Fil-qalba tal-messaġġ tal-Papa Franġisku lill-parteċipanti fit-2 edizzjoni tal-Forum Dinji tal-Ikel (WFF) kien hemm is-sejħa “mhux sempliċiment biex nitimgħu lill-ieħor, imma biex nagħtu lilna nfusna fis-servizz tal-oħrajn” fi spirtu ta’ “fraternità u solidarjetà”, li għandu “jispira relazzjonijiet bejn l-individwi u bejn il-popli”.
Il-Forum fl-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) qed isir mis-17 sal-21 ta’ Ottubru 2022 b’enfasi fuq “Azzjoni taż-Żgħażagħ”, “Xjenza u Innovazzjoni”, u “Investiment”.
Dan il-forum ġie f’sena fejn għandna problema kbira ta’ ġuħ bla preċedent. L-istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti turi li l-kunflitt, il-COVID, il-kriżi tal-klima, u l-ispejjeż li qed jiżdiedu magħqudin flimkien qed joħolqu periklu għal 828 miljun persuna bil-ġuħ madwar id-dinja. F’din id-dinja ta’ kriżijiet interkonnessi, qal il-Papa fil-messaġġ tiegħu lill-parteċipanti fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-WFF, il-messaġġ ta’ Kristu jisfidana biex nieħdu deċiżjonijiet u nippromwovu inizjattivi għall-ġid u l-futur tal-umanità kollha.
Waqt li estenda t-tislima tiegħu lil dawk kollha li jimpenjaw ruħhom u jistinkaw kuljum biex jeqirdu l-ġuħ u l-faqar fid-dinja, il-Papa Franġisku qal “l-ikel huwa fundamentali għall-ħajja tal-bniedem, fil-fatt, jaqsam mas-sagrilità tiegħu u ma jistax jiġi ttrattat bħal kull merkanzija oħra”.
“L-ikel huwa sinjal konkret tat-tjubija tal-Ħallieq u tal-frott tal-art”.
Il-Qdusija Tiegħu fakkar fir-rispett li kellhom in-nanniet lejn il-ħobż: “kienu jbusuh meta jġibuh fuq il-mejda u ma ħallew xejn jinħela”. “Kristu nnifsu, fl-Ewkaristija, sar ħobż ħaj għall-ħajja tad-dinja”. Il-Papa qal li biex nirrispettaw l-ikel u nagħtuh il-post importanti li għandu fil-ħajja tal-bniedem, “minbarra tħassib għall-produzzjoni, id-disponibbiltà, u l-aċċess tiegħu”, irridu nkunu konxji li huwa “don ta’ Alla, u li aħna sempliċiment amministraturi.”
L-ewwel tħassib tagħna, hu li “jiffoka fuq il-bniedem bħala tali, meqjus fl-integrità tiegħu jew tagħha u b’kont meħud tal-bżonnijiet reali tiegħu jew tagħha, b’mod partikolari dawk li m’għandhox is-sosteniment bażiku għas-sopravivenza”. F’dan il-perjodu ta’ kriżijiet konessi, kompla jgħid il-Kap tal-Knisja Kattolika, il-messaġġ ta’ Kristu, anke għal dawk li ma jemmnux, “jisfida lilna mhux sempliċiment biex nitimgħu imma biex nagħtu lilna nfusna fis-servizz lill-oħrajn, billi nagħrfu u niggarantixxu ċ-ċentralità tal-persuna umana”.
“Din il-prijorità tista’ tiġi salvagwardjata biss jekk nerġgħu nemmnu fil-fraternità u s-solidarjetà li għandhom jispiraw ir-relazzjonijiet bejn l-individwi u bejn il-popli”.
Il-Papa temm il-messaġġ tiegħu billi qal li jafda f’idejn Alla l-frott ta’ din il-laqgħa, “biex jiżdiedu l-inizjattivi u d-deċiżjonijiet li jikkontribwixxu għall-ġid u l-futur tal-umanità kollha”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-10/pope-message-fao-world-food-forum-hunger-solidarity-fraternity.html