Mhux qasba tixxejjer mar-riħ

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 10 ta’ Diċembru 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tielet Ħadd tal-Avvent għall-Gruppi Familja Nsara (Grufan). Konkattidral ta’ San Ġwann, Valletta.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ?” (Mt 11:7) Dan hu l-kliem li jgħid illum Ġesù fl-Evanġelju, hu u jitkellem fuq Ġwanni l-Battista. Qed jitkellem fuq bniedem li spiċċa l-ħabs minħabba li wassal il-kelma ta’ Alla bi tħejjija għall-miġja tal-Messija, bniedem li kien prekursur ta’ Ġesù mhux biss fil-ħajja imma wkoll fil-mewt tiegħu.

Bniedem ta’ prinċipji sodi

Il-mistoqsija li jagħmel Ġesù nafu r-risposta għaliha. Ġwanni l-Battista ma kienx qasba tixxejjer mar-riħ. Kien bniedem ta’ prinċipji sodi, ta’ fibra, bniedem li ma beżax jgħid il-verità anke meta kienet skomda. Kien bniedem ta’ fedeltà sħiħa lejn Alla u kien lest li jbati minħabba din il-fedeltà. Hawnhekk illum narawh maqful ġewwa l-ħabs, f’kuntrast ma’ ġrajjiet oħra fl-Evanġelju fejn narawh fid-deżert fi spazju kbir. Hawn narawh waħdu, f’kuntrast mal-folol ta’ nies li kienu jmorru jisimgħuh fid-deżert. Hawn narawh iwassal il-messaġġ permezz ta’ tnejn mid-dixxipli tiegħu, f’kuntrast mal-mumenti meta kien hu jgħajjat l-Aħbar it-Tajba. Imma kien fejn kien, anke meta mitfugħ il-ħabs, dejjem baqa’ bniedem ta’ prinċipji sodi u ta’ fedeltà.

Aħna u nħarsu lejn dan il-bniedem li tant hu marbut maż-żmien tal-Avvent, l-ewwel tagħlima sabiħa li jagħtina Ġwanni hija li nkunu nies ta’ prinċipji sodi, mhux qasba tixxejjer mar-riħ. Nafu kemm dan jiswa għalina personali, għall-familji tagħna, u jiswa wkoll ta’ ġid kbir għas-soċjetà. Kultant issib min iqabbel fejn jaqbel, lest biex illum jgħid mod u għada mod ieħor. Għadna eżempju ta’ dan fejn tidħol il-protezzjoni tal-ħajja sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Sa ftit ta’ żmien ilu, ħafna kienu jgħidu li jemmnu f’dan u jistqarruh bil-miftuħ. Fi ftit ġimgħat, uħud urew li huma qasba tixxejjer mar-riħ, lesti li jew jgħidu jew jagħmlu differenti jekk ir-riħ ikun qed jonfoħ differenti.

Huwa fuq dan li hemm bżonn naħdmu fil-familji tagħna, u ngħadduh ukoll lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, biex inkunu nies ta’ fibra, lesti li nagħtu xhieda tal-fidi u tal-valuri li joħorġu mill-fidi, u bħal Ġwanni l-Battista, nagħmlu dan bla biża’ u bil-kuraġġ. Inkunu nies li nħarsu u ngħożżu l-ħajja f’kull waqt tagħha, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha.

Bniedem li fittex l-essenzjal fil-ħajja

Ġesù jgħid ħaġa oħra fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes l-ilbies fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom” (Mt 11:8). Nafu li Ġwanni ma kienx jilbes fin, kien jilbes proprju l-kontra ta’ fin. Imma l-punt li qed jagħmel Ġesù hu li post Ġwanni ma kienx mal-kbarat imma mal-poplu, fejn kellu l-missjoni li jħejji t-triq għall-Mulej. Qatt ma għamlu bih l-unuri, l-għana, u speċjalment qatt ma fittex li jimpressjona b’dak li jidher minn barra imma dejjem mar għall-essenzjal tal-ħajja.

Ġwanni jgħallimna kemm hu importanti li aħna ma nitteħdux minn dak li jidher minn barra, li jfittex li jimpressjona, li joħloq sensazzjoni, imma ninżlu aktar fil-fond fil-ħajja tagħna u mmorru għal dak li hu tassew essenzjali. Fil-familji, hu dan li l-aktar jgħin: meta nibnu komunjoni ta’ mħabba vera, li mhijiex mibnija fuq dak li jidher minn barra. Mhijiex mibnija fuq l-ilbies fin, imma fuq karattru fin, karattru li ma jkunx fake. Hu b’dan li nistgħu nkunu tassew dawk li nakkumpanjaw lill-oħrajn fil-ħajja tagħhom b’ħafna mħabba, b’ħafna sensittività u bil-verità.

Bniedem li jwassal lin-nies għand Ġesù

Ġesù jgħid ukoll lin-nies: “Imma xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta” (Mt 11:9). Ġwanni kien profeta li jwassal il-kelma ta’ Alla kif inhi, u bata ħafna minħabba dan. Għex il-kelma li smajna fl-Ittra ta’ San Ġakbu: “Bħala eżempju ta’ tbatija u sabar, ħuti, ħudu l-profeti li tkellmu f’isem il-Mulej” (Ġakbu 5:10).

Ġwanni kien aktar minn profeta, għax kellu l-missjoni speċjali li jipprepara n-nies għal Ġesù, qabel ma wasal Ġesù. Fil-fatt, dejjem tolqtok kif kull fejn niltaqgħu ma’ Ġwanni, dejjem qed jipponta lejn Ġesù. L-ispotlight mhux fuqu nnifsu imma fuq Ġesù. Kien hekk meta kien fid-deżert, u lin-nies ippreparahom u wkoll indikalhom lil Ġesù. Kien hekk meta qalilhom għal Ġesù: “Dan hu l-ferħ li bih qalbi mtliet. Jeħtieġ li jikber hu u niċkien jien” (Ġw 3:29-30). Kien hekk ukoll fil-ħabs, meta bagħat id-dixxipli tiegħu għand Ġesù, bħalma rajna fl-Evanġelju llum. Ħajtu kollha jipponta lejn Ġesù: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1:36).

F’dan Ġwann jgħallimna ħafna. Iktar ma ħajjitna u tal-familja tagħna tkun iffokata fuq Ġesù, isbaħ tkun għalina u għan-nies ta’ madwarna. Ġesù fil-familja jġib ħafna ferħ u paċi. Fil-Milied aħna narawh dan b’mod sabiħ ħafna, imma l-preżenza tiegħu hi dejjem preżenza li tagħmel tant ġid mhux biss fi żmien il-Milied. Għalhekk it-talb flimkien bħala familja hu tant importanti, għax jgħinna ngħożżu u ngawdu l-preżenza ta’ Ġesù fostna.

Hu Ġesù li jsalvana, hu li jfarraġna, hu li jmexxina fit-triq tas-sewwa. Il-familja li għandha lilu f’nofsha għandha l-akbar teżor. Hu għalhekk li d-dokument ta’ tiġdid ekkleżjali tal-Knisja f’Malta, Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed, iqiegħed din ir-relazzjoni ma’ Ġesù fil-qalba tal-proċess ta’ tiġdid tal-Knisja f’Malta.

Il-Profeta Isaija jfakkarna f’dan: “Araw Alla tagħkom…hu stess ġej biex isalvakom!” (Is 35:4)  Ġesù ġie biex jifdina, u s-Salm dan ifissirhulna b’mod tajjeb meta jgħid: “Il-Mulej jeħles lill-imjassrin” (Salm 146:7).  Aħna f’ħajjitna l-ħin kollu nfittxu l-libertà. Hu Ġesù li jwassal il-vera libertà. Il-Milied ifakkarna li Ġesù ġie biex iwassal din il-libertà lil kull wieħed u waħda minna, libertà mill-biża’ żejjed, mill-ansjetà, mid-dwejjaq u d-disperazzjoni.

Aħna u niċċelebraw din l-Ewkaristija fil-Konkattidral iddedikat sewwasew lil San Ġwann il-Battista, nitolbu lill-Mulej biex nieħdu l-eżempju tiegħu għalina personali, għall-familji tagħna, u għas-soċjetà, ħalli nkunu: nies ta’ prinċipju, nies li nagħrfu l-essenzjal fil-ħajja, u nies li dejjem ngħożżu l-preżenza ta’ Ġesù f’nofsna, u nħallu lilu jdawwal lil ħajjitna.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: