Riti aktar sempliċi li s-sustanza tagħhom tibqa’ tinżamm

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb dwar paragrafu 50 tal-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II Sacrosanctum Concilium.

Il-Konċilju Vatikan II studja kif l-aħjar li jsiru l-bidliet fil-Quddiesa. F’paragrafu 50 tal-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium nsibu hekk:

“L-ordni tal-Quddiesa għandu jkun rivedut b’mod li tkun tidher aħjar in-natura speċifika ta’ kull waħda mill-partijiet tiegħu, ukoll l-għaqda ta’ waħda mal-oħra, u b’mod illi l-fidili jkunu jistgħu jieħdu sehem devot u attiv b’aktar ħeffa.

Għaldaqshekk ir-riti, waqt li s-sustanza tagħhom tibqa’ tinżamm, għandhom isiru aktar sempliċi; jitneħħew dawk li maż-żmien ġew duplikati jew miżjuda mingħajr ħtieġa biżżejjed; jerġgħu jiddaħħlu oħrajn li nitilfu maż-żmien u jissawru mill-ġdid fuq it-tradizzjoni ta’ l-ewlenin padri qaddisa skond kemm ikun f’waqtu jew meħtieġ.”

Il-Quddiesa ta’ qabel il-Konċilju, 60 sena ilu, kienet differenti, l-aktar li n-nies ftit li xejn kellhom sehem fil-Quddiesa. Il-Konċilju fittex li l-mod kif issir il-Quddiesa jkun simplifikat biex dak li qed isir jinftiehem aħjar. B’hekk aħna nħossuna aktar li qed nieħdu sehem fil-Quddiesa.

Iż-żminijiet jinbidlu; għalhekk kien hemm bżonn aġġornament. Il-kultura tinbidel. U l-Knisja dejjem tistudja kif taddatta għaċ-ċirkustanzi, anke minn pajjiż għall-ieħor. Il-Quddiesa tibqa’ l-istess, hi s-sagrifiċċju ta’ Kristu li jiġġedded f’kull Quddiesa. Il-valur tal-Quddiesa, kif ġieli għedna, jibqa’ l-istess, fiha merti infiniti, anke Quddiesa waħda.

Imma r-riti, il-mod kif isiru ċ-ċerimonji, ikun hemm bżonn li jinbidlu. Maż-żmien kienu daħlu riti żejda, duplikati, ngħidu aħna li s-salib jintradd ħafna drabi miċ-ċelebrant jew riverenzi żejda. Dawn ġew miżjuda mingħajr ma kien hemm ħtieġa biżżejjed għalihom. Wara studju dettaljat il-Konċilju Vatikan II ħaseb biex jerġgħu jiddaħħlu riti oħrajn li nitilfu maż-żmien, mibnija fuq it-tradizzjoni ta’ l-ewlenin padri qaddisa skond kemm ikun f’ waqtu jew meħtieġ.

Ir-riformi biex il-Quddiesa tkun riveduta ma sarux darba u daqshekk. Il-Missall tal-Quddiesa min jaf kemm ġie rivedut. Ma ninsewx li l-qari tal-Quddiesa hu mill-Bibbja. Issa l-Bibbja f’kull pajjiż dejjem tiġi riveduta, kull tant snin issir edizzjoni b’lingwaġġ addattat għaż-żmien li jkun. Naraw li llum il-qari mhux b’Malti pur li ftit jifhmuh, kif kien qabel, imma b’Malti mexxej u li ntużaw fil-ħajja ta’ kuljum. U mal-bidla tat-traduzzjoni tal-Bibbja timxi wkoll il-bidla fil-Missall.

Minkejja dan it-tibdil, xorta jibqa’ li xi qari jkun tqil. Ngħidu aħna l-qari mill-profeti u li qed isir f’dawn il-ġimgħat, bħal dak mill-ktieb tal-Apokalissi fih ħafna simboliżmi u b’letteratura sabiħa.. Mhux kulħadd għandu d-dehen biżżejjed biex isegwi. Issib saċerdoti li jifhmu dan u jispjegaw fi ftit kliem dak li jkun tqil. Irridu naħsbu wkoll fit-tfal, li ma jifhmu xejn minn dan.

Però ma nistennewx li nifhmu kollox u jkun tajjeb li min qed iqaddes jgħid xi ħaġa fil-qosor biex il-qari jinftiehem aħjar. U lanqas dan mhu faċli. Min irid jidħol aktar fil-fond jista’ jistaqsi wara l-quddiesa jew f ‘xi għaqda ta’ tag]lim. Imma l-aqwa hu l-preżenza tagħna, li aħna nieħdu sehem bil-ferħ fl-Ewkaristija, jekk jista’ jkun, kuljum.

Minn Joe Galea

%d bloggers like this: