Il-Papa jgħid lin-nies tal-Ukrajna li l-uġigħ tagħhom huwa l-uġigħ tiegħu.

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku jikteb bl-imħabba ta’ missier imnikket ma’ wliedu, bl-uġigħ tar-ragħaj li jara poplu midrub bil-“qerda u l-uġigħ, il-ġuħ, l-għatx u l-ksieħ”.

L-ittra nkitbet mill-Papa Franġisku lill-poplu Ukren eżattament disa’ xhur mill-bidu tal-“ġenn assurd tal-gwerra”, xhur li fihom nieda ‘l fuq minn mitt appell għan-nazzjon “martri”. Din l-ittra hija ndirizzata lil kulħadd: lin-nisa, vittmi tal-vjolenza jew romol tal-gwerra; liż-żgħażagħ mibgħuta fuq quddiem; lill-anzjani li tħallew waħedhom; lil dawk li saru refuġjati jew pesuni li ġew evakwati; lill-voluntiera u s-saċerdoti, lill-awtoritajiet tal-pajjiż. Lil dawn kollha, li l-Isqof ta’ Ruma jwassal qrubija u jitlob li ma jitilfux il-kuraġġ fi żmien ta’ tbatija u prova, u jesprimi “l-ammirazzjoni” tiegħu, għax kif diġa’ wriet l-istorja, huma “poplu b’saħħtu, poplu li jbati u jitlob, li jibki u jissielet, li jirreżisti u jittama: poplu nobbli u martri”.

L-ittra tal-Papa Franġisku tpinġi stampa tassew realistika. Tibda b’lista tal-kruhat li saru l-ħobż ta’ kuljum.

“Fis-smewwiet tagħkom, l-ħsejjes qerrieda ta’ splużjonijiet u l-ħoss ta’ sireni tat-twerwir bla waqfien. L-ibliet tagħkom huma ibbumbardjati mill-bombi hekk kif mewġa ta’ missili jikkawżaw mewt, qerda u uġigħ, ġuħ, għatx u kseħa. Ħafna kellhom jaħarbu mit-toroq tagħkom, ħallew id-djar u l-maħbubin warajhom. Ħdejn ix-xmajjar il-kbar tagħkom qed jinżlu xmajjar ta’ demm u dmugħ kuljum”.

Il-Papa għaqqad id-dmugħ tiegħu stess mad-dmugħ tal-poplu Ukren: “M’hemm l-ebda jum meta ma nkunx qrib tagħkom u ma nġorrkomx f’qalb u fit-talb tiegħi. L-uġigħ tagħkom huwa l-uġigħ tiegħi”. Illum narakhom “fis-salib ta’ Ġesù”, jikteb il-Papa, “Illum nara lilkom, intom li qed tbatu t-terrur li nħoloq minn din l-aggressjoni. Iva, s-salib li ttortura lill-Mulej qed jerġa’ jingħex fit-torturi misjuba fuq l-iġsma, fl-oqbra tal-massa mikxufa f’diversi bliet, u f’tant xbihat oħra mdemmija li daħlu f’ruħna, li jġegħluna ngħajtu: għaliex? Kif jistgħu bnedmin jittrattaw bnedmin oħra b’dan il-mod?”

It-traġedji tal-lum qed jerġgħu jqajmu fil-memorja tal-Papa, d-drammi li ilhom is-snin iseħħu fid-dinja. L-ewwelnett dawk taċ-ċkejknin, jgħid, li jsemmi ż-żewġ każi, dik ta’ tarbija u tifla ta’ 4 snin maqtugħin mid-dinja b’attakk tal-missili:

“Kemm tfal ġew maqtula, feruti jew orfni, mifrudin minn ommijiethom! Nibki magħkom għal kull ċkejken li, minħabba din il-ġwerra, tilfu ħajjithom, bħal Kira f’Odessa, bħal Lisa f’Vinnytsia, u bħal mijiet ta’ tfal oħra: f’kull wieħed minnhom l-umanità kollha hija megħluba. Issa huma ma’ Alla, jaraw in-niket tagħkom u jitolbu għat-tmiem ta’ dan kollu”.

“Kif wieħed ma jħossx id-dieqa għalihom u għal dawk, żgħar u kbar, li ġew deportati? L-uġigħ tal-ommijiet Ukreni huwa inkalkulabbli,” iżid il-Papa Franġisku. Imbagħad ikellem liż-żgħażagħ li “biex ikunu jistgħu jiddefendu b’kuraġġ art twelidhom” kellhom iħaddni l-armi “minflok il-ħolm”. U jkellem lin-nisa ta’ dawk li mietu fil-gwerra: “Tigdmu xufftejkom u timxu ‘l quddiem fis-skiet, b’dinjità u determinazzjoni, biex tagħmlu kull sagrifiċċju għal uliedkom”. Il-Qdusija Tiegħu ikellem lill-adulti, “li qed tippruvaw b’kull mod tipproteġu lill-maħbubin tagħkom”. U lill-anzjani, “li minflok jaraw inżul ix-xemx seren ġew mitfugħa fil-lejl mudlam tal-gwerra”. Lin-nisa jiktbilhom: “Intom qed issofru l-vjolenza u ġġorru piżijiet kbar f’qalbkom”.

“Naħseb fikom u jien qrib tagħkom b’affezzjoni u ammirazzjoni għal kif tiffaċċjaw provi iebsin bħal dawn”.

Fl-ittra tiegħu, l-Papa ma jinsiex lill-voluntiera, li kuljum, qed jiddedikaw lilhom infushom għan-nies, u għar-rgħajja kollha: isqfijiet, saċerdoti, u reliġjużi li “spiss f’riskju kbir għas-sigurtà tagħkom” baqgħu qrib in-nies, “b’mod kreattiv jittrasformaw postijiet komunitarji u kunventi f’xelters fejn l-ospitalità, l-għajnuna u l-ikel jistgħu jiġu offruti lil dawk f’kundizzjonijiet diffiċli”.

Il-ħsibijiet tal-Papa Franġisku jmorru wkoll lejn ir-refuġjati u l-persuni li ġew spustati internament, “bogħod minn djarhom, ħafna minnhom meqruda”. Fl-aħħarnett, huwa appella lill-awtoritajiet li għalihom il-Qdusija Tiegħu jagħmel talba: Fuqhom inpoġġu d-dmir li jiggvernaw il-pajjiż fi żminijiet traġiċi u li jieħdu deċiżjonijiet fil-bogħod għall-paċi u li jiżvillupaw l-ekonomija waqt il-qerda ta’ tant infrastruttura vitali, fl-ibliet kif ukoll fil-kampanja.

F’dan il-baħar ta’ ħażen u wġigħ, il-Papa Franġisku jfakkar traġedja oħra kbira li sofra minnha l-poplu Ukren, il-ġenoċidju ta’ Holodomor, li fis-26 ta’ Novembru jaħbat id-90 anniversarju tiegħu. Avveniment “terribbli”, li għalih kien diġa għamel referenza fl-aħħar Udjenza Ġenerali, li dakinhar qal:

“Minkejja t-traġedja immensa li qed ibati, l-poplu Ukren qatt ma qata’ qalbu jew ingħata għall-ħniena. Id-dinja għarfet poplu kuraġġuż u b’saħħtu, poplu li jbati u jitlob, jibki u jissielet, jirreżisti u jittama: poplu nobbli u martri”.

“Jien”, ikompli l-Qdusija Tiegħu, “nkompli nkun qrib tagħkom, b’qalbu u bit-talb tiegħi, bi tħassib umanitarju, biex tkunu tistgħy tħossukhom akkumpanjati, biex ma tidrawx il-gwerra, biex ma titħallewx weħidkom illum, u speċjalment għada, meta forsi titħajjru tinsew it-tbatija tagħkom”.

Fi tmiem l-ittra, l-Papa iħares ‘il quddiem lejn ix-xhur li ġejjin, “li fihom ir-riġidità tal-klima tagħmel dak li qed tesperjenzaw aktar traġiku”: “Nixtieq l-imħabba tal-Knisja, l-qawwa tat-talb, il-ġid li hekk ħafna aħwa jridu li tkunu mħarsa”, din hija t-tama tal-Papa. “Ftit ġimgħat”, iżid, “se jkun il-Milied u l-għajta tal-uġigħ tinħass aktar. Imma nixtieq nirritorna magħkom Betlehem, għall-prova li kellha tiffaċċja l-Familja Mqaddsa, f’dak il-lejl, li kien hemm biss kesħa u dlam, imma minflok, ġie d-dawl: mhux mill-bnedmin, imma minn Alla, mhux mill-art, imma mis-Sema”.

Għalhekk, jafa l-Ukrajna f’idejn il-Madonna, lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha, li huwa kkonsagra kemm lir-Russja kif ukoll l-Ukrajna

“Lil Qalb tal-Omm tagħna nippreżenta t-tbatijiet u d-dmugħ tagħkom”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-11/pope-francis-letter-ukrainian-people-nine-months-from-russian-in.html

%d bloggers like this: