Ġwanni Pawlu II fil-Monasteru ta’ Fonre Avellana

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI LILL-MONASTERU TA’ FONTE AVELLANA
QUDDIESA FIL-KNISJA TA’ SANTA CROCE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Serra Sant’Abbondio (Pesaro),
5 ta’ Settembru 1982

Għeżież ħuti.

“Allura jinfetħu għajnejn il-għomja u jinfetħu widnejn it-torox. Allura z-zopp jaqbeż bħal ċerv, u jwerżaq bil-ferħ ilsien il-mutu” (Iż 35, 5-6).

1.Bid-deskrizzjoni ta’ dawn ix-xeni ferrieħa ippreżentati lilna mill-Profeta Iżaija biex iħabbar il-ferħ taż-żminijiet messjaniċi, jiena ndur lejkom, għeżież ħuti, biex nurikom, min-naħa tiegħi, il-ferħ profond li niċċelebra llum l-Ewkaristija bikom quddiem din il-Knisja venerabbli ta’ Santa Croce ta’ Fonte Avellana, li bil-linja dejqa, essenzjali, espressa fis-solidità tal-ġebla għera, tqanqal fil-qalb is-sens tal-etern u ċ-ċertezza tal-ħwejjeġ tas-sema. Diġa l-istess purezza tal-pajesaġġ mistiku, li fih dan l-Eremitaġġ distint jinsab imkennen, huwa tali li jippredisponi r-ruħ għall-meditazzjoni u għall-adorazzjoni ta’ Alla, li l-perfezzjoni nfinita tiegħu hija riflessa fis-sbuħijiet tal-maħluq.

Ġejt biex naqta l-għatx f’din il-funtana ta’ spiritwalità, f’din l-atmosfera li fiha kollox huwa sejħa għall-valuri tal-ispirtu. Hawn fejn isaltan is-skiet u tiddomina l-paċi, Alla jkellem lil qalb il-bniedem.

Insellem bi mħabba sinċiera lill-Komunità Kamaldolesa billi nibda mill-Pirjol Ġenerali tagħhom, Patri Benedittu Calati; insellem b’mod speċjali lill-Kardinal Palazzini u lill-Isqfijiet kollha preżenti, bi ħsieb speċjali għall-Monsinjur Costanzo Micci, li, bħala Isqof lokali, tant xtaq ukoll din iż-żjara; insellem b’qima lill-Awtoritajiet politiċi u ċivili tar-Reġġjun Markiġġjan u tal-Provinċja.

Insellem lill-fidili u lill-pellegrini kollha, hawn miġbura, biex jagħtu xhieda tal-fidi nisranija tagħhom u biex jesprimu ir-rabta tagħhom mas-suċċessur ta’ Pietru. Lilkom ilkoll ngħidilkom: Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!

2. Fiċ-ċentru tal-Vanġelu tallum insibu l-figura tat-trux mutu li jitfejjaq minn Ġesù “billi waqt li warrbu, ‘il bogħod mill-folla qegħdlu subgħajh f’widnejh u bir-rieq messlu lsienu; imbagħad waqt li ħares lejn is-sema, ħa nifs qawwi u qal: “Effathà”, jiġifieri nfetaħ u beda jitkellem sewwa” (Mk 7, 33-35).

Fit-twettiq ta’ dan il-miraklu, Ġesù, b’ġest sinifikattiv. Jaqbad lit-trux mutu u jieħdu ‘l bogħod mill-folla: hemm jerġà jtih is-saħħa! L-“Effathà”, jiġifieri l-mod l-iktar fruttuż biex dak li jkun jinfetaħ għal Kristu u biex jikseb is-salvazzjoni jseħħ dejjem f’laqgħa għal kollox personali bejn il-bniedem u Alla.

Biex wieħed ikun tassew segwaċi ta’ Kristu jeħtieġ li jkun jaf jinqatà għalih, iħalli lilu nnifsu jintmess minnu u jinfetaħ għal kelmtu, għas-sejħiet tiegħu u għall-grazzja qaddisa tiegħu.

Jidhirli li fil-vokazzjoni Kamaldoleżjana, li tul is-sekli sabet ġo Fonte Avellana wieħed mill-punti ċari u stabbli ta’ riferenza, titwettaq b’mod partikolari l-“Effathà” ta’ Kristu, għaliex l-Irħieb jagħżlu li jinqatgħu, fis-skiet u fis-solitudni, sabiex jinfetħu aħjar bl-ispirtu għar-realtajiet inviżibbli tal-misteri ta’ Alla. B’dan l-għemil huma jqegħdu lilhom infushom f’kuntatt dirett ma’ Kristu u jokkupaw post distint fil-Knisja, Ġismu mistiku, sabiex “joffru lil Alla sagrifiċċju eċċellenti ta’ tifħir u bi frott abbundanti ta’ qdusija jonoraw lill-Poplu ta’ Alla u jmexxuh bl-eżempju, kif ukoll ituh żieda b’fertilità apostolika misterjuża.

Għal dan huma glorja għall-Knisja u sors ta’ grazzji ċelesti” (Perfectae Caritatis, 7).

3. Bħal f’kull ħajja kontemplattiva, ukoll fil-vokazzjoni Kamaldożjana l-impenn ewlieni tal-Irħieb jikkonsisti fit-tifħir ta’ Alla, u jiġifieri fl-eżaltazzjoni, il-glorifikazzjoni u l-għarfien tas-superjorità tiegħu, imħabbtu, il-fedeltà tiegħu, il-ġustizzja tiegħu u l-pjan meraviljuz tal-fidwa tiegħu. Huwa sabiħ li taħseb dwar it-tifħir li għal iktar minn millenju jitlà bla jaqtà lil Alla minn dan il-Monasteru bl-opra ta’ ġenerazzjonijiet u ġenerazzjonijiet ta’ Rħieb li mis-Salterju tagħhom għamlu l-kant uffiċjali tagħhom fuq in-noti mmortali tal-melodiji gregorjani. Dak it-tifħir li l-Irħieb ftit ilu esprimew lill-Mulej, billi wrew l-opri kbar li hu ma jaqtax li jwettaq tul is-sekli, meta, bħalma smajna fis-Salm responsorjali, “jeħles il-priġunieri, jagħti d-dawl lill-għomja, iqajjem lil min waqà, iħobb il-ġusti, jipproteġi lill-barrani, jsostni lill-iltim u lill-armla, iħarbat it-toroq tal-ħżiena” (cf. Sal 145).

Dawn huma mottivi oħrajn li għalihom għandu jingħata tifħir perpetwu lill-Mulej u li għalihom l-Irħieb iħallu d-dinja biex jikkonsagraw lilu ħajjithom. U tikkonsisti f’dan l-essenza tal-ħajja kontemplattiva, ladarba huwa mit-talb imħeġġeġ ta’ tifħir lil Alla li fuq kollox jirrendi fertili l-isforzi tal-Knisja biex tikkomunika lid-dinja l-fidwa mwettqa mir-Redentur divin fuq is-Salib. Għal dan l-Istituti tal-ħajja kontemplattiva għandhom parti notevoli wkoll fl-evanġelizzazzjoni tad-dinja.

4. Din il-forma ta’ ħajja titlob mir-reliġjuż tbattil u ċaħda tiegħu nnifsu, fuq l-eżempju ta’ Kristu, li “neżża lilu nnifsu, billi assuma l-kondizzjoni ta’ qaddej” (Fil 2, 7).

Titlob id-distakk mill-ġid ta’ din id-dinja, li jorbotna mal-art, billi ma jħalliniex ngħollu ħarsitna biex nitkellmu mal-Mulej. Titlob l-għażla tal-faqar evanġeliku, li jeħles ir-ruħ mill-inkwiet tad-dinja u jirrendiha disponibbli biex tilqà d-doni mill-Għoli.

Għal dan, kif jgħid San Pawl, “Alla għażel dak li fid-dinja huwa dgħajjef biex ifixkel lill-qawwija” (1 Kor 1, 27). U San Ġakbu fit-tieni qari ta’ din il-liturġija jistaqsina: Alla ma għażilx forsi lill-foqra tad-dinja biex jagħnihom bil-fidi u werrieta tas-Saltna li wiegħed lil dawk li jħobbuh?” (Ġk 2, 5). Ġakbu biex jiddetermina dan, żgur li kien qiegħed jaħseb fil-kliem ta’ Ġesù: “Imberkin il-foqra tal-ispirtu għaliex tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet” (Mt 5, 3). Huwa f’Ġesù infatti li ġie irrivelat, fid-dawl kollu tiegħu, il-valur tal-għażla li Alla jagħmel tal-foqra, billi huwa żżewweġ lil xortihom u lill-kawża tagħhom. Kien fqir huwa nnifsu u indika fil-foqra id-destinatarji pprivileġġjati tal-Vanġelu tiegħu, billi huwa kien “mibgħut biex iħabbar lill-fqajrin messaġġ ferrieħ” (Lq 4, 18). Ġesù jħobb u jippreferi lil dawk li jagħżlu l-faqar evanġeliku, għaliex dan huwa l-art “tajba” li fuqha l-kelma tiffjorixxi, tiżviluppa u tagħmel frott u għaliex jaf “kemm hu diffiċli għal dawk li jippossiedu l-għana li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla” (Lq 18, 24).

L-Irħieb, waqt li jgħixu fil-milja din il-bejatitudni evanġelika tal-faqar, huma l-werrieta ta’ din is-Saltna, li tagħha jħabbru l-bxara t-tajba mhux biss bil-predikazzjoni, imma fuq kollox bl-imitazzjoni ta’ Kristu fqir, verġni u ubbidjenti sal-mewt.

5. Solitudni, miftuħa lejn Alla, faqar evanġeliku: huma dawn il-konsiderazzjonijiet li llum jitilgħu mill-paġni sagri li ftit ilu ġew imxandra, imma huma wkoll daqstant ideali għal dak li ġew ispirati minnu f’dawn l-elf sena l-Irħieb ta’ dan il-Monasteru ta’ Fonte Avellana, magħmula famuża, għall-profondità tal-għarfien u għall-qdusija tal-ħajja, minn reliġjużi bla numru, li fosthom tispikka l-figura kbira ta’ San Pier Damiani, eremita, Duttur tal-Knisja. Kien appuntu hu li ta t-timbru dejjiemi lill-Fondazzjoni Avellanita ta’ ispirazzjoni Romwaldina u biex jikkonkretizza l-prattika ta’ ħajja f’regoli miktuba u f’arranġamenti ġuridiċi, billi kellu għal qalbu l-protezzjoni tas-solitudni tal-post, l-awtonomija u l-libertà tal-Eremitaġġ mill-interferenzi esterni. Bil-fondazzjoni mbagħad ta’ Eremitaġġi ġodda u ta’ tliet Monasteri oħra huwa qiegħed is-sisien ta’ din il-Kongregazzjoni, billi mid-diversi komunitajiet għamel kważi korp uniku, permezz tal-għaqda tal-elementi essenzjali tal-Axxetika orjentali u taċ-Ċenobitiżmu benedittin. Rifurmatur u moralista kbir, huwa kien qrib ta’ sitt Papiet, li ddistingwew ruħhom b’mod speċjali fit-taqtigħa għall-integrità tal-Knisja u għad-dinjità tas-saċerdozju. Imma dak li l-iktar xtaq San Pier Damiani kienet il-paċi tal-Monasteru kwiet tiegħu ta’ Fonte Avellana, fejn appena kien ikollu ċans, kien jerġà lura fl-ilbies ta’ raħeb sempliċi, billi rrinunzja għall-unuri kollha li kienu jġibu magħhom id-dinjitajiet tiegħu ta’ Isqof u Kardinal, u minn fejn kien jitlaq, fi spirtu ta’ ubbidjenza, appena kienet titolbu l-opra tiegħu ta’ paċifikatur, f’epoka storika hekk imqallba u mifruda minn rivalità u gwerer interni.

Waqt li segwa l-passi tas-surmast kbir tiegħu l-Abbati San Romualdo, minn Ravenna bħalu, hu, f’perijodu li fih il-Knisja kienet milquta minn deni serju, jara, bħala kura, il-bżonn ta’ ħajja reliġjuża ddedikata prinċipalment għall-kontemplazzjoni u għas-solitudni,  billi sostna s-supremazija tat-tfittxija ta’ Alla fuq il-valuri eventwali kollha.

L-istorja ta’ dan il-Monasteru titwieled u tiżviluppa fid-dell ta’ din il-figura kbira, li wkoll illum, wara disà sekli minn mewtu, għadha għaddejja tħarreġ u titma l-ħajja tal-Irħieb tiegħu.

6. Infatti l-ispiritwalità Kamadoljana illum, bis-saħħa wkoll tal-imbuttatura benefiċenti riċevuta mill-Konċilju Vatiakan II, hija iktar minn qatt qabel fjorixxenti fil-Knisja, billi tikkostitwixxi riserva kbira ta’ grazzji, ta’ għajnuniet spiritwali għall-insara kollha, anzi għall-umanità kollha.

Jena ġejt illum f’Fonte Avellana biex nonora x-xhieda u l-kontribut li l-ħajja monastika tirrendi lill-Knisja u lid-dinja.

L-Irħieb għandhom fil-Knisja post u funzjoni li minnha wieħed ma jistax ma jqisx, billi hija l-ispeċifità tagħhom prudenti u edifikanti għall-komunità ekkleżjali kollha. Huma infatti jikkonservaw u jistqarru valuri li dwarhom id-dinja ma tistax tgħaddi mingħajrhom għaliex jagħtu lill-ħajja sinifikat, meta jkunu migħuxa realment fil-milja tagħhom.

7. Niftakar bi gratitudni l-benefiċċju li personalment irċivejt f’kuntatt mal-Irħieb Kamadoljani fi Krakovja, u kif il-fidili baqgħu b’mod profond edifikati fiż-żjarat lill-Eremitaġġi tagħhom, li minnhom kien jixtered sens sigriet ta’ paċi, ta’ ferħ u ta’ qdusija.

Infatti huma minn mindu San Adalberto sejħilhom għall-ewwel darba mill-Italja, saru gwidi għaqlin u eżemplari għal tant fidili ta’ Art Twelidi.

Għeżież Irħieb Kamadoljani ta’ dan il-Monasteru jew li f’Monasteri simili tiddedikaw ruħkom b’ġenerożità lill-Mulej: ippermettuli li nindirizzalkom eżortazzjoni biex tħobbu dejjem iktar ħajjitkom ikkaratterizzata mis-solitudni, mill- “Effathà” u mill-faqar biex tarrikkixxu lill-oħrajn bid-doni ċelesti. Konxji sewwa li s-solitudni tagħkom ma tifridkomx mill-Knisja, imma għall-kuntrarju tqawwilkom il-komunjomi, ħobbu dejjem iktar lill-Knisja, ommkom; sostnu b’talbkom l-ansjetà apostolika tagħha, l-isforz tagħha għall-paċi u s-sofferenza tagħha għas-sitwazzjonijiet drammatiċi li fihom illum jgħixu tant ħutna fil-fidi. Kunu afu tittraduċu f’talb u f’penitenza dawn il-kawżi kbar tal-Knisja.

Waqt li issa nkomplu ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, ejjew niżżu ħajr l-ewwelnett lil Alla Missier għall-elf sena ta’ ħajja Monastika f’dan il-Monasteru ta’ Fonte Avellana. Ejjew nitolbuh il-qawwa li jipperseveraw f’din il-ħajja b’kuraġġ u konsistenza, waqt li jilqgħu bkuraġġ ġeneruż il-kliem tal-Profeta Iżaija, li smajna fl-ewwel qari: “Kuraġġ! La tibżgħux; Hawn hu Alla tagħkom . . .  Huwa jiġi biex isalvakom” ( 35, 4).

Amen!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: