Nitgħallmu nittrattaw mal-ġid

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 10 ta’ Frar 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl. Knisja parrokkjali ta’ San Pawl, Munxar.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-nawfragju-san-pawl-munxar-il-gimgha-10-ta-frar-2023?si=031b6fb0ba1f40078ac2b9fc224513e8&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Li kieku dalgħodu kellna nippruvaw inwieġbu bis-serjetà għall-mistoqsija: ‘Imma jien nista’ ngħid li jien ta’ Pawlu jew le? Imma Malta u Għawdex għadhom ta’ Pawlu jew le?’, xi tkun ir-risposta tagħna? Ara taħsbu li Malta u Għawdex ma għadhomx ta’ Pawlu għax dieħel l-abort, għax daħal id-divorzju, għax hawn ħafna li jisseparaw, u ż-żwieġ ma għadux sagru u realtà qaddisa bħalma kien qabel! Ara taħsbu li Malta u Għawdex ma għadhomx ta’ Pawlu għax ma għadniex immorru knisja u nitolbu! Mela għalfejn Malta u Għawdex ma għadhomx ta’ Pawlu? Iva, għal dan kollu li għidna, imma mhux biss. Hemm maltemp, hemm baħar aktar imqalleb, aktar profond, li qiegħed jhedded lil din id-dgħajsa, dan il-ġifen tal-komunità Nisranija Maltija u Għawdxija, u bil-mod il-mod qiegħed ikisser din il-Knisja, din id-dgħajsa, dan il-ġifen, din il-komunità li temmen. U minflok qiegħed iwassalha f’art ħelwa – f’Melita, Malta – qed iwassalha biex tegħreq fil-fond ta’ baħar, sinjal tal-mewt.

X’inhu dan il-baħar? X’inhi din it-theddida kbira li qiegħda teqred bil-mod il-mod il-fidi tagħna, is-sens ta’ Alla minn ġo qalbna u pajjiżna? Għax dan kollu li semmejna – abort, divorzju, separazzjonijiet, nuqqas ta’ talb, nuqqas ta’ sens ta’ dnub, droga – ġej kollu minn ħaġa waħda: min-nuqqas ta’ bżonn ta’ Alla fil-ħajja tagħna. Ġej kollu minn idea li Alla ma għandniex bżonnu – hija idea żbaljata kemm tridu, idea falza kemm tridu, imma falza kemm hi falza u żbaljata kemm hi żbaljata, daħlet fil-qalb u fil-moħħ ta’ ħafna minna, biex ma ngħidx ta’ kollha kemm aħna. U x’wassalna biex indaħħlu din l-idea?

Nixtieq li hawn nirriflettu tassew, u nieqfu bħala nies maturi u adulti naħsbu bis-serjetà fuq dak li qiegħed u ser jiġri mill-fidi tagħna. X’wassal biex lil Alla ma nħossux il-bżonn tiegħu daqs qabel? X’wassal biex xi ħadd jew xi ħaġa jieħu l-post li Alla kellu fil-qalb tagħna u fil-moħħ tagħna, b’mod speċjali aħna l-Maltin u l-Għawdxin? In-nuqqas ta’ kapaċità tagħna kif nittrattaw mal-ġid, mal-flus. Din hija l-problema li nħoss li qiegħda fl-għeruq ta’ dak kollu li qiegħed jiġri f’pajjiżna, ta’ dak kollu li qiegħed iwassal biex aħna ma nibqgħux Għawdxin u Maltin ta’ Pawlu, anki jekk aħna ngħajtu u nisħqu li Pawlu huwa ta’ Malta. Mhux il-flus fihom infushom, mhux il-ġid fih innifsu, imma l-mod kif il-flus u l-ġid qed jagħmuna.

Darba Ġesù fil-Vanġelu qal: “Jew Alla, jew il-flus” (ara Mt 6:24). U Ġesù għandu raġun bħal dejjem. Kien jaf Ġesù li l-bniedem meta jħossu żgur b’mod żbaljat, b’mod falz – għax inti, għandek kemm għandek flus, qatt ma inti fiż-żgur; mingħalik għax għandek il-flus, allura qiegħed fiż-żgur – ma jħossx aktar il-bżonn ta’ Alla fil-ħajja. Mhux talli hekk, talli b’mod żbaljat il-flus iġagħluni nħossni alla, li jien fil-poter, li jien nista’ niddeċiedi waħdi. U minħabba f’hekk il-konsegwenzi li għadna kif semmejna. Allura jien nista’ niddeċiedi jien fuq ħajti, fuq il-ħajja ta’ ħaddieħor, fuq il-ġid ta’ madwari. Jien nista’ niddisponi kemm irrid minn fuq l-art, minn fuq il-proprjetà, minn fuq il-persuni, minn fuq dak kollu li jien, għax jien inħossni b’mod falz alla tas-sitwazzjoni. Allura nispiċċa mhux nuża u ninqeda, imma nabbuża, inkisser, neqred, u bil-mod il-mod mingħajr ma ninduna nispiċċa biex neqred lili innifsi.

Din hi l-problema kbira tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Għadna ma aħniex kapaċi nittrattaw b’mod Kristjan mal-ġid, mal-flus li ġew fuqna bħala rigal, bħala don ta’ Alla. Il-flus u l-ġid ħadu post Ġesù Kristu. Minflok dawn ressquna u għenuna biex nindunaw bl-imħabba b’xejn, bil-providenza li Alla għandu kontinwament miegħi, ma’ kull wieħed u waħda minna, dawn b’mod żbaljat, illużorju u miskin ġagħluni nħossni fil-poter, alla tas-sitwazzjoni. Allura meta tinqalagħli xi ħaġa, meta tinqala’ marda, neħodha bi kbira, ħafna aktar milli kienu jeħduha bi kbira n-nanniet u l-antenati tagħna. Meta tiġri xi ħaġa li mhux suppost ġrat għax mhix fil-pjan tiegħi, naqa’ fi kriżi, f’dipressjoni, nirribella ħafna aktar mill-antenati tagħna. L-antenati tagħna qatt ma daħlu fl-illużjoni li huma allat, li kollox jiddependi minnhom għax għandom il-flus u l-ġid. Imma aħna dħalna f’din l-illużjoni u, għalkemm għandna aktar ġid, qegħdin inbatu aktar milli kienu jbatu missirijietna. Huma kellhom aktar problemi u aktar diffikultajiet, imma kienu aktar b’saqajhom mal-art, kellhom anqas ħolm u ħsibijiet f’rashom milli għandi jien għax mingħalija jien alla għax għandi l-ġid.

Din l-istorja li għadna kif smajna (Atti 27:16–28:10) tgħallimna proprju liema hi l-art l-aktar fertili li ssib il-Kelma ta’ Alla. Min jaf kemm-il darba immaġinajnieha din l-istorja aħna u nisimgħuha. Immaġinaw lil Pawlu flimkien ma’ dawn il-276 ruħ fuq il-ġifen li jitilqu minn Kawda. L-ewwel u qabel kollox jippruvaw ifittxu l-kenn fi Kreta. Imma x’jiġrilhom dawn? Isibu riħ qawwi li flok jitfagħhom fil-port ta’ Feniċi fi Kreta, iqabbiżhom ’il barra, joħroġhom f’nofs il-Mediterran. Jgħidilna l-Atti tal-Appostli li dawn kellhom iħallu l-ġifen għal riħu.

Immaġinaw aħna x’jiġrilna llum meta nitilfu, anki ftit, ftit il-kontroll tas-sitwazzjoni. Meta jkollok tifel jew tifla li mhux preċiż kif immaġinajthom, meta tinqala’ xi ħaġa fis-saħħa li mhux eżatt kif stennejt, meta tinqala’ problema ekonomika jew mhix, tar-relazzjonijiet, kif issir, kif tispiċċa, tippanikkja! Ma għandniex il-kapaċità, bħal dawn missirijietna, li nintelqu mar-riħ. U aħna nafu li ħafna drabi fil-ħajja nispiċċaw ikollna nintelqu mar-riħ b’ħafna tbatija u diffikultà, għax ma aħniex imdorrijin nintelqu mar-riħ. U ma ninsewx li dan ir-riħ kien ir-riħ tal-Ispirtu s-Santu, kien ir-riħ ta’ Alla li wassal lil dan il-ġifen u lil Pawlu fuq il-gżira tagħna. Imma ħafna drabi meta jkun ir-riħ, meta nitilfu l-kontroll – u dawn il-ġranet nafu x’jiġifieri bil-maltemp li għexna u li qegħdin ngħixu – aħna nispiċċaw inħossuna verament mitlufin. Għax mhux is-soltu. Is-soltu ngħixu fl-illużjoni li bil-ġid, bil-kapaċità tagħna, bil-flus kapaċi nikkontrollaw kollox, kapaċi naslu fejn irridu. Imma din hija illużjoni.

Bil-mod il-mod dan ir-riħ tal-Ispirtu ta’ Alla jibda jneżżagħhom, lil dan il-ġifen jibda jżarmah. San Luqa jgħidilna li kellhom qabelxejn itellgħu d-dgħajsa fuq il-ġifen, għax kienu ser jitilfuha. Imbagħad kellhom jorbtu l-ġifen biċ-ċimi. Kellhom sistemi l-antenati tagħna biex il-ġifen jippruvaw isaħħuh fil-maltemp u jorbtuh kemm b’mod orizzontali u kemm b’mod vertikali, b’ċimi b’tali mod li jkun jiflaħ għad-daqqiet qawwijin tal-mewġ. San Pawl u sħabu fl-Atti tal-Appostli jkollhom tlett ijiem tassew koroh, l-ewwel tlett ijiem ta’ dan il-vjaġġ. Fl-ewwel ġurnata, minbarra li jorbtu l-ġifen biċ-ċimi, kellhom jagħmlu xi ħaġa li aħna ma nagħtux kasha, imma għalihom kienet xi ħaġa kbira. U għalina kieku nagħtu kasha hija wisq akbar. Kellhom iniżżlu l-qlugħ. X’jiġifieri tniżżel il-qlugħ? Ma baqagħlek ebda kontroll ta’ dak li qed jiġri, għax bil-qlugħ jistgħu jagħtu direzzjoni ’l hawn jew ’l hemm lil dak il-ġifen. Kellhom iniżżlu l-qlugħ fl-ewwel ġurnata.

Fit-tieni ġurnata x’kellhom jagħmlu dawn li ġew fl-art tagħna biex ħallewlna l-aktar ħaġa għażiża li għandna, lil Ġesù Kristu? L-Atti tal-Appostli jgħidulna li kellhom jarmu t-tagħbija kollha kemm hi fil-baħar. Ibqgħu ċerti li dakinhar mhux bħal-lum, biex tagħmel vjaġġ bħal dak u taqsam il-Baħar Mediterran, kien rari, ma kienx daqshekk frekwenti, bħalma ngħidu aħna hu l-vapur fi żmienna. U allura meta jkun se jitlaq ġifen minn art għall-oħra, dak li kienu jistgħu jgħabbu fuqu, b’mod speċjali munizzjon – bħalma jista’ jkun qamħ, qolol, id-diversi ħxejjex li jiġu min-naħa tal-Lvant, id-drapp – kienu jippruvaw jgħabbuh fuq ġifen wieħed. U dawn kellhom jarmu kollox. Fit-tieni jum kellhom jarmu l-ġid kollu li kien hemm fuq il-ġifen. Dan ir-riħ iżarma lil dan il-ġifen biex iwasslu fejn għandu jwasslu. Kollha kemm huma waslu qawwijin u sħaħ, imma waslu fejn kellhom jaslu mhux bil-ħila tagħhom, imma bil-ħila ta’ dak ir-riħ, bil-ħila tal-Ispirtu ta’ Alla, bil-ħila ta’ Alla li jmexxi l-istorja.

X’jiġri fit-tielet jum? Jgħidilna San Luqa li fit-tielet jum ikollhom saħansitra jarmu l-għodda tal-ġifen, l-istess affarijiet li huma essenzjali biex jivvjaġġaw. Allura l-ankri żejda li kellhom, xi arbli żejda li kien hemm għal li jista’ jkun, dak kollu li kien hemm marbut. Aħna kieku llum ngħidu: l-ispare parts tal-ġifen. San Luqa jgħidilna li kien fit-tielet jum, in-numru perfett – imma perfett fil-ħażin, fid-diżgrazzji, perfett bil-maqlub. Immaġinaw dawk kif setgħu jħossuhom u immaġinaw kif inħossuna aħna, għax dan jiġri lilna wkoll fil-ħajja tagħna. Il-Mulej bil-mod il-mod jibda jżarmana, jibda jħottna u aħna nibdew nirribellaw, daqskemm inħossuna allat. Anqas ma nħossni alla tas-sitwazzjoni, aktar naċċetta; aktar ma nħossni alla, aktar nirribella. Aktar ma nħossni li kollox jiddependi minni, aktar sejjer nirribella, anqas inkun kapaċi naċċetta s-sitwazzjoni u neħodha b’serenità; aktar ser nippanikkja, aktar ser inħossni sfortunat u ddiżgrazzjat.

San Luqa jkompli li għal erbatax-il lejl – ma jgħidx erbatax-il jum – “la rajna xemx, lanqas kwiekeb”; vjaġġ fid-dlam. Alla, kif qed iħott u jżarma lil dan il-ġifen, hekk irid iħott u jżarma lil kull wieħed u waħda minna, kif ukoll iħott u jżarma anki lill-Knisja, lill-komunità li temmen. Iħottha u jżarmaha, għax mhux bil-qawwa tal-poter, mhux bil-qawwa tal-ġid, mhux bil-qawwa tar-raġuni tagħna, dak li naħsbu aħna, imma bil-qawwa ta’ dan ir-riħ naslu sal-port tas-salvazzjoni. U jżarmana u jġibna foqra l-Mulej, kollha kemm aħna, biex ma nimxux bl-illużjoni li jagħtuna l-flus, li jagħtina mammona, li aħna fil-poter, li aħna bis-saħħa f’idejna. Meta tiġi xi marda fik, x’jiġri? Meta tinqala’ problema jew xi diffikultà, x’jiġri? Noqogħdu attenti, għax jew aħna nistgħu nirribellaw, neħduha kontra Alla, kontra tagħna nfusna, kontra xulxin, jew inkella nindunaw min tassew aħna. Aħna m’aħniex allat. Aħna sempliċiment bastiment fil-maltemp immexxi bir-riħ.

U jkompli San Pawl… u hawn tiġi s-sbuħija ta’ dan ir-rakkont. Wara l-erbatax il-lejl, jibda jisbaħ, u kif jisbaħ il-baħrin jindunaw li qegħdin joqorbu lejn l-art. Jiskandaljaw u jsibu għoxrin qama. Jerġgħu jiskandaljaw u jsibu ħmistax, u l-jum jisbaħ u jqum San Pawl bilwieqfa, u jkellem lil dawk li kienu qed jisimgħuh b’qalbhom maqtugħa fuq il-ġifen. Żgur li San Luqa qed jirrakkonta xi ħaġa li mhux bilfors ġrat preċiż kif qed jgħidilna. Immaġinaw lil San Pawl iqum u jurihom xaqq ta’ dawl f’dak id-dlam: “Isimgħuni, jien dal-lejl deherli l-anġlu tal-Mulej”. Tliet affarijiet qallu: “Int għad trid tidher quddiem Ċesri”; “Ħadd mhu ser jintilef minn fuq il-ġifen”, u “Jeħtieġ taħbtu ma’ gżira”.

Il-Kelma ta’ Alla tkellimna f’nofs ta’ lejl, fl-erbatax-il lejl mudlam tal-ħajja tagħna. Il-Kelma ta’ Alla tkellmek meta l-Mulej ikun qed iżarmak bil-mod il-mod, meta tkun qiegħed titlef il-kontroll minn fuq ħajtek, minn fuq dawk ta’ madwarek, minn fuq dak li qed jiġrilek. Kemm-il darba tiġrilna fil-ħajja, u flok niftħu widnejna għall-Kelma li tkellimna f’nofs ta’ lejl, fil-maltemp, nagħlquhom, nirribellaw għal Alla! Kemm hu messaġġ qawwi, f’nofs ta’ lejl, meta ma baqagħlhom l-ebda tama li jsalvaw! Din il-Kelma ta’ Alla li ddedikajna din is-sena pastorali kollha kemm hi għaliha, tkellmek f’nofs ta’ lejl, fil-lejl ta’ ħajtek, fil-lejl tal-komunità Nisranija, fil-lejl tal-Knisja. Il-Kelma ta’ Alla titkellem, u l-Anġlu ta’ Alla, dan il-messaġġier ta’ Alla, ikellimna fuq il-ħelsien: “Ħadd minnkom mhu ser jintilef”. Mela dan hu l-ewwel dawl billejl.

Wara li jisbaħ, San Pawl iqum bilwieqfa f’nofshom u jgħidilhom: “U issa trejqu, ejja nieklu”. U x’ikla jagħmel San Pawl fuq id-dgħajsa? Jaqbad il-ħobż, ibierku,  jaqsmu u jrodd ħajr lil Alla u jagħtihulhom. Il-verb Grieg huwa ‘ewkaristija’ – jagħtihom l-Ewkaristija, jiċċelebra l-quddiesa, proprju hu u jisbaħ, għax il-quddiesa hi d-dawl fl-iljieli tal-ħajja tagħna. L-Ewkaristija hija t-tama hemm fejn ma jibqgħalniex tama, hemm fejn inkunu qtajna qalbna għalkollox. Allura mhux biss nindunaw li l-flus ma jagħmluniex allat, imma nindunaw li l-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija huma l-ikel għall-ħajja tagħna.

Kieku kellkom terġgħu taqbdu l-Atti tal-Appostli, tindunaw li qabel ma Luqa jgħid li Pawlu qam bilwieqfa u qal li l-Anġlu tal-Mulej ġie jkellmu billejl, jgħid li kienu ilhom erbatax-il jum ma jieklu xejn, kienu ilhom ma jitrejqu b’xi ħaġa. U Pawlu jqum bilwieqfa u jrejjaqhom bil-Kelma ta’ Alla. U l-istess ħaġa qabel ma jiċċelebraw l-Ewkaristija. Kienu ilhom erbatax-il jum ma jieħdu xejn, u Pawlu jqum bilwieqfa u jgħidilhom: “Issa qumu u ħudu xi ħaġa”, u jitmagħhom il-ħobż tal-Ewkaristija. Dan hu l-ħobż ta’ dawk li qegħdin fit-triq: l-Ewkaristija. Dan huwa l-ikel ta’ dawk li qegħdin fid-dlam. Dan huwa l-ikel ta’ dawk li qegħdin fil-maltemp, ta’ dawk li qed jibżgħu li jegħrqu, ta’ dawk li qatgħu qalbhom. Imma l-flus – din hija r-realtà tagħna n-nies li qegħdin fil-maltemp, li għandna bżonn, li qegħdin negħrqu – din ir-realtà tagħna tnessihulna. Il-flus inessuna din ir-realtà prekarja tal-bniedem u jġagħluna naħsbu li aħna xi ħaġa, li aħna allat.

Jiena nixtieq nagħmel talba lil San Pawl dalgħodu u nikkonkludi biha, talba sempliċi ħafna. Nitolbu lil San Pawl mhux tant biex ineżżagħna. Il-ħajja minnha nfisha tneżżagħna bil-mod il-mod mingħajr ma nindunaw. Forsi ħafna minna għandna esperjenza ta’ anzjani li bil-mod il-mod jibdew jitilfu s-saħħa, jibdew jitilfu wkoll is-sensi, jibdew ukoll jitilfu l-menti. Kulma jmur huwa l-Ispirtu ta’ Alla li jibda jneżżgħek mingħajr ma tinduna, mhux għax hu kattiv, iżda għax din hi r-realtà tagħna. Aħna bnedmin dgħajfa, imma ngħixu bl-illużjoni li aħna xi ħaġa. Din l-illużjoni tikber aktar ma għandna ġid. Aktar ma għandek ġid, aktar mingħalik li inti xi ħaġa. Allura jien lil San Pawl nixtieq nitolbu f’isimna lkoll biex jgħinna f’dan iż-żmien li qed ngħixu, żmien ta’ ġid, mhux biex ineħħilna l-ġid, imma biex jgħallimna nittrattaw mal-ġid, biex jgħallimna li dan il-ġid huwa providenza ta’ Alla. Imma dan il-ġid huwa tagħna lkoll u l-ġid irid jinqasam bejnietna kif għamlu dawk ta’ qabilna li ma kinux Kristjani. Fl-Atti tal-Appostli naqraw li “tawhom kulma kienu jeħtieġu”, kemm kif waslu u kemm qabel ma telqu. Aħseb u ara aħna llum li ninsabu f’sitwazzjoni ekonomika, kulturali u soċjali forsi ħafna aħjar minn dawk ta’ qabilna; imma ninsabu f’sitwazzjoni umana u spiritwali forsi aktar fqira minn dawk ta’ qabilna.

Nitolbuh lil San Pawl dalgħodu f’din l-Ewkaristija biex jgħinna nagħrfu li l-flus huma mezz mhux skop, biex jgħinna niddiżassoċjaw ruħna mill-kwantità tal-flus li għandna. Ma nqisux lilna importanti jew anqas importanti skont kemm għandna jew ma għandniex. Anzi, aktar ma għandna aktar għandna nroddu ħajr lil Alla għax hu l-għajn tal-ġid tagħna, u aktar għandna biex nagħmlu karità, biex inkunu ġenerużi mal-oħrajn, ma’ dawk li ma għandhomx.

Nafu x’qed jiġri madwarna, x’qed jiġri fl-Ukrajna. Intom għamiltu xi ħaġa sabiħa tassew, għamiltu dawn il-kutri flimkien ma’ flus u ġid ieħor li qegħdin jibagħtu. Aħna dawn il-ġranet ħassejniena mhedda minn dan it-temp ta’ ksieħ u ta’ xita. Immaġinaw x’qed jiġri t-Turkija u s-Sirja bħalissa! Il-moħħ tagħna mhux kapaċi jaħseb dak li jgħaddu minnu dawk in-nies, għax naqgħu fi kriżi kollha kemm aħna. Ma nibqgħux hawn, kieku noqogħdu nirriflettu tassew x’inhu jiġri hemmhekk. Ejjew nitolbu lill-Mulej biex inroddu ħajr tal-ġid li tana u naqsmuh ma’ ħutna fil-bżonn.

Leave a Reply

%d bloggers like this: