Ġwanni Pawlu II minn Castel Gandolfo

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA FIS-SITT MITT SENA TAL-MADONNA TA’ JASNA GÓRA
OMELJIA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Castel Gandolfo.
26 ta’ Awissu 1982

1. “. . . Qabel ma nitlaq minn hawn, nitlobkom li tacċċettaw mill-ġdid għal darb’oħra, il-patrimonju spiritwali kollu li jismu “Polonia”, bil-fidi, it-tama u l-karità li Kristu naqax fina fil-Magħmudija Mqaddsa.

Nitlobkom
– biex ma titilfu qatt il-fiduċja, biex ma taqtgħux qalbkom, biex ma ċċedu qatt;
– biex ma taqtgħux weħedkom l-għeruq li minnhom oriġinajna.

Nitlobkom
– biex ikollkom fiduċja, minkejja kull dgħufija, li tfittxu dejjem il-qawwa spiritwali mingħand Dak, li qribu tant ġenerazzjonijiet ta’ missirijietna u ommijietna sabuha.

– La tinqatgħu qatt minnu.

– La titilfu qatt il-libertà tal-ispirtu, li biha huwa “jagħmel liberu” l-bniedem.

– La tiddisprezzaw qatt il-karità li hija “l-ikbar”, li wriet ruħha permezz tas-salib, u li mingħajrha l-ħajja umana la għandha għeruq u linqas sens.

Dan kollu jiena nitlobkom . . .”.

2. Tennejt il-kliem ippronunzjat fl-10 ta’ Ġunju fuq il-Mergħat ta’ Krakovja waqt l-Ewkaristija sollenni li ngħatali li niċċelebra għad 900 mitt anniversarju tal-mewt tal-martri San Stanislaw, patrun tal-Polonja..

Illum, is-26 ta’ Awissu 1982, qiegħed insib ruħi qrib l-altar fil-Kappella tal-aħħar Papiet ġewwa Castel Gandolfo.

Piju XI, li kien Nunzju Apostoliku fil-Polonja fl-ewwel snin wara l-kisba lura tal-indipendenza, introduċa f’din il-Kappella u qiegħed fuq l- l-altar ewlieni x-xbiha ta’ Omm Alla ta’ Jasna Gora, offruta lilu mill-Episkopat Pollakk. Bla dubju t-tifkira ta’ Jasna Gora daħlet b’mod profond fil-qalb ta’ dak is-suċċessur ta’ Pietru, meta wieħed iqis li ried li jkollu din ix-Xbiha fuq l-altar ewlieni tal-Kappella tiegħu. U b’mod profond daħlu f’qalbu t-tifkiriet tal-ġrajjiet tas-snin 1655-6 u, wara, dawk tas-sena 1920, għaliex dawn jikkostitwixxu l-oġġett tal-affreski li bihom pittur Pollakk żejjen, bir-rieda tal-Papa, il-ħitan tal-ġnub tal-Kappella.

3. Hawn mela, quddiem dan l-altar, ninsab illum waqt li nħoss rabta profonda ma’ Jasna Gora, li qiegħda tiċċelebra l-ġublew tal-preżenza ta’ 600 sena ta’ Omm Alla, Sultana tal-Polonja,  fix-Xbiha l-iktar meqjuma.

Diġa meta kont l-aħħar darba fil-Polonja, kont mistieden għal dan il-ġublew. Imbagħad id-diversi ambjenti, u, b’mod partikolari, il-patrijijiet Pawlini ġeddu din l-istedina; fl-aħħarnett esprimiha l-Kunsill tal-Presidenza tal-Episkopat, f’isem l-Isqfijiet kollha tal-Polonja u għal kattoliċi kollha tal-Polonja.

 Jiena dejjem weġibt – u l-istess inwieġeb illum – li s-sehem fil-ġublew ta’ Jasna Gora huwa miżmum minni bħala dover, kemm fil-konfront tas-Sultana tal-Polonja, kif ukoll fil-konfront tan-nazzjon tiegħi u tal-Knisja fil-Polonja. Għalhekk kontinwament nesprimi l-konvinzjoni li d-dikjarazzjonijiet  ppronunzjati fir-rigward ta’ dan il-pellegrinaġġ tal-Papa għall-Art Twelidu se jkunu mwettqa fil-kwadru ta’ dan il-ġublew, Dan jesiġih ukoll l-isem tajjeb tal-Polonja f’għajnejn in-nazzjonijiet tal- Ewropa u tad-dinja.

4. Bdanakollu illum ninsab quddiem x-xbiha tal-Omm tan-Nazzjon tiegħi f’dan il-post fejn qegħditha id Piju XI li kien iħobb il-Polonja indipendenti u tal-predeċessuri tiegħi.

Hawn qed nieħu sehem fit-talb u fis-sagrifiċċji li bihom intom, għeżież konnazzjonali, se tmorru Jasna Gora fis-26 ta’ Awissu 1982. Jien ningħaqad magħkom, mar-Rgħajja tagħkom, mal-Episkopat tal-Polonja, bl-istess fidi, tama u karità, u nintroduċi fit-teżor tal-Knisja Universali s-Sagrificcju li intom toffru hemm quddiem Dik “li tiddefendi l-imdawla Czestochowa”: is-sagrifiċċju l-ġdid tal-istorja.

U, fl-istess ħin, nixtieq li f’dan is-Sagrifiċċju mqaddes li jgħaqqad lill-ulied Alla kollha fil-globu dinji kollu, titwettaq dik il-bidla ta’ Rigali, li Kristu beda fl-istorja tal-bnedmin u tan-nazzjonijiet.

Għal dan fil-bidu fakkart il-kliem li kont ippronunzjajt waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewksaristija, waqt il-“Konferma tal-istorja” memorabbli fil-mergħat ta’ Krakovja fis-sena “ta’ San Stanislaw” 1979.

5.U fis-sena tal-Mulej 1982 x’inhu d-don li se nġibu??

X’nixtiequ noffru aħna lill-Missier ta’ kull dawl u Sultan immortali tas-sekli,  quddiem l-Omm ta’ Kristu?

Huwa dan, għeżież ħuti, id-don partikolari, l-espressjoni tas-seklu tagħna u, fl-istess ħin, is-sinjal tal-kontinwità feddejja mas-Salib ta’ Kristu.

Hekk hu, minn hawn u ftit ieħor, għandu jkun magħdud fir-reġistru tal-Qaddisin tal-Knisja kattolika l-Beatu Massimiljanu Marija Kolbe, il-Vittma ta’ Oswiecim.

Nixtieq nesprimi l-konvinzjoni li dan huwa dak id-don partikolari li aħna lkoll inwasslu lis-Sinjura ta’ Jasna Gora għas-sitt mitt anniversarju. Madankollu mhuwiex dan jewwilla fuq kollox d-don tagħha lilna fiż-żmien tal-Ġublew? Iva, hija fuq kollox l-Omm ta’ Jasna Gora li tagħtina dan il-Qaddis li kiber mill-art Pollakka, li immatura fis-sagrifiċċju erojku fuq in-nar terribbli li fuqu kien qiegħed jinħaraq in-nazzjon tiegħu, flimkien ma’ l-oħrajn, tul s-snin tal-biżà 1939-45.

Iva, hija Omma ta’ Jasna gora li qiegħda tagħtihulna. Ma kienx hu forsi, f’jiemu b’mod partikolari Kavallier tal-Immakulata? Ma pprerseverax, b’mod stupend, sal-aħħarnett fil-fedeltà tiegħu lejn is-Sinjura tiegħu, billi ta ħajtu għal wieħed minn ħutu fil-“bunker” ta’ Oswiecim?

Hekk mela nixtiequ nġibu, għal dan is-sitt mitt anniversarju ta’ Jasna Gora, dan id-don partikolari mħejji mill-Providenza. Nixtiequ nesprimu, f’dan id-don, lilna nfusna, u nixtiequ nkomplu magħna nfusna dak li l-Beatu tagħna jgħidilna u dak li jgħid, biex ngħidu hekk, lill-post tagħna.

6. Hekk hu, huwa sar solidali, sal-limiti estremi. Ma’ bniedem ieħor u ddikjara lilu nnifsu lest li jmur minfloku, għall-mewt, konxju tal-kliem ta’ Kristu: “Ħadd m’għandu mħabba ikbar minn din: tagħti ħajtek għal ħbiebek” (Ġw 15, 13).

Is-sagrifiċċju ta’ Massimiljanu, offrut fil-post ta’ disprezz tal-bniedem, ta’ Oswiecim, ikellem lill-bnedmin kontemporanji, lin-nazzjonijiet, lis-soċjetajiet. Dan sar sinjal elokwenti taż-żminijiet li fihom qegħdin ngħixu.

F’riġlejn is-Sinjura ta’ Jasna Gora, ngħolli llum – flimkien ma’ l-ulied maskili u femminili tan-nazzjon Pollakka, flimkien mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba fid-dinja kollha – is-supplika li dan is-sinjal ikun moqri sewwa minna.

Jalla jitkellem billi jgħidilna li fl-art Pollakka hemm bżonn li nkun qrib kull bniedem, bla ma neliminaw lil ħadd, u jibnu mill-ġdid il-ġid komuni permezz tal-għaqda ma’ kull wieħed u waħda u permezz tad-djalogu mas-soċjetà. Ma tistax tibni dan il-ġid bil-mezzi tal-forza u bil-vjolenza, imma bl-elokwenza tar-raġuni, li tfisser rispett ta’ kull bniedem u, għalhekk, tkun kapaċi li tikkonvinċi lil kulħadd.

Il- ġest tal-Patri Massimiljanu fil-kamp tal-konċentrament f’Oswiecim jistieden u jħeġġeg għal tali għaqda ma’ kull bniedem, għall-għaqda man-nazzjon kollu, diġa ppruvata żżejjed matul il-bosta perijodi tal-istorja tiegħu.

Dan huwa ġest, att li l-Providenza wrietna u tatna bħala dmir, għaliex skontu nsolvu l-problemi diffiċli ta’ art twelidna.

Matul l-aħħar xhur, il-Knisja fil-Polonja ma qatgħetx tirripeti u tirrikonferma li l-poter jistà biss ikun qawwi bl-appoġġ tas-soċjetà, u li t-triq li twassal għal tali appoġġ tgħaddi mhux permezz tal-kontrappożizzjoni, imma permezz tad-djalogu ma’ kulħadd, permezz ta’ ftehim soċjali reali.

7. Konnazzjonali maħbubin tiegħi!

Minkejja li l-ħajja tal-Pollakki hija diffiċli din is-sena, jirbaħ fikom l-għarfien li din il-ħajja hija mħaddna mill-Qalb tal-Omm; hekk bħal ma hi rebħet f’Massimiljanu Marija, Kavallier tal-Immakulata, hekk ukoll tirbaħ fikom

Ejjew niżżuha ħajr għall-ewwel miraklu f’Kana tal-Galilea u għas-sitt sekli tal-preżenza tax-xbiha ta’ Jasna Gora.

U fl-istess ħin ejjew nitolbu li hija tikkomunika, jiemna, mal-bnedmin kollha li jgħammru fl-art Pollakka.

Tirbaħ il-Qalb tal-Omm!

Tirbaħ is-Sinjura ta’ Jasna Gora fina u permezz tagħna. Tirbaħ saħansitra s-sofferenzi u t-telfiet tagħna.  Jalla tagħmel iva li ma niqfux nisfurzaw u nissieltu għall-verità, għall-ġustizzja, għal-libertà u għad-dinjità ta’ ħajjitna. Il-kliem ta’ Marija: “Agħmlu dak li jgħidilkom (Ibni)” (Ġw 2, 5) jewwilla ma jfissirx dan ukoll? Jalla l-qawwa turi ruħha għal kollox fid-dgħufija, skont il-kliem tal-Appostlu tal-Ġentili (cf. 2 Kor 12, 9) u skont l-eżempju tal-konnazzjonali tagħna Patri Massimiljanu Kolbe.

Marija,Sultana tal-Polonja, jiena qrib tiegħek, niftakar fik, jiena nosserva!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: