporanji tagħkom? Bla dubju l-fatt li intom aċċettajtu l-missjoni ta’ Kristu huwa xhieda ċara għal dawk li għadhom ma jafux b’ċertezza x’qiegħed jitlob minnhom Alla. Intom uruhom li li tkunu ordnati għas-servizz tiegħu huwa vokazzjoni nobbli li titlob fidi, kuraġġ u sagrifiċċju tagħhom infushom. Jiena ċert li dawn il-kwalitajiet jeżistu b’abbundanza fost iż-żgħażagħ tal-Gran Brittanja. Lilhom jien ngħid:  kunu ċerti li s-sejħa ta’ Kristu għas-saċerdozju jew għall-ħajja reliġjuża hija ndirizzata għal uħud minnkom. Ibqgħu ċerti li jekk tisimgħu s-sejħa tiegħu u ssegwuha fis-saċerdozju jew fil-ħajja reliġjuża, issibu ferħ u kuntentizza kbar. Kunu ġenerużi, kunu qalbiena u ftakru l-wegħda tiegħu: “Il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mt 11, 30).

8. Fl-aħħarnett nixtieq indur fuq il-ġenituri u l-qraba ta’ dawk li sejrin ikunu ordnati saċerdoti. Ngħidilkom, f’isem il-Knisja u flimkien mal-Isqfijiet kollegi tiegħi, grazzi għall-ġenerożità tagħkom. Kontu intom li ġibtu lil dawn il-persuni fid-dinja. Kontu intom li kontu l-ewwel li tajtuhom il-fidi u l-valuri li għinuhom biex illum jaslu fuq l-altar ta’ Alla. Il-Knisja wkoll għandha tkun familja, magħmula minn Isqfijiet, saċerdoti, djakni, reliġjużi u lajċi li jgħinu lil xulxin u li jaqsmu bejniethom id-doni personali riċevuti mingħand Alla. Kull saċerdot jafda fil-fidi u fil-kwalitajiet tal-komunità parrokkjali tiegħu. Jekk ikun jaf ikun għaqli, mhux biss jagħraf il-ferħ li jqassam il-grazzja ta’ Alla, imma wkoll dak li jirċeviha b’abbundanza permezz tal-parruċċani tiegħu.  Ir-rapport bejn is-saċerdoti u l-poplu huwa bbażat fuq it-talb, il-kollaborazzjoni, l-imħabba u r-rispett reċiproku. Din kienet dejjem tradizzjoni ta’ dawn il-gżejjer. Nittamaw li ma tintemm qatt.

9. B’din l-ordinazzjoni l-Mulej ikompli verament u prattikament l-opra tiegħu ta’ “ħolqien ġdid”. U jkompli biex iwassal il-messaġġ tiegħu fuq l-Art kollha u biex ikellem b’mod personali ma’ dawk li jkunu ordnati saċerdoti: “”Morru issa għand dawk li għandhom se nibgħatkom u għidu dak li nordnalkom. La tibżgħux minnhom, għaliex jien ninsab magħkom biex nipproteġikom “. Dan huwa kliem il-Mulej” Ġer 1, 7-8). Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading