Marija, mudell ta’ Knisja Sinodali

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 8 ta’ Diċembru 2022: Omelija tal-Kardinal Mario Grech fis-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni. Knisja ta’ San Franġisk, Victoria.

Omelija tal-Kardinal Mario Grech

Għeżież ħuti,

Iċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni, aħna u mal-Knisja universali nagħmlu l-mixja sinodali, twassalna biex nirriflettu, fuq il-passi tal-Konċilju Vatikan II, fuq ir-rabta li hemm bejn l-Omm Qaddisa ta’ Alla u l-komunità tad-dixxipli u tal-Mulej Ġesù. Fil-Bibbja hemm figuri li jiksbu valur li, bla ma nnaqqsu jew inneħħu xejn minn dak personali, jilħaq dimensjoni li nistgħu nsejħulha “kollettiva”. Bla dubju Marija hi waħda minn dawn il-figuri bibliċi, li, imqar jekk iżommu r-rwol personali tagħhom li ħadd ma jista’ jeħodhulhom fl-istorja tas-salvazzjoni, tassumi wkoll sinifikat kollettiv, li jmur lil hemm mill-persuna tagħha, biex issir “xbieha tal-Knisja”. Il-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium tgħid hekk: “Il-Verġni Mbierka, bid-don u d-dmir tal-maternità divina li tgħaqqadha mal-Iben Feddej, u bil-grazzji u d-dmirijiet singulari tagħha, hi intimament marbuta wkoll mal-Knisja: Omm Alla, kif diġà għallem San Ambroġ, hija xbieha tal-Knisja fl-ordni tal-fidi, tal-karità u tal-għaqda perfetta ma’ Kristu” (n. 63). Nistgħu ngħidu li f’Marija aħna nistgħu nikkontemplaw “il-ħolma ta’ Alla” għall-Knisja, il-wiċċ l-iżjed awtentiku tal-komunità tad-dixxipli tal-Mulej Ġesù. San Pawlu VI fl-Eżortazzjoni appostolika Marialis cultus jistqarr li l-Knisja tinsab f’atteġġjament ta’ “stagħġib kbir meta tara fiha [f’Marija] ‘x-xbieha l-aktar safja li tixtieq u tittama li tkun’” (n. 22). Mela ejjew illum nidħlu aħna wkoll f’dan l-“istagħġib kbir”, u nħallu l-kelma tal-Vanġelu tal-lum iddawwalna biex nagħrfu f’Marija l-wiċċ ta’ Knisja sinodali.

Is-silta tat-Tħabbira, li għadna kemm smajna f’din il-liturġija, tgħidilna qabelxejn li Marija hija mara tas-smigħ. San Pawlu VI, meta semma’ l-kwalitajiet li jagħmlu minn Marija l-mudell tal-Knisja, l-ewwel u qabel kollox isemmi d-dispożizzjoni tagħna għas-smigħ. Hu jistqarr: “Marija hija l-Verġni dejjem imħejjija li tilqa’ l-Kelma ta’ Alla bil-fidi li kienet għaliha l-bidu u t-triq li twassal biex issir Omm Alla. Kif qal Santu Wistin, ‘Marija l-Imbierka bit-twemmin nisslet lil Ġesù, u bit-twemmin tatu l-ħajja’” (n. 17). Marija tista’ tilqa’ l-kelmiet tal-anġlu Gabrijel u tifhimhom għaliex hi “edukata” biex tisma’ l-Kelma ta’ Alla fit-tradizzjoni tal-poplu tagħha, Iżrael, li fis-smigħ tat-Torah għandu wieħed miż-żewġ pilastri tal-fidi tiegħu: “Isma’, o Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu” (Dewt 6:4). Din hi x-Shemà Israel, it-test li t-talb fit-tradizzjoni Lhudija jqiegħed ta’ kuljum fuq fomm dawk li jemmnu. Hekk Marija, edukata fil-fidi tal-poplu tagħha, taf tagħti widen għall-Kelma ta’ Alla, meta din, ħabta u sabta, tidħol fl-eżistenza tagħha, u tqallbilha ta’ taħt fuq il-pjanijiet kollha tagħha. Is-smigħ nistgħu ngħidu li hu l-ewwel karatteristika tal-wiċċ ta’ Knisja sinodali. Smigħ li qabelxejn għandu x’jaqsam ma’ Alla u mal-Kelma tiegħu. Imma Marija tgħallimna li, biex ikun hemm smigħ veru, hemm bżonn inkunu ffurmati, nistgħu ngħidu “mħarrġa”: hemm assidwità u perseveranza fil-frekwentazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa li hija l-premessa indispensabbli biex “isseħħ” il-ġrajja tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Irridu nitgħallmu nisimgħu, u Knisja sinodali taf tilqa’ l-isfida li titgħallem l-arti tas-smigħ. Id-Dokument preparatorju Lejn Knisja Sinodali jistqarr li l-mixja sinodali tfisser li “nagħtu widen għall-Ispirtu s-Santu, li bħar-riħ, ‘fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer’ (Ġw 3:8), u nibqgħu miftuħa għas-sorpriżi li żgur mhux forsi se jaħsbilna għalihom tul il-mixja” (n. 2). F’dan, Marija hi mudell ta’ Knisja sinodali per eċċellenza: is-smigħ tagħha fil-fatt hu miftuħ għas-sorpriżi ta’ Alla. Is-smigħ “orizzontali”, reċiproku, tal-membri kollha tal-Knisja, li hu l-element l-iżjed viżibbli tal-mixja sinodali, għandu l-għeruq tiegħu f’dan il-ftuħ tagħna lkoll għas-smigħ tal-Ispirtu wieħed biex nistgħu nistagħġbu bis-sorpriżi ta’ Alla. Knisja sinodali, bħal Marija, “l-aktar fil-Liturġija meta bil-fidi tisma’, taċċetta, ixxandar u tqim il-Kelma ta’ Alla, tqassamha lill-Insara bħala ħobż tal-ħajja u fid-dawl ta’ din il-kelma tistudja s-sinjali taż-żminijiet, tfisser u tgħix il-ġrajjiet tal-istorja” (MC, 17).

It-tieni, appuntu, Marija hi mudell ta’ Knisja sinodali għax hi mara tal-meravilja, li tistagħġeb quddiem dak li Alla jagħmel fil-ħajja tagħha. Għall-kliem tal-anġlu l-Verġni tibqa’ iktar minn darba mħawda, imma min-naħa l-oħra mistagħġba għall-aħbar li jwasslilha l-messaġġier divin. Gabrijel iwassalha biex tiskopri bi stagħġib u gratitudni li hi “mimlija bil-grazzja”, imfawra bil-grazzja divina. Ir-rakkont kollu tat-Tħabbira hu bħal mixja lejn l-iskoperta tal-opra ta’ Alla fil-ħajja ta’ Marija. Marija ma tibqax hi fiċ-ċentru ta’ ħajjitha, imma tgħaddi mill-ħarsa magħluqa fuq il-ħiliet tagħha għall-kontemplazzjoni kollha gratitudni tal-opra tal-grazzja ta’ Alla fiha. L-ewwel fażi tal-mixja sinodali, dik tas-smigħ li għadna kemm għamilna, hija l-fażi tal-meravilja u tad-deċentrament. Il-mixja sinodali telqet b’ħarsa kontemplattiva u grata. Il-Knisja ma ngħalqitx fiha nfisha, tħares lejn il-ħiliet tagħha jew lejn l-infedeltajiet u l-ġrieħi tagħha, imma qabelxejn ikkontemplat b’ħarsa kollha gratitudni l-għeġubijiet li l-Mulej ma jieqaf qatt jagħmel fiha. Aħna ma staqsejniex, kif spiss nirriskjaw li nagħmlu, “x’mhux sejjer tajjeb”, imma tlaqna billi kkontemplajna “x’hemm”, x’inhu dak li, minkejja t-taħbit kollu, l-Ispirtu qed jissokta jwettaq fil-Knisja ta’ Alla. Fid-Dokument għat-Tappa Kontinentali “Kabbar il-post tal-għarix tiegħek” (Iż 54:2), naqraw: “l-ewwel tappa tal-proċess sinodali tat frott kotran, żerriegħa ġdida li tipprometti maturazzjoni ġdida u, fuq kollox, qanqlet esperjenza ta’ ferħ fi staġun ikkumplikat” (DTK, 16).

Għal darb’oħra Marija hij mudell ta’ Knisja sinodali għax hi mara tal-mistoqsijiet, li tistaqsi lilha nfisha u lil ħaddieħor. Fir-rakkont tat-Tħabbira nsibu bosta oġġezzjonijiet ta’ Marija, bosta reżistenzi, kemm-il mistoqsija, quddiem il-kelmiet tal-messaġġier divin. Il-fiat tal-Verġni mhijiex il-kunsens ta’ persuna nieqsa minn personalità tagħha jew li m’għandhiex mistoqsijiet x’tagħmel. Anzi, il-mistoqsijiet huma s-sinjal tal-awtentiċità tal-vokazzjoni tagħha. Hu bejn mistoqsija u oħra li Marija tasal biex tistqarr: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). L-atteġġjament ta’ Marija mhuwiex passiv: hi tistaqsi (dialogizomai) dwar il-kontenut tat-tislima tal-anġlu. Il-verb Grieg użat ifisser “tirrifletti hija u tiżen”, “taħseb bejnha u bejn ruħha”. Bħallikieku Marija kellha djalogu interjuri biex tiżen il-kelmiet tal-anġlu. Il-fidi tal-Verġni mhijiex magħmula minn tweġibiet faċli, imma minn mistoqsijiet profondi li jdawlu d-dixxerniment tagħha. Komunità Nisranija b’wiċċ sinodali, bħal Marija, hija Knisja tal-mistoqsijiet iżjed milli tat-tweġibiet: għamilna tant mistoqsijiet fl-ewwel fażi tas-smigħ li dawlu d-dixxerniment tagħna. Marija tgħallimna ma nibżgħux nistaqsu, ma nibżgħux naffrontaw il-mistoqsijiet fundamentali, imqar dawk skomdi, li huma sfida għall-Knisja ta’ żmienna. Jikteb il-Papa Franġisku fl-Evangelii gaudium: “Nifhem li jeħtieġ noħolqu spazji adattati biex nistgħu nimmotivaw u nfejqu lill-operaturi pastorali, ‘imkejjen fejn terġa’ tieħu l-ħajja l-fidi f’Ġesù mislub u rxoxt, fejn nistgħu naqsmu flimkien il-mistoqsijiet l-aktar profondi u t-tħassib ta’ kuljum, fejn niddixxernu bil-qawwa billi nużaw il-kriterji tal-Vanġelu dwar l-eżistenza u l-esperjenza tagħna, biex fl-aħħar mill-aħħar l-għażliet individwali u soċjali tagħna norjentawhom lejn dak li hu tajjeb u sabiħ” (n. 77). Knisja sinodali hi kapaċi tħalli wisa’ għall-mistoqsijiet.

Il-Verġni Marija hi xbieha u mudell ta’ Knisja sinodali għax hi mara tal-kuraġġ. L-evanġelista Luqa fir-rakkonti tiegħu tal-infanzja jippreżenta paragun qawwi bejn żewġ figuri: il-qassis xwejjaħ Żakkarija u t-tfajla żagħżugħa ta’ Nazaret. Hu paradossali kif fit-Tempju ta’ Ġerusalemm ir-raġel, is-saċerdot, l-anzjan, ma hux kapaċi jilqa’ l-Kelma ta’ Alla li tħabbarlu xi ħaġa li qatt ma nstema’ bħalha qabel, waqt li f’dar sempliċi ta’ raħal tal-Galilija mara żagħżugħa jkollha l-kuraġġ li temmen. Għalhekk hi tissejjaħ “hienja” minn Eliżabetta: “hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1:45). Għal Marija, li tisma’ l-Kelma li Alla qed jgħid fuq ħajjitha, kien jitlob kuraġġ kbir: dak li tpoġġi fid-dubju l-proġetti tagħha; dak li tmur kontra l-kritika u l-preġudizzji; dak li tmur kontra l-kurrent, u tirrifjuta l-loġika ta’ “dejjem hekk sar”. Marija tilqa’ dawn l-isfidi biex tisma’ l-Kelma tal-Mulej. Il-Verġni ta’ Nazaret, bħal Mosè, ma tibżax tersaq lejn is-siġra tal-għollieq jaqbad ta’ Alla biex tisma’ l-Kelma tiegħu u tħalliha tibdlilha qalbha. Il-Papa fl-omelija tal-Quddiesa tal-inawgurazzjoni tal-mixja sinodali għamel dawn il-mistoqsijiet: “Aħna, komunitajiet Insara, qegħdin ninkarnaw fina l-istil ta’ Alla, li jimxi fl-istorja u jaqsam fil-ġrajjiet tal-bnedmin? Aħna lesti għall-avventura tal-mixja jew, għax nibżgħu minn dak li ma nafux, nippreferu nistkennu fl-iskużi ta’ ‘dan ma jiswiex’ jew ta’ ‘dejjem hekk sar’?” (Ruma, 10 ta’ Ottubru 2021). Dawn huma mistoqsijiet fundamentali. Knisja sinodali hi qalbiena bħal Marija, kapaċi taffronta l-isfidi bil-kuraġġ, taħrab il-loġika qattiela u velenuża tal-“hekk dejjem sar”. Meta kellem liż-żgħażagħ, il-Papa qalilhom: “Raġel jew mara li ma jirriskjawx, ma jimmaturawx: istituzzjoni li tagħmel għażliet biex ma tirriskjawx, tibqa’ tfal, ma tikbirx” (Diskors tad-19 ta’ Marzu 2016). Is-sinodalità hija t-triq li tgħin lill-komunitajiet Insara jikbru bħala adulti u jkunu kapaċi jirriskjaw.

Fl-aħħar nett, il-Verġni Marija hi xbieha u mudell tal-Knisja sinodali għaliex hi mara tal-missjoni u tal-għana. Mit-tħabbira tal-anġlu, mis-smigħ tal-Kelma tal-Mulej għal ħajjitha, jinbtu f’Marija l-missjoni u l-kant. Qabelxejn il-Verġni minnufih titlaq miexja biex tasal għand Eliżabetta fuq l-għoljiet tal-Lhudija. Marija ma tibqax magħluqa fiha nfisha, taħseb fuq il-kliem tal-anġlu, imma tmur tħaffef għand Eliżabetta. Il-Papa Franġisku jgħid hekk meta jikkummenta dan it-test: “Meta marret iżżurha [lil Eliżabetta], il-Verġni Marija ma ħaditilhiex biss għajnuna materjali, dan ukoll, imma wasslitilha lil Ġesù, li diġà kien jinsab f’ġufha. Li ħadet lil Ġesù f’dik id-dar kien ifisser li ħadet il-ferħ, il-ferħ sħiħ” (Udjenza ġenerali, 23 ta’ Ottubru 2013). F’dan Marija hi mudell tal-missjoni tal-Knisja: imma hi mhux lilha nfisha tieħu, imma lil Ġesù. Mis-smigħ, mid-deċentrament, mill-mistoqsijiet milqugħa, mill-kuraġġ… titwieled il-missjoni. Għalhekk, Knisja sinodali ma tistax tkun għajr Knisja missjunarja, li lid-dinja ma twasslilhiex lilha nfisha, imma, bħal Marija, twassal lill-Mulej Ġesù u l-ferħ tal-Vanġelu. F’dan is-sens Marija ssir ukoll il-mara tal-kant. Fil-Magnificat tagħha Marija ma tgħannix lilha nfisha, imma biss lil Alla u l-għeġubijiet tiegħu. Il-kantiku ta’ Marija huwa l-kantiku li l-Knisja tkanta u għandha tkanta: il-ħwejjeġ kbar li l-Mulej għamel fiha. Għeżież ħuti, Knisja sinodali hi Knisja li tkanta, li flimkien ma’ Marija tgħanni l-Magnificat. Ma nistgħux inkantaw vuċi waħda jekk ma jkunx hemm komunjoni… dejjem se ssib xi vuċi stonata. Għalhekk Knisja bl-istil sinodali hija l-unika Knisja li taf tgħanni b’leħen wieħed imqar qalb il-polifonija tad-differenzi, li ma tarahomx bħala theddida, imma bħala dak l-għana li jagħmel isbaħ l-għanja tal-Knisja: il-mixja sinodali, biex ngħidu hekk, hija skola ta’ kant, biex nitgħallmu nkantaw vuċi waħda l-Magnificat flimkien mal-Verġni Bint Sijon.

Għeżież ħuti, fil-Prefazju tal-liturġija tal-lum il-Knisja ta’ Alla, waqt li tgħolli quddiem il-Missier l-għana ta’ radd il-ħajr, dwar Marija tistqarr: “Fiha wrejt il-bidu tal-Knisja, l-Għarusa tiegħu kollha sbuħija, bla ebda tikmixa jew tebgħa”. F’Marija aħna wkoll illum nistgħu nikkontemplaw il-fattizzi ta’ Knisja sinodali, li kapaċi tisma’, tistagħġeb, tistaqsi, tkun kuraġġjuża, missjunarja, għannejja. Ejjew nagħmlu tagħna, aħna u nitolbu lill-Missier ta’ kull faraġ f’din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, kliem il-Papa Franġisku: “Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-grazzja tiegħu, il-qawwa tiegħu, biex ħajjitna u l-ħajja ta’ kull komunità ekkleżjali jirriflettu l-mudell ta’ Marija, Omm il-Knisja” (il-Papa Franġisku, Udjenza ġenerali, l-Erbgħa 23 ta’ Ottubru 2013).

Leave a Reply

%d bloggers like this: