Il-maħfra hija l-akbar għotja

Print Friendly, PDF & Email

(It-Tielet Parti)

FR. PHILIP CUTAJAR OFMCAP

Għal darb’oħra, għat-tielet darba, qed inkun magħkom billi naqsam aktare ħsibijiet u riflessjonijiet dwar is-suġġett tal-MAĦFRA. Dan qed nagħmlu kemm għax nemmen fil-valur tiegħu jekk irridu tassew ngħixu ta’ nsara dixxipli ta’ Kristu, kemm ukoll għax għandna ferm bżonnu fil-ħajja tallum kemm dik soċjali, politika, fil-familji tagħna, fuq ix-xogħol u fil-Knisja; u mhux inqas għax kontu intkom il-qarrejja li għal darb’oħra urejtuni li tixtiequ tkunu tafu aktar dwar dan is-suġġett. Kien hemm min qalli li qed jaqsam dan il-materjal fil-gruppi li janima fil-parroċċa tiegħu. J’Alla! Dan hu l-iskop tagħna.  Bħalma għamilt fid-darbtejnta’ qabel, anke issa ser nibda billi naqsam magħkom storja ċkejkna:

Fl-1863 il-President Lincoln għamel din id-dikjarazzjoni:

“Pajjiżna kiber fin-numru, fil-qawwa u fil-għana. Forsi ebda nazzjon ieħor ma kiber daqsna. Iżda nsejna lill-Mulej u għalhekk jixraq li lkoll kemm aħna numiljaw ruħna quddiemu, nistqarru ħtijietna. Għal dan il-għan nipproponu li t-30 ta’ April 1863 ikun Jum Nazzjonali ta’ sawm u talb lill-Mulej li żgur jisma’ talbitna ħalli mhux biss jaħfrilna dnubiena imma anke aħna nkunu kapaċi naħfru lil xulxin.

TGĦID REĠA’ WASAL IŻ-ŻMIEN?

Tgħid reġa’ wasal iż-żmien li xi ħaddieħor mill-qawwijin tallum joħroġ bi proposta bħal din? Il-Knisja dan il-ġest għamilitu kemm il-darba kemm f’Malta fir-relazzjoni bejn Knisja u Stat kif ukoll fuq livell Internazzjonali. Kien proprju f’Awissu ta’ din is-sena li l-Papa Franġisku mar il-Kanada f’pellegrinaġġ fejn wieħed mill-għanijiet tiegħu kien li jitlob maħfra ta’ avveniment koroh li ġraw fl-imgħoddi b’relazzjoni mall-indiġeni.

Imma kemm Slaten, Presidenti, Prim Ministri u partiti politiċi għamlu dan? Inħalli f’idejkom biex twieġbu għal din il-mistoqsija.

Bil-materjal li qsamt magħkom f’Settembru ktibt dwar x’inhi l-maħfra bħala valur kemm uman kif ukoll nisrani. Qsamt magħkom ftit ħsibijiet dwar xi tfixxer il-maħfra fejn ippreżentajniha bħala l-akbar għotja t’imħabba li wieħed jista’ jagħmel. Fil-kontenut t’Ottubru li qsamt magħkom wassaltilkom ftit ħsibijiet li żgur iservu ta’ għajnuna għal min qed isibha diffiċli biex jaħfer. Tajna sitt kważi li jagħmluhielna diffiċli li naħfru. Kawżi li rridu nirbħu kuljum kemm bħala bnedmin umani li qed ngħixu flimkien, aktar w’aktar bħala nsara dixxipli ta’ Ġesù.

Illum ser naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar:

X’INHU DAK LI JGĦINNA NAĦFRU?

1. Il-maħfra tenħtieg proċess.

Wieħed m’għandhux jippretendi li jaħfer fil-pront jew mil-lum għal għada. Il-maħfra hija proċess. Proċess l jista’ jieħu fit-tul. Proċess mibni b’mumenti bħal tarġiet ta’ taraġ li ħafna drabi bi tbatija rridu nitilgħu. L-importanti li jkun proċess fejn qatt ma tħares lura, jiġri x’jiġri.

2. It-talb

Dan il-proċess li jwassalna biex naħfru jinħtieġ li jkun msieħeb mit-talb. Weħedna qattma nistgħu naslu. Aħna bħala bnedmin mimlijin sentimenti negattivi ta’ supervja, kburija, tpattija, mibgħeda u qalb iebsa. U Alla li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u fuq l-eżempji ta’ Ġesù naslu biex nakkwistaw il-kapaċita divina li naħfru u nibqgħu għal sebgħa u sebgħin darba. Għal dejjem.

3. Il-Maħfra hija deċiżjoni

Dan il-proċess li jinħtieġ li jirċievi l-qawwa tiegħu mit-talb ghandu bidu. Il-bidu ta’ dan il-proċess li jwassalni biex naħfer huwa ID-DEĊIŻJONI. Kollox jibda billi nieħu deċiżjoni lirrid naħfer. Il-maħfra deċiżjoni li rrid ngħixha kuljum.

4. Emmen fil-maħfra ta’ Alla

Realtà li żgur tgħin ħafna bil-għan li naslu biex naħfru huwa li nemmnu fil-maħfra ta’ Alla. Alla tant iħobbna li dejjem jaħfrilna, jibqa’ jaħfrilna. Alla li ma jridx il-mewt tal-midneb imma li jikkonverti u jgħix. Jekk Alla jaħfer dnubieti kemm aktar jiena, persuna mimlija dnubiet, għandi naħfer lil min hu ħati għalija.

5. Djalogu sinċier

F’dan il-proċess bħal mixja lejn il-maħfra sħiħa jista’ jkun hemm każi fejn ikun meħtieġ djalogu sinċier u miftuħ bejn iż-żewġ naħat. Ma jridx ikun djalogu biex noqgħodu nfittxu min hu l-ħati u l-vittma, ta’ min hu t-tort, imma pjuttost irid ikun djalogu li jfittex il-verità, li jwassal għall-fejqan tal-imgħoddi, għat-tgħannieqa mibnija fuq il-vera mħabba. Djalogu minbi fuq l-aċċettazzjoni reċiproka mingħajr preġudizzji, riżentimenti u ‘self pity’.

6. Ħarsa lejn il-futur

Proċess ta’ maħfra sinċiera u sħiħa jinħtieġ li jwassal għal futur ġdida, aħjar, futur mibni fuq il-konverżjoni. Futur fejn il-persuni nvoluti jagħmlu l-almu kollu tagħhom sabiex mhux biss jaħfru, imma jaħfru u jinsew. Futur mibni fuq proponimenti li ninsa’ l-imgħoddi u nwegħdek li ‘il quddiem ser inħobbok aktar, ser inġub ruħi miegħek aħjar.

Nixtieq nispiċċa dawn il-ħsibijiet tiegħi  b’nota addattata għax-xahar ta’ Novembru, ix-xahar li qegħdin fih. F’dan ix-xahar niftakru fil-mejtin tagħna u anke noffru quddies u talb b’suffraġju għal ruħhom.  Imorru anke fiċ-ċimiterji ħalli nżejjnu l-oqbra tagħhom. Nagħmlu sewwa. Imma f’dan ix-xahar ejjew ukoll naħfru lill-mejtin tagħna, huma min huma, forsi jistgħu jkunu l-ġenituri tiegħek mejtin. Naħfru d-dnubiet li wettqu kontra tagħna bħalma huma nuqqas t’imħabba, preferenzi, abbużi ta’ kull xorta, il-mod kif għamlu t-testment tagħhom u oħrajn. Il-maħfra lill-mejtin tagħna hija ferm urġenti. Dan isserraħ lilhom u tkun aktar faċli għalihom li jidħlu fit-tgawdija eterna. Toqgħodx lura ħija/oħti.

 

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading