QUDDIESA TAL-“CORPUS DOMINI”
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħamis, 10 ta’ Ġunju 1982
1. “U wara li kienu kantaw l-innu, ħarġu lejn il-għolja taż-Żebbuġ” (Mc 14,26).
B’din is-sentenza jintemm l-qari tallum tal-Vanġelu ta’ San Mark.. Dan fih d-deskrizzjoni tal-Aħħar Ċena, l-ewwel il-preparattivi għaliha, imbagħad it-twaqqif tal-Ewkaristija.
“Waqt li kienu jieklu qabad il-ħobż u, kif lesta l-barka, qasmu u tahulhom, waqt li qal: “Ħudu, dan huwa ġismi”. Imbagħad ħa l-kalċi u iżża ħajr, tahulhom u xorbu minnu lkoll” (Mk 14,22-23).
Kollox seħħ fl-ikbar ġabra u skiet. Fis-sagrament li Ġesù waqqaf tul l-Aħħar Ċena, huwa jagħti lilu nnifsu lid-dixxipli: Ġismu u Demmu taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid. Jagħmel dak li jum wieħed kien ħabbar bil-quddiem fl-inħawi ta’ Kafarnaw – u li dakinhar kien ipprovoka it-tluq minn miegħu ta’ bosta. Kien hekk diffiċli l-kliem biex ikun aċċettat: “Jien il-ħobż ħaj, li niżel mis-sema. Min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Ġw 6,51).
Illum huwa jwettqu. U l-Appostli jirċievu, jieklu l-ħobż-Ġisem, jixorbu l-imbid-Demm.
Fuq il-kalċi huwa jlissen: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, imxerred għall-kotra” (Mk 14,24).
Jirċievu l-Ġisem u d-Demm bħala l-ikel u x-xarba ta’ din l-Aħħar Ċena. U jsiru parteċipi tal-Patt: tal-Patt il-Ġdid u Etern, li permezz ta’ dan il-Ġisem mogħti fuq is-Salib, permezz tad-Demm imxerred waqt il-Passjoni; jiġi konkluż.
Kristu jkompli jżid: “Fis-sewwa ngħidilkom li jiena ma nixrobx iktar minn frott id-dielja sal-jum li fih nixorbu mill-ġdid fis-Saltna ta’ Alla” (Mk 14,25).
Din hija mela b’mod verbali l-Aħħar Ċena.
Is-Saltna ta’ Alla, Saltna taż-żmien li ġej, bdiet fl-Ewkaristija, u minnha se tiżviluppa ruħha sa tmiem id-dinja.
2. Meta l-Appostli joħorġu, wara l-Aħħar Ċena, lejn il-Muntanja taż-Żebbuġ, ilkoll iġorru fihom dan il-kbir misteru imwettaq fiċ-Ċenaklu.
Jakkompanjahom Kristu: il-Kristu-ħaj fl-art. U fl-istess ħin iġorru fihom lil Kristu: il-Kristu-Ewkaristija.
Huma l-ewwel fost dawk li iktar tard jiġu msejħa “Christoforoi” (Theo-foroi).
Propju hekk kienu msejħa il-parteċipanti fl-Ewkaristija. Kienu joħorġu mill-parteċipazzjoni f’dan is-Sagrament, waqt li jġorru ġo fihom lil Alla nkarnat. Bih f’qalbhom kienu jmorru fost il-bnedmin fil-ħajja ta’ kuljum.
L-Ewkaristija hija s-Sagrament tal-ħabi l-iktar profond ta’ Alla: huwa jinħeba taħt l-ispeċi tal-ikel u tax-xarba, u b’dan it-tali mod jinħeba fil-bniedem. U fl-istess ħin, l-istess Ewkaristija hija, minħabba dan il-fatt, minħabba dan il-ħabi fil-bniedem, is-Sagrament ta’ ħruġ partikolari fid-dinja – u tad-dħul fost il-bnedmin u f’nofs dak kollu li bih tikkomponi ruħha ħajjithom ta’ kuljum.
Hawn hi l-ġenesi tas-sollennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddsa ta’ Kristu.
Nafu li din il-festa, fil-forma storika tagħha, inbdiet fis-seklu XIII u żviluppat ruħha b’mod wiesà fil-komunitajiet kattoliċi fid-dinja kollha. Bdanakollu l-bidu ta’ din il-festa, jistà dak li jkun jarah f’dik il-proċessjoni” magħmula mill-Appostli, li kienu jdawru lil Kristu u fl-istess ħin kienu jġorruh fi qlubhom bħala Ewkaristija, meta ħarġu miċ-Ċenaklu u mxew lejn il-Muntanja taż-Żebbuġ.
Aħna llum inwettqu l-istess tradizzjoni antika. Niċċelebraw l-Ewkaristija fuq l-altar, nilqugħa fi qlubna biex inġorruha bħala “Christoforoi” għal għonq it-toroq ta’ Ruma fil-proċessjoni niltaqgħu ma’ dak kollu li hawn idawwarna, biex nixhdu quddiem kollox u kulħadd l-Patt il-Ġdid u Etern.
3. “X’se nagħti lill-Mulej / għal dak kollu li tani? / Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni / u nsejjaħ isem il-Mulej” (Sal 115 [116],12-13). Dan huwa kliem is-Salmista.
Nixtiequ nagħmlu dak li dan jesprimi. Nixtiequ – aħna lkoll inġorru lil Kristu fi qlubna, forsi saħansitra kuljum, aħna lkoll; “Christo-foroi”… – nixtiequ u nroddu lill-Mulej għal dak kollu li għamlilna u li dejjem jagħmel, lil kull wieħed u waħda u lil kulħadd.
Nixtiequ ngħollu l-kalċi tas-salvazzjoni, il-kalċi tal-Ewkaristija, u nsejħu b’mod pubbliku l-isem tal-Mulej quddiem il-bnedmin kollha, quddiem il-belt u d-dinja.
Ma jitwettaqx jewwilla, propju quddiem din il-belt, Ruma, b’mod partikolarment testwali l-kliem l-ieħor tas-Salm: “Prezzjuża f’għajnejn il-Mulej / hija l-mewt tal-fidili tiegħu” (Sal 115 [116],15)?
Ruma tal-Appostli, tal-martri u tal-qaddisin, tonora l-Ewkaristija li saret għal kulħadd il-Ħobż tal-Ħajja u d-Demm tal-libertà spiritwali: “Jiena l-qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek; / inti qtajt il-ktajjen tiegħi” (Sal 115 [116],16).
Hekk jitkellem dwaru s-Salmista. U hekk jaħseb kull “Christoforos”, li jaf li permezz tal-penitenza u l-Ewkaristija t-triq twassal mid-dnub u mill-iskjavitù tax-xitan u tad-dinja – għal-libertà fl-Ispirtu.
Waqt li nimxu fil-proċessjoni tal- Ġisem u d-Demm Imqaddsa ta’ Kristu, nixtiequ nirrendu propju ta’ dan xhieda lill-Belt u lid-Dinja. Din hija l-liturġija tagħna ta’ tifħir u ta’ rendiment ta’ ħajr, li ma nistgħux nittraskuraw quddiem Alla u l-bnedmin.
“Lilek noffri saġrifiċċji ta’ tifħir / u nsejjaħ isem il-Mulej. – Inwettaq il-wegħdiet tiegħi lill-Mulej / quddiem il-poplu tiegħu kollu” (Sal 115 [116],17-18).
Kristu! Alla Moħbi! Aċċetta dan is-sagrifiċċju tagħna ta’ tifħir! Aċċetta r-rendiment ta’ grazzji u l-ferħ ta’ dan il-poplu li, wara tant sekli u ġenerazzjonijiet, iġorr f’qalbu l-misteru tal-Patt il-Ġdid u Etern!
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb