Ġwanni Pawlu II lill-ġenituri u miżżewġin, f’Madrid

Print Friendly, PDF & Email

VJAĠĠ APOSTOLIKU FI SPANJA
QUDDIESA GĦALL-FAMILJI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Madrid, 2 ta’ Novembru 1982

Għeżież ħuti,
miżżewġin u ġenituri.

1. Ippermettu li, waqt li ssegwu l-Kelma ta’ Alla ipproklamata fil-liturġija tallum, tiftakru l-waqt li fih, bis-sagrament tal-Knisja, sirtu miżżewġin quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

F’waqt hekk important, il-Knisja stiednet u sejħet sollennement fuq kollox l-Ispirtu Santu sabiex jibqà magħkom, skont il-wegħda li l-Appostli rċivew mingħand Kristu: “Il-Konsulatur, l-Ispirtu Santu li l-Missier se jibgħat f’ismi, huwa jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak li jiena għidtilkom” (Ġw 14, 26).

Huwa jġib miegħu l-imħabba u l-paċi u minħabba dan Kristu jgħid: “Inħallilkom il-paċi, nagħtikom il-paċi tiegħi. Mhux kif ittiha d-dinja jiena nagħtihielkom” (Ġw 14, 27).

Huwa, l-Ispirtu Santu, huwa l-Ispirtu ta’ qawwa u għal dan l-istess mottiv Kristu jgħid: “La tħawdux qalbkom u la tibżgħux” (Ġw 14, 27).

Hekk mela intom sirtu miżżewġin permezz tat-talb lill-Ispirtu Santu, jew bis-saħħa tas-sagrament tal-Knisja, u f’dan is-sagrament tibqgħu għal-jiem, għall-ġimgħat, għas-snin ta’ ħajjitkom. F’dan is-sagrament, ladarba miżżewġin, issiru ġenituri u twaqqfu l-komunità fundamentali, umana u nisranija, magħmula minn ġenituri u wlied, komunità ta’ mħabba. Illum indur qabel kollox fuqkom, irrid nitlob magħkom u wkoll imberikkom, billi inġedded il-grazzja li fiha tieħdu sehem permezz tas-sagrament taż-Żwieġ.

2. Qabel ma ħalla viżibilment din id-dinja, Kristu wiegħed u għamel id-don tal-Ispirtu tiegħu, sabiex ma ninsewx kliemu. Konna afdati lill-Ispirtu sabiex il-kliem tal-Mulej rigward iż-żwieġ jibqà għal dejjem fil-qalb ta’ kull raġel u ta kull mara magħqudin fiż-żwieġ.

Illum iktar minn qatt qabel hija meħtieġa din il-preżenza tal-Ispirtu: preżenza li tkompli tikkorrabora bejnietkom is-sens tradizzjonali tal-familja u ġġegħlkom tisperimentaw feliċement, fl-iktar profond tal-esseri tagħkom, l-impuls kostanti biex torjentaw iż-żwieġ u l-istess familja skont il-kliem u d-don ta’ Kristu.

Illum iktar minn qatt qabel jirrendi ruħu wkoll meħtieġ dan l-impuls intern tal-Ispirtu. Għaliex bih, intom, miżżewġin insara, ukoll jekk tgħixu f’ambjenti fejn id-drawwiet tal-ħajja nisranija mhumiex miżmuma fil-konsiderazzjoni li tixirqilhom, jew ma tkunux tistgħu ssibu l-eku dovut tal-ħajja soċjali jew fil-mezzi ta’ komunikazzjoni iktar aċċessibbli għall-fuklar domestiku, tkunu kapaċi li twettqu l-proġett nisrani tal-ħajja familjari. Waqt li tirreżistu u tissuperaw bid-dinamiżmu tal-fidi kull pressjoni kuntrarja li tistà tippreżenta ruħha. Waqt li tagħrfu tiddixxernaw bejn it-tajjeb u l-ħażin: billi ma tonqsux mill-ubbidjenza dovuta lill-preċetti tal-Mulej ftakru kontinwament dwar l-Ispirtu permezz tal-Maġisteru tal-Knisja.

Waqt li nitkellmu dwar iż-żwieġ, Ġesù Sidna għamel riferenza “Għal bidu” jiġifieri għall-proġett oriġinali ta’ Alla, għall-verità taż-żwieġ (cf. Mt 19, 8).

Skont dan il-proġett, iż-żwieġ huwa komunjoni ta’ mħabba li ma tinħallx. “Din l-għaqda ntima, minħabba li hi donazzjoni mutwa ta’ żewġ persuni, kif ukoll il-ġid tat-tfal, jesiġu l-fedeltà sħiħa taż-żewġ miżżewġin u dawn jitolbu l-għaqda li ma tinħallx” (Gaudium et Spes, 48). Għal dan kwalunkwè attakk għall-indissolubiltà konjugali huwa kuntrarju kemm għall-proġett oriġinali ta’ Alla, kif ukoll għad-dinjità u għall-verità tal-imħabba konjugali. Wieħed jifhem, mela, li l-Mulej, waqt li pproklama norma valida għal kulħadd, għallem li mhux leċtu għall-bniedem li jissepara dak li Alla għaqqad (cf. Mt 19, 6).

Fiduċjużi kif intom fl-Ispirtu, li jfakkarkom kontinwament dak li Kristu qalilkom, intom, miżżewġin nsara, intom imsejħa biex tagħtu xhieda ta’ dan il-kliem tal-Mulej: “Ma jifridx il-bniedem dak li Alla għaqqad”.

Intom imsejħa biex tgħixu quddiem l-oħrajn il-milja interna tal-għaqda fidila u perseveranti tagħkom, ukoll quddiem regoli legali li jistgħu jmorru f’direzzjoni oħra. Hekk tikkontribwixxu għall-ġid tal-istituzzjoni familjari; u tagħtu prova – kuntrarjament għal dak li wieħed jistà jaħseb – li r-raġel u l-mara għandhom il-ħila li jingħataw lil xulxin għal dejjem; mingħajr li l-kunċett ta’ libertà jimpedixxi d-donazzjoni voluntarja u permanenti. Għal dan intennilkom dak li diġa għidt fl-eżortazzjoni apostolika Familiaris Consortio: “Li tixhed il-valur inestimabbli tal-indissolubiltà u tal-fedeltà matrimonjali huwa wieħed mid-doveri l-iktar prezzjużi u urġenti tal-koppji nsara ta’ żminijietna” (Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, 20).

Barra minn dan, skont il-pjan ta’ Alla, iż-żwieġ huwa komunità ta’ mħabba indissulibbli ordnatha għall-ħajja bħala kontinwazzjoni u tkomplija tal-istess miżżewġin. Teżisti relazzjoni inseparabbli bejn l-imħabba konjugali u t-trżmissjoni tal-ħajja, bis-saħħa ta’ liema, kif għallem Pawlu VI: “Kull att konjugali għandu jibqà miftuħ għat-trażmissjoni tal-ħajja” (Pawlu VI, Humanae Vitae, 11).

Iżda – kif ktibt fl-eżortazzjoni apostolika Familiaris Consortio – “għal-lingwaġġ nattiv li jesprimi d-donazzjoni totali reċiproka tal-miżżewġin, il-kontraċezzjoni toffri lingwaġġ oggettivament kuntrarju, jiġifieri, dak li ma jingħatawx lil xulxin kompletament: dan jirriżulta mhux biss fir-rifjut tal-ftuħ għall-ħajja, imma wkoll fil-falsifikazzjoni tal-verità nterna tal-imħabba konjugali” (Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, 32).

Imma hemm aspett ieħor, ferm iktar gravi u fundamentali, li jirreferi għall-imħabba konjugali bħala sors tal-ħajja: qiegħed nitkellem dwar ir-rispett assolut għall-ħajja umana, li ebda persuna jew istituzzjoni, privata jew pubblika, ma tistà tinjora. Għal dan, min jiċħad id-difiża għall-persuna umana diġa kkonċeputa ukoll jekk għadha ma twelditx, jikkommetti vjolazzjoni gravissma tal-ordni morali. Qatt dak li jkun ma jistà jilleġittma l-mewt ta’ innoċenti. Jirriżulta imminat l-istess sies tas-soċjetà.

X’sens ikollu li titkellem dwar id-dinjità tal-bniedem, dwar id-drittijiet fundamentali tiegħu, jekk dak li jkun ma jipproteġix innoċenti, jew jekk jasal saħansitra li jfornixxi mezzi u servizzi, privati jew pubbliċi, biex jeqred ħajjiet umani indifiżi? Għeżież miżżewġin! Kristu afdakom lill-Ispirtu tiegħu sabiex ma tinsewx kliemu. F’dan is-sens kliemu huwa serju tassew: “Gwaj għal dak li jiskandalizza wieħed minn dawn iċ-ċkejknin . . . l-anġli tagħhom fis-sema jikkuntemplaw dejjem wiċċ il-Missier”. Huwa jrid li jkun magħruf, għall-ewwel darba, minn tarbija li kienet għadha tgħix fil-ġuf t’ommha, tarbija li ferħet u qabżet bil-ferħ għall-preżenza tiegħu.

3. Imma s-servizz tagħkom għall-ħajja ma jillimitax ruħu għat-trażmissjoni tagħha fiżika. Intom l-ewwel edukaturi ta’ wliedkom. Bħalma għallem il-Konċilju Vatikan II, “il-ġenituri la darba ttrażmettew il-ħajja lil uliedhom, għandhom l-obbligu gravissmu li jedukawhom: jiġu għalhekk meqjusa bħala l-edukaturi ewlenin u prinċipali tagħhom. Din il-funzjoni edukattiva tagħhom hija tant important li, jekk ma tkunx hemm, duffiċilment li tiġi mogħtija” (Gravissimum Educationis, 3).

Billi dan id-dover fundamentali msejjes fuq il-vokazzjoni primarja tal-miżżewġin biex jikkoperaw fl-opra ħallieqa ta’ Alla, imiss lilhom id-dritt li jedukaw lil uliedhom. Meta nqisu l-oriġini tiegħu, dan hu dover-dritt primarju fil-konfront tad-dmir edukattiv ta’ oħrajn, insostitwibbli u inaljenabbli, li jiġifieri ma jistax jiġi delegat għal kollox lil oħrajn linqas li oħrajn jistgħu jaħtfuh f’idejhom.

Mhemmx dubju li, fil-qasam tal-edukazzjoni, lill-awtorità pubblika jmissha drittijiet u dmirijiet, ladarba din trid isservi il-ġid komuni. Madankollu ma tistax tissostitwixxi lill-ġenituri, għaliiex il-missjoni tagħha hija dik li tgħinhom, sabiex ikunu jistgħu iwettqu d-dritt-dmir tagħhom li jedukaw lil uliedhom bi qbil mal-konvinzjonijiet morali u reliġjużi.

L-awtorità pubblika għandha f’dan il-qasam rwol sussidjarju u ma tirrinunzjax għad-drittijiet tagħha meta tqis ruħha għas-servizz tal-ġenituri; bil-maqlub, huwa dan il-kobor tagħha: tiddefendi u tippromwovi l-eżerċizzju ħieles tad-drittijiet tal-edukazzjoni. Minħabba dan il-Kostituzzjoni tagħkom tistabilixxi li “il-poteri pubbliċi jiggarantixxu d-dritt tal-ġenituri biex uliedhom jirċievu l-formazzjoni reliġjuża u morali li taqbel mal-konvinzjonijiet tagħhom” (cf. Art. 27, 3).

F’kelma waħda, id-dritt tal-ġenituri għall-edukazzjoni reliġjuża ta’ wliedhom għandu jkun partikolarment garantit. Fil-fatt, minn banda l-edukazzjoni reliġjuża hija t-twettiq u s-sies ta’ kull edukazzjoni li għandha bħala oġġett – kif tgħid ukoll il-Kostituzzjoni tagħkom – “l-iżvilupp sħiħ tal-personalità umana” (Ivi. 2). Minn banda oħra, id-dritt għal-libertà reliġjuża jisfa fil-parti l-kbir ma jiswa xejn, kemm-il darba l-ġenituri ma jkollhomx il-garanzija li wliedhom, tkun xi tkun l-iskola li jiffrekwentaw, ukoll l-iskola pubblika, jirċievu t-tagħlim u l-edukazzjoni reliġjuża

4. Għeżież ħuti, maħbubin miżżewġin u ġenituri. Fakkart diversi punti essenzjali tal-proġett ta’ Alla dwar iż-żwieġ, bl-iskop li nħaffilkom s-smigħ ta’ qalbkom tal-kliem dirett lilkom minn Kristu u li l-Ispirtu jfakkarkom kontinwament.

“Il-liġi ta’ Alla hija perfetta, isserraħ ir-ruħ . . .  / tirrendi għaqli lis-sempliċi. / Il-preċetti tal-Mulej huma ġusti”. Il-liġi tal-Mulej li għandha tmexxi l-ħajja konjugali u familjari tagħkom, hija l-unika mixja tal-ħajja u tal-paċi. Hija l-iskola tal-veru għerf: “Dak li josservaha jagħmel ħafna frott”. Bdanakollu mhuwiex biżżejjed li nagħrfu kemm ġusta hija l-liġi li fuqha għandu jinbena ż-żwieġ u l-familja. Min ma jarax deskritta l-esperjenza ta’ kuljum tiegħu, meta jismà jgħid lil San Pawl: “Skont il-bniedem ta’ ġewwa togħġobni l-liġi ta’ Alla; iżda nilmaħ fil-membri ta’ ġismi, liġi oħra titqabad kontra l-liġi ta’ moħħi” (Rm 7, 22-23).

Hija meħtieġa konverżjoni tal-qalb kostanti, ftuħ kostanti tal-ispirtu uman, sabiex il-ħajja kollha tidentifika ruħha mas-sigriet tal-awtorità tal-liġi. Għal dan, fil-liturġija tallum, smajna minn xuftejn il-Profeta Eżekjiel dan il-kliem: “Nagħtik qalb ġdida, inqiegħed ġo fik spirtu ġdid, inwarrab minnek il-qalb tal-ġebel u nagħtik qalb tal-laħam. Inqiegħed fik l-ispirtu tiegħi u ngħixek skont il-preċetti tiegħi u nġibek tosserva u tqiegħed fil-prattika l-liġijiet kollha tiegħi” ( 36, 26-27).

L-Ispirtu jikteb fi qlubkom il-liġi ta’ Alla dwar iż-żwieġ. Mhijiex miktuba biss fuq barra: fl-Iskrittura Mqaddsa, fid-dokumenti tat-Tradizzjoni u tal-Maġisteru tal-Knisja. Hija miktuba wkoll ġewwa fikom. Dan huwa Patt Ġdid u Etern, li dwaru jitkellem il-Profeta, li jissostitwixxi l-Qadim u jerġà lura għall-isplendur ewlieni tal-patt oriġinali mal-Għerf ħallieq, inerenti fl-umanità ta’ kull raġel u ta’ kull mara. Dan huwa l-patt fl-Ispirtu, li għalih jirreferi San Tumas meta jgħid: “il-liġi l-Ġdida hija l-grazzja stess tal-Ispirtu Santu” (cf. S. Tommaso, Summa Teologiae, I-IIae, q. 108, a. 1).

Il-ħajja tal-miżżewġin, il-vokazzjoni tal-ġenituri tesiġi koperazzjoni perseveranti u permanenti mal-grazzja tal-Ispirtu li ingħatat fikom permezz tas- sagrament taż-Żwieġ; sabiex din il-grazzja tkun tistà tiffjorixxi fil-qalb u fl-opri; sabiex tkun tistà tagħti frott b’mod kontinwu, u mhux tintefa minħabba l-viltà, l-infedeltà u l-indifferenza tagħna.

Fil-Knisja Spanjola huma bla numru l-Movimenti ta’ spiritwalità familjari. Dmirhom huwa eżattament dak li jgħinu lill-membri tagħhom biex ikunu fidili għall-grazzja tas-sagrament taż-Żwieġ, biex iwettqu l-komunità konjugali tagħhom u jiffamiljaw skont il-proġett ta’ Alla, mgħasses fil-liġi tiegħu, miktuba mill-Ispirtu fil-qlub tal-miżżewġin. Dan il-għan propju għandu jikkombina f’kull waqt mad-dmir iktar wiesà ta’ kollaborazzjoni biex jirrendi reali u operanti l-komunjoni ekkleżjali; f’dan is-sens huwa meħtieġ li kull impenn ta’ apostolat ikun jaf jassimila ruħu u jqiegħed fil-prattika l-kriterji pastorali maħruġa mill-Knisja, li għalihom kull operatur tal-pastorali għandu jkun fidil.

5. Meta l-miżżewġin jimxu fil-verità tal-proġett ta’ Alla dwar iż-żwieġ, jiksbu l-għaqda tal-ispirti, il-komunjoni fil-karità, li dwarha jitkellem San Pawl lill-insara ta’ Filippi.

Issa se nagħmel tiegħi il-kliem tal-Appostlu: “La tagħmlu xejn bi spirtu ta’ rivalità jew ta’ vanaglorja, imma kull wieħed minnkom, bl-umiltà kollha, għandu jqis lill-oħrajn superjuri għalih Kull wieħed minnkom m’għandux ifittex l-interessi tiegħu, imma dawk ukoll tal-oħrajn” (Fil 2, 3-4).

Iva, ir-raġel m’għandux ifittex l-interessi tiegħu biss, imma wkoll dawk ta’ martu, u hi dawk ta’ żewġha; il-ġenituri jfittxu l-interessi tal-ulied u dawn min-naħa tagħhom ifittxu l-interessi tal-ġenituri. Il-familja hija l-unika komunità li fiha kull bniedem huwa “maħbub fih innifsu”, għal dak li hu u mhux għal dak li għandu. In-norma fundamentali tal-imġieba konjugali mhix dik tal-utilità propja u tal-pjaċir propju. L-ieħor mhuwiex maħbub għall-utilità jew il-pjaċir li jista joffri: huwa maħbub fih innifsu u għalih nnifsu. In-norma fundamentali mela hija n-norma personalistika; kull persuna (il-persuna tar-raġel, tal-mara, tal-ulied, tal-ġenituri) hija stabbilita sewwa fid-dinjità tagħha, għaliex hija tali, hija maħbuba għaliha nfisha.

Ir-rispett ta’ din in-norma fundamentali jispjega, bħalma jgħallem l-Appostlu nagħtu ħajja lil din l-imħabba bit-tiftix  konsideranti ta’ tali ġid, li xejn ma għandu jsir bi spirtu ta’ rivalità jew għall-vanaglorja, imma b’umiltà, għall-imħabba. U din l-imħabba, li tinfetaħ għall-oħrajn, tagħmel, iva li l-membri tal-familja jkunu qaddejja awtentiċi tal-Knisja “domestika”, fejn kulħadd jixtieq il-ġid u l-feliċità ta’ kull wieħed u waħda; fejn kulħadd u kull wieħed u waħda jagħtu ħajja lil din l-imħabba b’tiftix konsideranti ta’ tali ġid u ta’ tali feliċità.

6. Ifhmu għaliex il-Knisja tħares, bħallikieku lejn għalqa li trid tinħadem bl-impenn kollu possibbli, lejn l-istituzzjoni taż-żwieġ u tal-familja. Kemm hija kbira “l-verità” tal-vokazzjoni u tal-ħajja matrimonjali u familjari, skont il-kliem ta’ Kristu u skont il-mudell tal-Familja Mqaddsa! Ejjew inkunu fidili għal din il-kelma u għal dan il-mudell!  Wieħed jesprimi fl-istess ħin l-imħabba vera ta’ Kristu, l-imħabba li dwarha huwa jitkellem fil-Vanġelu tallum: “Jekk wieħed iħobbni josserva kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġi għandu u nagħmlu l-għamara tagħna għandu . . . il-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni” (Ġw 14, 23-24).

Din l-imħabba lejn Alla, li tiġi mill-familja, għandha tkompli iktar ‘il hemm mill-mewt. Illum, jum iddedikat lit-tifkira tal-Mejtin, aħna niftakru fil-membri tal-familji tagħna li ħallewna: ġenituri, miżżewġin, ulied, aħwa . . . Jalla huma jgħinu biex imorru lejn il-Missier, l-iltiema, ir-romol u dawk kollha li jibku n-nuqqas ta’ persuni għeżież tal-familji tagħhom.

Għeżież ħuti, irġiel u nisa miżżewġa, missirijiet u ommijiet, familji tan-nobbli Spanja, tan-Nazzjon u tal-Knisja, Żommu f’ħajjitkom t-tagħlim tal-Missier li pproklama lill-Iben; it-tagħlim li l-Iben ikkonferma b’salibu u bil-Qawmien mill-imwiet tiegħu. Żommu dan it-tagħlim sagru bil-qawwa tal-Ispirtu Santu li ngħatalkom fis-sagrament taż-Żwieġ.

Il-Missier li ġie għandkom fl-Ispirtu, jgħammar fil-familji tagħkom permezz ta’ dan is-sagrament, flimkien ma’ Kristu Ibnu Etern. Permezz ta’ dawn il-familji Spanjoli, tkompli tipprogredixxi l-kawża divina l-kbira tas-salvazzjoni tal-bniedem fuq l-art. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading