VIŻTA PASTORALI F’RIO DE JANEIRO U FL-ARĠENTINA
QUDDIESA GĦALL-POPLU ARĠENTIN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Buenos Aires, 12 ta’ Ġunju 1982
Għeżież ħuti.
1. F’dan il-post tal-monument għall-Ispanjoli, ġo uenos es, ninsabu hawn miġbura biex nagħtu ġieħ ta’ fidi u ta’ qima lil Kristu fl-Ewkaristija, għall-imħabba li tgħaqqad, tirrikonċilja u tgħolli d-dinjità tal-bniedem.
Dan huwa post li mhux biss huwa marbut mat-tifkira tal-ewwel ċentinarju tal-indipendenza tagħkom, imma li jikkostitwixxi wkoll ċentru mportanti fil-ħajja ta’ kuljum tal-abitanti, adulti u tfal, tal-belt kapitali tan-nazzjon.
Barra minn dan, din il-pjazza hija marbuta mat-tifkira tat-XXXII Kungress Ewkaristiku Nternazzjonali tal-1934. Ġrajja li kellha tant importanza għat-twelid tal-ħajja kattolika fl-Arġentina. U li rat il-preżenza bħala “Legato a Latere” tal-allura Kardinal Eugenio Pacelli, iktar tard Piju XII.
Is-salib kbir li tant jiftakar, u li kien jiksi b’dirgħajh dan il-monument, kien is-simbolu elokwenti tas-Salib ta’ Kristu li ttellà fuq l-istorja tagħkom, f’mumenti ferrieħa u diffiċli bħala sinjal ta’ fidwa u ta’ tama.
F’dan il-post qegħdin nitħejjew biex niċċelebraw illum it-tifkira tal-Misteru tal-Imħabba u tal-Ġisem u tad-Demm tal-Mulej.
2. “Pange lingua gloriosi / Corporis mysterium, / Sanguinisque pretiosi . . .”
Il-bieraħ, fis-Santwarju ta’ Omm Alla f’Luján, Santwarju tan-nazzjon Arġentin, immeditajna, waqt li segwejna l-parabbola tal-liturġija dwar il-misteru tal-elevazzjoni tal-bniedem fis-Salib ta’ Kristu.
Mill-għoli tas Salib jasal għand kull wieħed u waħda minna l-kliem: “Mara, hawn hu ibnek!” u “Hawn hi ommok!” (Ġw 19, 26-27); u smajna dan il-kliem fi qlubna, bħala tħejjija għas-sollennità tallum: is-sollennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu.
Mill-ġdid għal darb’oħra ejjew inħarsu lejn is-Salib: lejn il-Ġisem ta’ Kristu li qiegħed ibati fil-kontrazzjoni tal-mewt; u ejjew indawru ħarsitna lejn l-Omm: din l-Omm li wliedha tal-art Arġentina jqimu fis-Santwarju ta’ Luján.
“Ave verum corpus natum / de Maria Virgine, / vere passum immolatum / in Cruce pro homine . . .”.
Illum ejjew inqimu preċiżament dan il-Ġisem: Ġisem divin ta’ Bin il-bniedem, ta’ Iben.
Is-santissmu Sagrament tal-patt il-ġdid. L-ikbar teżor tal-Knisja. It-teżor tal-fidi tal-Poplu ta’ Alla kollu.
3. Is-sollennnità ta’ dan il-jum tistedinna biex nerġgħu lura fiċ-ċenaklu ta’ Ħamis ix-Xirka. “Fejn huwa il-post fejn nistà nikkonsma l-Għid flimkien mad-dixxipli tiegħi?” (Mk 14, 14). Hekk kienu staqsew id-dixxipli ta’ Ġesù ta’ Nażżaret lil raġel li kienu ltaqgħu miegħu għal għonq it-triq.
Dan għamluh billi segwew l-istruzzjonijiet tal-Imgħallem. U wkoll skont dawn l-istruzzjonijiet “ħejjew il-Għid” (Mk 14, 16).
Waqt li kienu jieklu, Ġesù “qabad il-ħobż u waqt li bierku, qasmu, tah lid-dixxipli filwaqt li qal: «Ħudu, dan huwa ġismi . . .»” (Mk 14, 22).
F’dak il-waqt, waqt li aġixxew skont l-ordni tiegħu, min jaf, forsi tfaċċa fit-tifkira tagħhom il-kliem li Ġesù kien ippronunzja darba waħda, fil-viċinanza ta’ Kafarnaw: “Jien il-ħobż ħaj li niżel mis-sema; kull min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Ġw 6, 51).
Dak il-jum imqaddes, fiċ-ċenaklu, forsi ntebħu li kien wasal iż-żmien tat-twettiq ta’ dik il-wegħda magħmula qrib Kafarnaw, wegħda li għal uħud dehret diffiċli biex jaccettawha?
Krisu jgħid: “Ħudu, dan huwa ġismi . . .” waqt li offrilhom biex jieklu l-ħobż. Dan il-ħobż jinbidel f’Ġismu, Ġisem li l-jum ta’ wara kellu jingħata għas-sagrifiċċju tas-salib.
Ġisem immnartirizzat li jogħroq id-Demm.
Kristu fiċ-ċenaklu jieħu l-kalċi u wara li kien iżża ħajr jagħtihulhom waqt li jgħid: “Dan huwa Demmi tal-patt imxerred għall-multitudni” (Mk 14, 24).
Taħt l-aspett tal-imbid id-dixxipli jirċievu d-Demm tal-Mulej u fl-istess ħin jieħdu sehem fil-patt il-Ġdid u Etern li jiġi konkluż bid-Demm tal-Ħaruf ta’ Alla.
Il-festa tal-“Corpus Christi” – sollennnità tal-Ewkaristija – u fl-istess ħin, “il- Festa tal-Patt il-Ġdid u Etern”, li Alla ssiġilla mal-umanità fid-Demm ta’ Ibnu.
4. Dan il-patt – Ġdid u Etern – kien imħabbar u mibdi fil-“Patt il-Qadim li dwaru jitkellem il-qari tallum, meħud mill-ktieb tal-Esodu.
Tali patt kien stabbilit permezz tad-demm tal-annimali ssagrifikati li bihom Mosè bierek lil ulied Iżrael. Il-poplu, bierek b’dan id-demm wiegħed fedeltà għall-kelma tal-Mulej, wegħda miġbura fil-ktieb tal-patt: “Dak kollu migħud mill-Mulej inqegħeduh fil-prattika u nobduh” (Es 24, 7).
Il-patt il-Ġdid u Etern, li s-sagrament tiegħu kien imwaqqaf fiċ-ċenaklu paskwali, mhuwiex imsejjes fuq il-kelma miktuba fil-Ktieb.
Il-Verb sar Ġisem. Il-patt il-Ġdid jitwettaq permezz tal-Ġisem divin ta’ Bin il-bniedem. Jitwettaq permezz tad-Demm imxerred fuq is-salib matul il-passjoni. Il-patt il-Ġdid jinbidel fis- sagrament tal-Ġisem u tad-Demm ta’ Kristu.
Il-Ġisem mogħti għall-passjoni u l-mewt u d-demm imxerred huma s-sagrifiċċju tal-espijazzjoni. B’dan is-sagrifiċċju tal-Iben Għażiż kien issiġillat l-patt definittiv ma’ Alla: patt ġdid u Etern.
Illum niċċelebraw b’mod partikolari s-sinjali ta’ dan il-patt: il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej.
5. Dak il-patt, imwettaq darba biss fuq is-Salib, imwettaq darba biss bħala sagrament fiċ-ċenaklu, jibqà intatt: Ġesù Kristu – bħalma jipproklama l-Awtur tal-ittra lil-Lhud – “daħal darba għal dejjem fis-santwarju . . . wara li kien kiseb għalina fidwa eterna” (cf. Lh 9, 12).
Wieħed jistà wkoll jgħid li Ġesù Kristu jidħol bla jaqtà f’dan is-santwarju li fih jiġi deċiż id-destin etern tal-bniedem f’Alla, li fih titwettaq l-elevazzjoni definittiva tiegħu għad-dinjità ta’ iben addottiv. F’dan tikkonsisti rejalment il-“fidwa etewrna”.
Ferm iktar minn kwalunkwè sagrifiċċju; jistqarr mill-ġdid l-Awtur tal-ittra lil-Lhud: “Kemm aktar id-demm ta’ Kristu, li l-Ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jistà jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mill-għamil mejjet biex taqdu lil Alla l-ħaj!” (Lh 9, 14).
Il-Ġisem divin iġorr miegħu l-patt il-ġdid fid-Demm ta’ Kristu. Dan id-Demm waqt li jgelgel mill-Ġisem Imsallab fuq il-Golgota, iġorr il-mewt u fl-istess ħin jagħti l-Ħajja.
Il-mewt tagħti l-Ħajja! Din il-ħajja toriġina mhux fil-ġisem li jmut, imma fl-Ispirtu mmortali: fl-Ispirtu Etern.
Hu, li hu Alla, mill-istess sustanza tal-Missier u tal-Iben, “jagħti l-ħajja” (kif nistqarru fil-Kredu minn żmien il-Konċilju ta’ Kostantinopli). Bl-influss vivifikatur tiegħu jieħdu l-ħajja l-opri tal-kuxjenzi umani: b’dan il-mod id-Demm tal-Ħaruf ta’ Alla, imxerred darba waħda fuq il-Golgota, jinbidel fis-Santwarju Etern tad-destini divini tal-bniedem: is-sors tal-Ħajja.
Permezz tiegħu, hu: Kristu (Kristu: Ġisem u Demm divin) huwa il-Medjatur tal-patt il-Ġdid, għaliex mill-mewt (imġarrba fuq il-Golgota) “dawk li kienu msejħa jirċievu l-wegħdi tal-wirt etern” (Lh 9, 15).
6. Hawn hu l-misteru tal-Ġisem ta’ Alla u tad-Demm imqaddes tiegħu. Il-misteru li dwaru kelli grazzja li nkun nistà nimmedita flimkien magħkom, għeżież uliedi tan-nazzjon Arġentin.
Ilbieraħ fis-Santwarju ta’ Omm Alla f’Luján immeditajna waqt li segwejna l-kelma tal-liturġija, dwar l-elevazzjoni tal-bniedem permezz tas-Salib ta’ Kristu u tad-dinjità tal-Iben tal-addozzjoni divina
Illum, bil-liturġija tal-“Corpus Christi”, insibu l-istess misteru fiċ-ċentru tal-patt il-Ġdid u Etern. Dan il-misteru huwa rejaltà li tibqà dejjem u hija dejjem bejn Alla infinit u kull bniedem, mingħajr eċċezzjoni.
Ilkoll ninsabu fi ħdanu.
Ilkoll aħna msejħa u mistiedna biex nirċievu s-sagrament tal-Ġisem u tad-Demm, li fih hemm miktuba l-verità kollha u r-rejaltà tal-patt il-Ġdid u Etern.
L-elevazzjoni tal-bniedem fuq is-Salib ta’ Kristu hija rratifikata mill-“Kulu u Ixorbu”, li jagħtu l-qies ta’ din l-elevazzjoni. L-Ewkaristija tkellimna kull darba li titwettaq din l-elevazzjoni fis-sinjal sagramentali tal-patt mal-bniedem, li l-prezz tiegħu ħallsu Gesù Kristu bil-Ġisem u d-Demm tiegħu. Fil-passjoni u fil-mewt qiegħed il-bidu tal-Qawmien mill-Imwiet u tal-Ħajja.
7. Għeżież uliedi tal-art Arġentina! Nimmedita magħkom – bħala pellegrin – din il-verità permanenti tal-fidi tagħna. Kemm hu sabiħ li din il-laqgħa qasira tagħna f’din l-okkażjoni ssir fis-sinjal tas-sollennità tal-Ġisem u d-Demm imqaddes ta’ Kristu.
Xtaqt ħafna li jkolli din il-laqgħa magħkom – indipendentement minn żjara pastorali normali lill-Knisja fl-Arġentina, li dwarha mill-banda l-oħra naħseb dwarha kontinwament – xtaqt ħafna fid-dawl b’mod speċjali tal-ġrajjiet diffiċli u mportanti tal-aħħar ġimgħat.
Il- verità dwar il-ġisem u d-Demm ta’ Kristu – sinjal tal-patt il-Ġdid u Etern – ikun dawl għal dawk l-ulied kollha, kemm Arġentini jew Ingliżi, li tul il-korsa tal-ġlied riċenti soffrew il-mewt, waqt li xerrdu demmhom. Jalla din il-verità vivifikatriċi, magħquda maċ-ċertezza tal-elevazzjoni tal-bniedem fuq is-Salib ta’ Kristu, ma tiqafx isservi ta’ ispirazzjoni għall-ħajjin kollha, ulied maskili u femminili ta’ din l-art, li jixtiequ jibnu l-preżent u l-futur tagħhom bl-aqwa rieda tajba.
Jalla il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu ma jiqfux ikunu l-ikel ta’ kulħadd tul dawn il-mixjiet diffiċli, jalla l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu jiggwidawkom tul il-patrija terrena fi spirtu ta’ mħabba u ta’ servizz, sabiex id-dinjità tan-nazzjon tibbaża ruħha, dejjem u kullimkien, fuq id-dinjità ta’ kull bniedem bħala iben tal-addozzjoni divina.
B’din ix-xewqa ta’ mħabba u ta’ servizz, qabel ma nikkonkludi din il-laqgħa ta’ fidi, ma nistax nonqos milli nindirizza kelma speċjali liż-żgħażagħ Arġentini.
Għeżież ħbieb, kontu kontinwament f’moħħi tul dawn il-jiem. Apprezzajt b’mod partikolari l-laqgħa tagħkom u l-atteġġjament tagħkom. U rajt f’għajnejkom t-talba ħerqana tal-paċi li tbaqbaq mill-ispirtu.
Imgħaqdu wkoll maż-żgħażagħ tal-Gran Brittanja, li fil-jieml-imgħoddija ċapċpu u kienu sensibbli ugwalment għal kull invokazzjoni ta’ paċi u ta’ qbil. Għal dan il-għan, b’ferħ tassew nitrażmettilkom messaġġ irċevut għalikom. Ladarba huma wkoll talbuni, b’mod speċjali fil-laqgħa ta’ Cardiff, biex inwasslilkom ix-xewqa sinċiera tagħhom ta’ paċi.
La tħallux li l-odju jxejjen l-enerġiji ġenerużi u l-ħila li tiftehmu ma’ kulħadd, li ġġorru ġewwa fikom. Agħmlu b’idejkom magħqudin – flimkien maż-żgħożija Latino-Amerikana, li fi Puebla afdat ruħha għall-attenzjoni speċjali tal-Knisja – katina ta’ għaqda iktar qawwija mill-ktajjen tal-gwerra. Hekk tkunu Żgħażagħ u preparaturi ta’ dinja futura aħjar; hekk tkunu nsara.
Minn dan il-post, li minnu bl-innu tal-Kbir Kungress Ewkaristiku titolbu lil Alla tal-qlub li jgħallem l-imħabba lin-nazzjonijiet, minn dan il-post, issa, titkebbes f’kull qalb Arġentina u fis-soċjetà kollha, l-imħabba, ir-rispett lejn kull persuna, il-fehim u l-paċi. Hekk ikun.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb