VJAĠĠ APOSTOLIKU FI SPANJA
QUDDIESA GĦALL-MEJTIN FIĊ-ĊIMITERJU TA’ ALMUDENA
KLIEM TA’ ĠWANNI PAWLU II
Madrid, 2 ta’ Novembru 1982
Qegħdin nitħejjew biex niċċelebra l-Ewkaristija f’dan il-post sagru, fejn jinsabu midfuna l-fdalijiet mortali tal-mejtin tagħkom, għeżież ħuti ta’ Madrid. Hawn jistrieħu persuni li kellhom sinifikat deċiżiv fl-eżistenza tagħkom. Ħafna minnkom, jistà jkun, li għandhom qraba tassew qrib, jistà jkun l-istess ġenituri li mingħandhom irċivew il-ħajja. Huma jiġu f’dan il-waqt fil-memorja ta’ kull wieħed u waħda, billi mill-imgħoddi joħorġu, bħal animati minn xewqa li ikomplu djalogu li l-mewt kienet interrompiet ħesrem. Hekk f’dan iċ-ċimiterju “Almudena” – hekk bħalma seħħ illum, Jum il-Mejtin, fiċ-ċimiterji nsara l-oħra ta’ kull parti tad-dinja – tikkostitwixxi ruħha assemblea ta’ min jammiraha, li fiha l-ħajjin jiltaqgħu mal-mejtin tagħhom, u magħhom isaħħu l-irbit ta’ komunjoni li l-mewt ma kellhiex il-ħila tinterrompi.
Komunjoni reali, mhux illużorja. Iggarantita minn Kristu li ried jgħix f’laħmu l-esperjenza ta’ mewtna, biex jittrijonfa fuqha – b’vantaġġ tagħna lkoll – bil ġrajja tal-għaġeb tal-Qawmien mill-imwiet. “Għaliex qegħdin tfittxu fost il-mejtin lil dak li hu ħaj? Mhuwiex hawn, irxoxta” (Lq 24, 5-6). Il-bxara tal-Anġli ipproklamatha f’dik l-għodwa tal-Għid qrib il-qabar vojt, waslet tul is-sekli għandna. Din il-bxara tipproponhielna, ukoll f’din l-assemblea liturġika il-mottiv essenzjali tat-tama tagħna, Fil-fatt “jekk mitna ma’ Kristu – ifakkarna San Pawl, billi jalludi għal dak li seħħ fil-magħmudija – aħna nemmnu li se ngħixu miegħu” (Rm 6, 8).
Imsaħħin f’din iċ-ċertezza, ejjew ngħollu għajnejna lejn is-sema – ukoll bejn l-oqbra ta’ ċimiterju – il-kantiku ferrieħ tal-Alleluia, li huwa l-kantiku tar-rebħa. Il-mejtin tagħna “jgħixu ma’ Kristu”, wara li ġew midfuna miegħu fil-mewt (cf. Rm 6, 4). Għalihom iż-żmien tal-prova ntemm, billi ċeda l-post liż-żmien tar-rikompensa. Għal dan – minkejja l-velu ta’ dieqa mqanqal min-nostalġija tal-preżenza viżibbli tagħhom – ejjew nifirħu bl-għarfien li huma diġa laħqu s-serenità ta’ “pajjiżna”.
Madankollu, billi huma wkoll kienu parteċipi tad-dgħufija propja ta’ kull esseri uman, inħossu d-dmir – li huwa fl-istess ħin bżonn tal-qalb – li noffru lilhom l-għajnuna ta’ mħabba tat-talb tagħna, sabiex kwalunkwè fdal ta’ dgħufija umana, li għadha tistà tittardja il-laqgħa tagħhom ma’ Alla, tiġi mħassra b’mod definittiv. B’din l-intenzjoni ejjew inħejju ruħna biex niċċelebraw l-Ewkaristija għall-mejtin kollha li qegħdin jistrieħu f’dan iċ-ċimiterju, waqt li ninkludu f’dan is-suffraġju wkoll lill-mejtin taċ-ċimiterji ta’ Madrid u ta’ Spanja kollha, kif ukoll dawk tan-Nazzjonijiet kollha tad-dinja.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb