Il-Papa fi tweet jagħti appoġġ għall-kampanja tar-Rużarju tat-tfal tal-ACN

Print Friendly, PDF & Email

“Ejjew #NitolbuFlimkien mat-tfal ta’ kull kontinent li llum qed jirreċitaw ir-Rużarju għall-paċi fid-dinja,” hekk kiteb il-Papa Franġisku fi tweet nhar il-Ħamis. “Ejjew nafdaw f’idejn l-interċessjoni tal-Madonna l-poplu li qed ibati l-Ukrajna u nies oħra li qed ibatu minħabba l-gwerra, l-vjolenza u l-miżerja.”

It-tweet tal-Papa jirreferi għall-kampanja annwali ta’ Aid to the Church in Need “Miljun Tfal Jitolbu r-Rużarju”, li ssir kull sena fit-18 ta’ Ottubru, fil-festa ta’ San Luqa Evanġelista.

Il-kampanja tfakkar fil-ħsieb ta’ San Pio ta’ Pietrelċina – magħruf bħala Padre Pio – li qal, “Meta miljun tifel u tifla jitolbu r-Rużarju, d-dinja tinbidel”; kif ukoll kliem Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Luqa: “Jekk ma ssirux bħat-tfal, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet”.

Il-kampanja ta’ din is-sena, li hija ddedikata biex nitolbu għall-paċi u l-għaqda madwar id-dinja, hija ffukata fuq l-imħabba ta’ Alla l-Missier għad-dinja.

F’test li jistieden lin-nies biex jipparteċipaw fil-kampanja, l-Kardinal Maura Piacenza, il-Penitenzier Maġġuri tal-Penitenzerija Appostoliku, jikteb, “Meta nħarsu madwar il-gwerer u l-ħażen kollu, l-persekuzzjoni, l-mard u l-biżgħat li hawn fid-dinja tagħna, in-nies tista’ tistaqsi, ‘Alla tassew għandu kontroll?’” “Iva, għandu, imma rridu wkoll nilħqu idejh mifruxa u nżommu miegħu. Alla jilħaqna, permezz ta’ Marija. Aħna nemmnu li jekk flimkien nitolbu r-Rużarju bil-fedeltà, allura l-qaddisa Omm Alla tmexxina lkoll bħala familja waħda kbira f’dirgħajn ta’ mħabba ta’ Missierna tas-Sema”.  

Meta ħabbret l-avveniment fi stqarrija għall-istampa, Aid to the Church in Need spjegat li “tixtieq tafda f’idejn il-qawwa tal-imħabba tal-Missier Divin, permezz l-interċessjoni qawwija ta’ Omm Alla, lil dawk il-postijiet kollha fejn in-nies ma jistgħux jgħixu fil-paċi”. Minbarra l-Ukrajna, l-istqarrija għall-istampa tinnota “s-sitwazzjonijiet ta’ gwerra, vjolenza, u faqar profond li għadhom jeżistu” f’pajjiżi bħan-Niġerja, il-Myanmar, u l-Pakistan, u reġjuni inklużi tal-Lvant Nofsani, is-Saħel, u l-Afrika.  

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2022-10/pope-tweets-support-for-acn-children-s-rosary-campaign.html

%d bloggers like this: