Searching and Confessing. Augustine of Hippo’s Quest for Wisdom and Truth. Malta: Augustinian Province, 2023 (ISBN: 978- 9918-0-0430-0)
Il-Professur P. Salvinu Caruana, Agostinjan, għadu kemm ippubblika xogħol ieħor bl-Ingliż, dwar S. Wistin ta’ Ippona, Searching and Confessing. Il-ktieb fih 255 faċċata u fih ħames kapitli b’tagħlim u siltiet minn xi kitbiet ta’ Wistin.
Fl-ewwel kapitlu l-awtur sensel il-mixja li wettaq Alla f’Wistin minn twelidu sakemm il-qaddis intrebaħ mill-ħidma qawwija tal-grazzja ta’ Alla. Hu bis-saħħa ta’ kemm saħqet fuqu, u kienet issus wrajh ommu, il-qaddisa Monnika. Hija waslet sabiex kienet bdiet tieħdu magħha fil- bażilka fejn kien jippriedka l-qaddis isqof ta’ Milan, Ambroġ. Ħasra li, xtaq kemm xtaq, qatt ma seħħlu jiltaqa’ wiċċ imb’wiċċ mal-qaddis isqof sabiex jitħadded miegħu dwar dak kollu li kien ilu jieklu minn ġewwa dwar il-Kotba Mqaddsa li fit-tifsira tagħhom Ambroġ kien mustaċċun. Iżda kien bis-saħħa tal-priedki ta’ dan kontra l-qerq tal-Manikej, li Wistin qattagħha li jsir Nisrani Kattoliku u jitgħammed minn idejn l-isqof nhar il-24 t’April tas-sena 387.
P. Salvinu jfisser kif issa Wistin, f’din il-ħajja ġdida, twettqu fih erbgħa, jekk mhux ħames konverżjonijiet, li huwa fisser ukoll bħala għamliet ta’ stqarrijiet. Il-confessio peccatorum, jew l-istqarrija tad-dnubiet; il- confessio humilitatis, jew l-istqarrija tal-umiltà; il-confessio infirmitatis, jew l-istqarrija tad-djufija; u l-confessio laudis, jew l-istqarrija ta’ tifħir lil Alla, il-Ħallieq. Dawn Wistin fissirhom fl-ewwel vrus tal-ewwel paragrafu li bih beda t-tlettax-il ktieb ta’ L-Istqarrijiet tiegħu. Wistin stqarr: Agħtini dak li tikkmandani, u kkmandani dak li trid (10,29,40).
Skont P. Salvinu hekk ukoll, tista’ tgħid, li bħal qisu kien hemm il- ħames għamla ta’ stqarrija, il-confessio pastoralis, il-ħerqa qawwija, li bis-saħħa tal-kelma qawwija tiegħu, il-Qaddis għamel ħiltu kollha sabiex iwassal lis-semmiegħa tiegħu ġewwa Ippona għall-indiema. Darba minnhom saħansitra wasal sabiex stqarrilhom: ma rridx insalva mingħajrkom (17,12).
Wistin ħadha kontra erbgħa għamliet ta’ tagħlim qarrieqi ta’ żmienu, kontra dak tal-Manikej dwar liema kien it-Twemmin tabilħaqq; kontra dak tad-Donatisti, dwar liema kienet il-Knisja Tabilħaqq ta’ Kristu; kontra dak tal-Pelaġjani, dwar il-ħajja tar-ruħ u l-Grazzja ta’ Kristu; u, fl- aħħarnett, kontra dak tas-Semipelaġjani, dwar is-siwi tal-għemejjel tajba, l-iktar fil-ħajja qaddisa tal-irħieb, dawk ta’ Hadrumentum.
P. Salvinu mbagħad ifisser kemm ikun sejjer imqarraq jekk xi ħadd jaħseb li l-ħidma pastorali ta’ Wistin fost il-poplu ta’ Ippona kienet biss waħda marbuta mas-saħħa spiritwali, tar-ruħ, tal-poplu afdat f’idejh. Fir- raba’ kapitlu, P. Salvinu fisser il-ħidma bla serħan tal-Qaddis sabiex itaffi t-tbatija ta’ kull għamla ta’ għadd kbir tal-popolazzjioni t’hemm, kollu ħtija tad-diżonestà, u tal-qerq tat-tmexxija tas-setgħat politiċi t’hemm. Huwa waqqaf il-matricula pauperum (Ittra 20* (Divjak) 2), post minn fejn kienu jitqassmu kull għamla ta’ għajnuniet u ħtiġijiet ta’ kuljum lill-foqra u lill-morda; waqqaf ukoll Xenodochium (Priedka 10), fejn kulħadd, fqar u pellegrini, kienu jingħataw kura medika b’xejn. Dan kollu
P. Salvinu jfissru bħala għamla oħra ta’ confessio, il-confessio caritatis. Il-qofol tal-ħajja u ħidma ta’ Wistin jintlaħaq fil-kapitlu ħamsa li fih l- awtur ifisser fir-reqqa kollha, il-ħsieb ta’ Wistin dwar il-Christus Medicus, il-Persuna u l-Ħidma ta’ Kristu t-Tabib Divin. Wistin kien jilmaħ ċar il-ħtieġa qawwija, u t-taqbida daqstant ieħor qawwija tal-bniedem għall-fejqan. Dan Kristu kien lemħu kollu tul ħidmietu fost il-poplu tiegħu, il-Poplu Lhudi, għall-ewwel, imbagħad Huwa fetħu għan-nies l- oħrajn kollha ta’ żmienu. Huwa kien iwettaq mirakli ta’ fejqan ta’ dawk kollha li kienu jinġiebu quddiemu, u saħansitra, fi ftit każijiet, ħataf lil xi whud mill-idejn qerrieda tal-mewt, u reġa’ qajjimhom għall-ħajja.
Skont Wistin, Kristu ma kienx biss it-Tabib Divin, iżda wkoll id-Duwa Divina, kapaċi tfejjaq kull għamla ta’ mard u nuqqas ta’ saħħa. Ebda tabib ma kellu l-ħila jfejjaq hekk, dan l-għaliex Huwa kellu d-Duwa Divina li tfejjaq kollox u lil kulħadd. Hu biss kellu l-qawwa u l-ħila jqiegħed subgħajh fuq il-ġerħa u jfejjaqha, dan l-għaliex kien Hu li ħalaqna u fdiena. Hu kien jaf minn xhiex inbatu; Hu kien iħares lejna bl- għajnejn ta’ dak is-Samaritan li għen lil dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin, u li sawtuh, biċċruh u ħallewh għal mejjet fit-triq. Wistin kien jaf ben tajjeb kemm kienet fonda l-ġerħa li wettaq fuq ġisimna l-Ħażin, dik tal-kburija. Kien sabiex ifejjaqna minnha li Kristu ġie għandna bħala t-Tabib, ewlieni u ġwejjed. Il-Kotba Mqaddsa jfissru l-Persuna ta’ Kristu bħala ta’ Dak li niżel mis-sema sabiex ifejjaqna mill-ġerħa tal-kburija u jwassalna għall-indiema. Dan kollu Wistin kien jaqrah fis-silta tat-Tmien Henat tal-Evanġelju skont S. Mattew.
(Il-ktieb sejjer jitressaq quddiem il-pubbliku nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Jannar 2023 fis-6.00pm ġewwa l-Millenium Chapel Triq il-Knisja, Paceville, S. Ġiljan. Il-parkeġġ hu b’xejn, biss wieħed ikun irid jakkwista l-biljett mingħand P. Hilary Tagliaferro OSA: 9982 9429; għal xi tagħrif ieħor: Ms Antoinette Borg: 9945 0099, jew 7770 8700. Id-dħul hu b’xejn, u wara jkun hemm drink. Il-ktieb ikun għall-bejgħ għal €20 għal dik is- serata biss, wara €30).