Il-prinċipju 90/100

Print Friendly, PDF & Email

Skont il-Profs. Stephen Covey espert fil-management, 10% tal-ħajja hu magħmul minn dak li jiġrilek.  Id-90% l-oħra jiġi deċiż mill-mod kif tirrejaġixxi. 

Dan x’ifisser?  Jien m’għandix kontroll fuq l-10% lil jiġrili: p.e. ma nistax inżomm il-karozza milli ma tistartjax; l-ajruplan li jasal tard u jtellifli t-tieni t-titjira li kelli bbukkjata; sewwieq li jserrep quddiemi jew traffic jam li jġegħiluni nasal tard.  Fuq dan il-10% jien m’għandix kontroll.  Imma l-bqija tad-90% huma differenti. Nista’ nikkontrollahom skont il-mod kif nirrejaġixxi għal kull sitwazzjoni.

Nieħdu eżempju.  Waqt il-breakfast it-tifla xxerred il-kafe’ fuq il-qmis bajda tiegħek.  Fuq dan il-fatt int m’għandekx kontroll. Li jiġri issa se jiddetermina kif se tirrejaġixxi.  Tista’ jew

  •  titkellem ħażin, tgħajjat mat-tifla u hi tinfaqa’ tibki.  Imbagħad tgħajjat mal-mara talli tkun qiegħdet il-kikkra fit-tarf tal-mejda.   Dan iqajjem argument sħun.  Int tissuppervja u titla’ tiġri fuq tbiddel il-qmis.  Kif tinżel tinduna li t-tifla għadha tibki,  ma spiċċatx tiekol u tilfet il-private tal-iskola.  Il-mara titlaq għax-xogħol u int ikollok twassal lit-tifla l-iskola.  Peress li tkun ġa qiegħed tard, issuq ħafna u jwaqqfek tat-traffic.  Sakemm itik ticket tgħaddi kwarta oħra.  Meta taslu, it-tifla toħroġ tiġri mill-karozza  u tidħol l-iskola bla ma tħares lura biex ixxejirlek kif tagħmel is-soltu.  Meta tasal l-uffiċċju tintebaħ li nsejt il-briefcase id-dar.  Wara ġurnata strumblata, tasal id-dar, u ssib li tkun xelliftha sew mal-mara u mat-tifla.  Dan kollu minħabba l-imġieba tiegħek filgħodu.  Ma kienx tort tal-kafe’, ta’ bintek, tal-mara jew tal-pulizija tat-traffic.  Ma kellek ebda kontroll fuq it-tixrid tal-kafe’, imma r-rejazzjoni tiegħek f’dawk il-ħames sekondi wara, irriżultat  f’ġurnata ħażina.
  •  mill-banda l-oħra stajt meta t-tifla qalbet il-kafe’ fuq il-qmis, u ndunajt  li se tinfaqa’ tibki, kont tgħidilha bil-ħlewwa, “Ma ġara xejn, qalbi.  Darb’oħra oqgħod naqra aktar attenta.  Orrajt?” Titla’ fuq tbiddel il-qmis.  Tinżel isfel, issellem il-mara, taqbad il-briefcase u tinduna li t-tifla spiċċat tiekol u mit-tieqa taraha tiela’ l-private.  Qabel titla’ iddur u xxejjirlek bħas-soltu.  Tmur għax-xogħol u tasal ħames minuti qabel.  L-impjegati l-oħra jitbissmulek il-jum kollu.

Dawn iż-żewġ xenarji bdew l-istess, imma komplew u spiċċaw differenti.  Min japplika dan il-prinċipju 90/10 jgħix aħjar u jnaqqas l-istress f’ħajtu.  Tista’ tapplikah f’diversi sitwazzjonijiet oħra.  Jekk xi ħadd ixerred għidut kontrik, ħalli dan jiżlok minn fuqek bħal ilma fuq dahar papra, u tħallihx jeffettwak.  Inkella tista’ titlef ħabib, tirvina l-ġurnata u tissogra titlef l-impieg.  Inqbadt fit-traffiku? Mhux aħjar ma tirrabjax, issawwat l-isteering jew titkellem ħażin, imma tikkalma u taċċetta l-fatt li se tasal naqra tard.  Ftakar f’dan il-prinċipju ta’ 90/10, u hekk tnaqqas l-istress għax ma tkunx inkwetajt fuq dak li fuqu m’għandekx kontroll.  Wieħed għaref kien qal li kulma nagħmlu, ngħidu jew naħsbu hu bħal boomerang, jiġifieri jerġa’ jiġi għandna.  Per eżempju, meta aħna nagħtu bil-qalb, jista’ jkun li nispiċċaw b’idejna vojta, imma qalbna tfur bil-ferħ u bl-imħabba.

Minn Edward Tagliaferro

%d bloggers like this: