Ġwanni Pawlu II f’San Marino

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI F’ SAN MARINO U RIMINI
QUDDIESA FL-ISTADIUM TA’ SERRAVALLE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Repubblika ta’ San Marino,
29 ta’ Awissu 1982

  1. “Urina, Mulej, triqtek, / iggwidana fit-triq it-tajba” (Sal 26 [27], 11).

Dan il-kliem tas-Salmista, li għadna kemm kantajna qabel il-Vanġelu, jistà jikkostitwixxi l-punt tat-tluq tar-riflessjoni tagħna dwar il-Liturġija ta’ dan il-Ħadd. U, fl-istess ħin, dan jagħtini l-ispunt biex niżżi ħajr lill-Mulej talli “ggwida triqti” sa hawn, fir-Repubblika glorjuża ta’ San Marino, u li nistà nindirizza lilkom ilkoll, għeżież Sanmariniżi, l-iktar tislima kordjali tiegħi.

Nindirizza ħsieb speċjali lill-Kaptani Reġġenti u Awtoritajiet oħra politiċi u ċivili preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika; insellem b’qawwa ta’ sentiment lill-Monsinjur Ġovanni Locatelli u, miegħu, lis-saċerdoti u l-fidili kollha tad-dijoċesi ta’ San Marino-Montefeltro; insellem lil kull wieħed u waħda minnkom u nesprimilkom l-għarfien tiegħi għall-kordjalità li biha ilqajtuni.

Jiena tassew kuntent li ninsab fostkom, bħala l-ewwel suċċessur ta’ Pietru li ġie jagħmel żjara lil din ir-Repubblika u nitlob sabiex din il-grajja ekkleżjali straordinarja tkun għalikom ilkoll sors ta’ ferħ u b’mod speċjali okkażjoni opportuna biex tapprofondixxu l-mottivi tal-fatt li intom insara. Il-ferħ, madankollu, mhuwiex biss dovut għal din l-okkażjoni: qalbi tifraħ meta tħoss u tieħu n-nifs hawn f’din l-atmosfera antika u b’saħħitha, pura u nobbli, li hija propja tal-istituzzjonijiet ippruvati u ttestjati mill-istorja, li għarfu jisfidaw is-sekli fidili għalihom infushom, bdanakollu mal-pass taż-żminijiet il-ġodda.

Din l-art qatt ma rrinunzjat għal-libertà tagħha u għall-identità nazzjonali u reliġjuża tagħha, skont l-aspirazzjonijiet tal-oriġni marbutin mal-figura ta’ San Marino, ġustament ikkunsidrat mit-tradizzjoni mhux biss il-protettur, imma wkoll il-fundatur tar-Repubblika tagħkom.

2. San Marino huwa isem, għalikom is-Sammariniżi u għal kulħadd, evokattiv bil-kbir: dan iqanqal serje twila ta’ ġrajjiet, u ta’ atti nobbli, kultant epiċi. Fid-difiża ta’ awtonomija ċivili ispirata mill-valuri tal-fidi nisranija. Dan huwa isem marbut mal-ħajja ta’ qaddis nisrani, mxennaq għas-solitudni, iddedikat għat-talb, enerġetiku fl-iffaċċjar tat-tbatijiet tax-xogħol, maħbub mhux mirbuħ tal-libertà.

Mhuwiex dmir tagħna, b’mod speċjali f’dan il-waqt sollenni ddedikat għat-talba ewkaristika, li napprofondixxu kwistjonijiet storiċi u episodji wkoll edifikanti li jistgħu jitilfuna f’ċirku leġġendarju favorit minn sensibiltà differenti taż-żminijiet l-imgħoddija. Hawn jinteressana niddikjaraw, b’rabta mar-realtà storika, li l-kult attribut lil San Marino sa mill-ewwel sekli tal-era kristjana u l-Komunità libera mibnija fuq il-muntanja Titano jintrabtu mal-figura eminenti ta’ segwaċi distint ta’ Kristu li, meta wasal għad-dawl tal-verità u għall-ħajja tal-grazzja, offra, wkoll fil-ħajja pubblika, xhieda evanġelika ta’ “lajk” konsistenti mal-propja fidi u bla biżà fid-difiża tad-dinjità umana.

Intom ilkoll tafu l-kliem magħruf attribwit lil San Marino, li hu ppronunzja qabel ma miet: “Filii, relinquo vos liberos . . .: Uliedi, inħallikom liberi”. Dan jifforma, biex ngħidu hekk, is-sies ideali storiku, politiku u ġuridiku tar-Repubblika tagħkom; dan, fil-kuntest lokali ta’ dak iż-żmien, kienu jagħmlu riferenza għat-territorju tal-komunità tagħkom u kienu jinterpretaw l-għanijiet l-iktar notifikati tal-istituzzjonijiet tal-bidu; dan, fil-prospettiva storika, ta l-bidu lil awtonomija politika li waslet intatta sallum u li tiftaħ b’mod qawwi lejn il-fitur.

Bir-raġun mela, li sa mill-bidu tas-seklu XI, meta qam fl-erwieħ is-sens aktarx imqanqal tal-libertà komunali u l-Bliet eleġġew il-Patruni tagħhom, il-poplu ta’ din l-art, li kellu diġa minn żmien f’San Marino il-Qaddis protettur propju tagħhom, beda jinvokah bħala Konservatur u Sosten, imma fuq kollox bħala Awtur tal-libertà.

Dak l-istess kliem, imfakkar hawn fuq, linja ta’ storja ideali tal-ħajja Sammariniża, fil-kuntest pastorali taż-żjara tiegħi tallum u ferm iktar f’dak liturġiku ta’ din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, iqanqal u jħabbar il-messaġġ traxxendenti tal-“libertà nisranija” propja tal-Qaddis tagħkom, mixhud f’tant ċirkostanzi mill-antenati tagħkom u validu għal kull żmien sal-aħħar tas-sekli.

3. Fhiex jikkonsisti dan il-messaġġ ta’ libertà fis-sens nisrani?

Id-domanda hija ferm important, anzi essenzjali u inevitabbli, għaliex wieħed jaf sewwa li jeżistu interpretazzjonijiet diversi u opposti tal-valur tal-“libertà”, b’konsegwenzi prattiċi spiss f’kuntrast bejniethom.

Għal idea ġenwina nisranija tal-libertà, hemm bżonn nirreferu qabel kollox il-kliem ta’ Ġesù, indirizzat lil dawk li kienu emmnu fih: “Jekk tibqgħu fidili għal kelmti, tkunu tassew dixxipli tiegħi; tkunu tafu l-verità u l-verità teħliskom, , , Mela jekk l-Iben se jagħmilkom liberi, se tkunu liberi tassew” (Ġw 8, 31-36). Ġesù jagħmel il-libertà awtentika tiddependi qabel kollox mill-għarfien tal-verità totali tal-misteru ta’ Alla, minnu stess imħabbra u mixhuda, u mbagħad, bħala konsegwenza, mid-distakk mill-ħażin, jiġifieri mid-dnub, vjolazzjoni tal-liġi morali.

San Pawl li kien jaf sewwa l-kelma tal-Mulej u fl-istess ħin id-dramm ta’ kull bniedem, minħabba l-intimu konfront bejn it-tajjeb u l-ħażin,  ifaħħar il-kobor u r-rikkezza tal-libertà miksuba għalina minn Kristu (cf. Gal 4, 31), li tikkonsisti fl-emanċipazzjoni mill-iskjavitù tad-dnub u mil-liġi tiegħu tal-mewt (cf. Rm 6, 22; 8,2 et 2 Tm 4, 18) u fil-ħila li ngħixu skont il-liġi tat-tajjeb, jiġifieri skont l-Ispirtu ta’ Alla. L-Appostlu, infatti, jiddikjara b’mod kategoriku: “Fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej, hemm il-libertà” (2 Kor 3, 17).

Jekk mela l-libertà hija l-ikbar don ta’ Alla magħmul lill-bniedem, maħluq xbiha u xebħ tiegħu u allura razzjonali u volitiva, din hija, wkoll, il-frott l-iktar preżżjuż tal-opra redentriċi ta’ Kristu li għamel possibbli għall-bniedem l-għażla awtonoma interna tat-tajjeb, ukoll jekk dan ma jkunx dejjem  imwissi mill-esperjenza eżistenzjali.

Tali don tal-libertà allura jinvolvi responsabiltà gravi: l-ogħla u l-indispensabbli dmir li tingħaqad mal-liġi ta’ Alla, li għaliha l-użu sħiħ u pefett tal-libertà jintlaħaq minn dak li huwa kapaċi li “jikseb” minnha l-ikbar imħabba għall-oħrajn. San Pawl, mill-ġdid għal darb’oħra huwa s-surmast awtorevoli tagħna. F’dan ir-rigward, b’dan il-kliem indirizzat lill-Galatin: “Intom, ħuti, kontu msejħin għal-libertà.  Imma tinqdewx b’din il-libertà biex tgħixu skont il-ġisem, iżda aqdu lil xulxin fl-imħabba” (Gal 5, 13-14).

Fil-kwadru s’issa definit, ippermettuli li issa nirrepeti dak li kont ktibt fl-ewwel enċiklika tiegħi: “Il-kliem ta’ Ġesù: “Agħrfu l-verità u l-verità teħliskom” jiġbor fih l-esiġenza fundamentali u fl-istess ħin twissija:  l-esiġenza ta’ rapport onest fir-rigward tal-verità, bħala kondizzjoni ta’ libertà awtentika; u t-twissija, wkoll, sabiex tiġi evitata kwalunkwè libertà apparenti, kull libertà superfiċjali u unilaterali, kull libertà li ma tippenetrax il-verità kollha dwar il-bniedem u dwar id-dinja” (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 12).

L-użu tal-libertà fid-dawl tal-verità nisranija u bl-għajnuna tal-grazzja, għandu jsir mela karità, imħabba, donazzjoni; għandu jiġifieri jġib il-frott tal-Ispirtu li huwa il-ferħ, il-paċi, is-sabar, ir-rieda tajba, it-tjubija . . . (cf. Gal 5, 22). B’espressjoni ta’ togħma agostinjana se ngħid: il-verità rrendietna liberi; il-karità għandha tagħmilna qaddejja ta’ xulxin!

4. It-theddid għal-libertà.

Il-libertà nisranija, li hija tassew “libertà perpetwa” għaliex imsejsa fuq l-aċċettazzjoni u r-rispett tal-Assolut personali etern: Alla, iżda hija kontinwament mhedda minn żbalji u mġibiet opposti għal għeruqha u għad-dinamiżmu tejoloġiku tagħha hawn fuq indikati.

Liema huma t-theddid attwali għal-libertà nisranija? L-iżbalji tallum u ta’ dejjem, jiġifieri l-viżjoni ateja, anjostika jew illuministika biss tal-ħajja, iwasslu, kultant minħadda mottivi mhux mistqarra ta’ poter, biex jirrendu tranżitorji fl-istituzzjonijiet differenti tal-istruttura soċjali l-valuri traxxendenti, sies tal-libertà u tad-dinjità umana. F’kelma waħda, viżjoni areliġjuża (bla Alla) tal-bniedem u tal-istorja twassal għall-vjolazzjoni tal-liġi divina, u allura għall-użu żbaljat tal-libertà.

San Ġakbu fil-qari tallum, jirrakkomandalna li “nilqgħu bil-ħlewwa l-kelma li ġiet miżrugħa fina” (Ġk 1, 21), jiġifieri l-fidi f’Alla, li fi Kristu ġie jiltaqà magħna u fdiena.

Din il-fidi tinħtieg dejjem iktar li nġagħluha tagħti l-frott, billi naċċettaw l-esiġenzi konkreti. Jekk waqt li nwarrbu ż-żerriegħa divina tal-fidi, jekk nikkultivaw biss ċerti oħra, dawn illum jew għada jirrivelaw ruħhom inadegwati u insuffiċjenti. Fil- frott, iżda, li jimmatura mill-fidi, hemm miġbur u nnobilitat dak li jiġi wkoll minn frott mhux illeġittmu ieħor.

Dan jgħodd b’mod partikolari u emblematiku, għall-ħajja tal-familja, ċellula fundamentali tas-soċjetà, ibbażata fuq iż-żwieġ. Dan, infatti, kien elevat minn Kristu Ġesù għad-dinità ta’ Sagrament biex isaħħaħ u jqaddes l-imħabba tal-miżżewġin, minn Alla mixtieq indissolibbli u fidil sa mill-bidu tal-umanità, bħala l-istitut li rriżulta.

“Il-bniedem mela ma jifridx dak li Alla jgħaqqad” (Mk 10, 9). L-għaqda konjugali ma tistax u m’għandhiex tkun maħlula minn l-ebda awtorità umana; dan huwa veru kemm jekk jitqies iż-żwieġ taħt l-aspett naturali kif ukoll taħt dak sagramentali.

Għal dawn l-għanijiet, il-Knisja la tistà tibdel, linqas tħaffef it-tagħlim tagħha dwar iż-żwieġ u l-familja; hija jiddispjaċiha għal kull attentat kemm kontra l-għaqda taż-żwieġ, kif ukoll kontra l-indissolubiltà tiegħu, bħad-divorzju.

Il-Knisja tiddikjara wkoll b’ċarezza li ż-żwieġ, min-natura tiegħu, għandu jkun miftuħ għat-trażmissjoni tal-ħajja umana, meta l-Providenza tagħmel rigal, u f’kull każ rispettuż tagħha sa mill-bidu ta’ konċepiment. Tali hija sublimi l-missjoni prtokrejatriċi afdata minn Alla lill-miżżewġin; din iġġib magħha flimkien ma responsibiltà l-iktar għolja dinjità eċċellenti ggarantita minn Alla stess.

Ukoll fejn għandha x’taqsam l-iskola, huwa meħtieġ li tkun offruta liż-żagħżagħ, jiġifieri ċ-ċittadini ta’ għada, formazzjoni li tirrispetta dawk il-veritajiet sublimi li, diġa meqjuma mill-missirijiet, joffru tweġiba sikura u eżawrjenti għall-interrogattivi tal-qalb umana, billi jeħilsuhom mill-ingases tal-inkwiet u tad-disperazzjoni, u billi jofrulhom, ukoll, is-sens tal-utilità tan-niket u tal-itinerarju fatikuż terrestri.

5. Għeżież Sammariniżi, il-Komunità tagħkom hemm bżonn li tibqà fidila lejn il-patrimonju ideali mibni tul is-sekli fuq l-istimulu tal-Fundatur tagħha.

Huwa meħtieġ dejjem iktar, propju biex topponu għat-theddid attwali għal-libertà, li tiffurmaw il-kuxjenzi skont morali nisranija mhux diġa superfiċjali u esterna, bħal dik li Kristu jirrifjuta bi kliem mill-iktar qawwi fil-Vanġelu tallum (cf. Mt 7, 21-23), imma mibnija fuq ir-rispett tal-libertà propja u ta’ dik tal-oħrajn u b’mod speċjali fuq ir-rispett tar-Rieda sagra ta’ Alla; li huwa l-Ħallieq u d-Datur tal-Libertà. Dan jitlob awsterità għaqlija ta’ ħajja u fedeltà fit-talb, speċjalment f’dak komunitarju ewkaristiku.

Fuq tali terren jinbena il-futur ta’ San Marino!

Nawgura l-barka ta’ Alla fuq triqtkom tallum u ta’ għada u nirrakkomandakom ilkoll lill-Mulej u lill-kobor tal-grazzja tiegħu, tul din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, “sabiex tkunu mfawra bil-milja kollha ta’ Alla” (Ef 3, 19). Amen!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: