Il-Ħadd, il-Papa Franġisku ħareġ appell lill-mexxejja politiċi fin-Nikaragwa biex jiftħu qalbhom għat-tfittxija sinċiera għall-paċi u jidħlu fi djalogu. Dan l-appell ħareġ wara li l-aħbarijiet irrappurtaw dwar is-sentenza ta’ priġunerija tal-Isqof ta’ Matagalpa, Rolando Alvarez, u t-tkeċċija ta’ 222 persuna li nżammu għal raġunijiet politiċi. Dawn jinkludu diversi saċerdoti u seminaristi akkużati li kkonfoffaw kontra l-gvern.
Waqt li esprima dieqa kbira għall-aħbar min-Nikaragwa, l-Papa qal li hu mħasseb dwar l-Isqof Alvarez, “li tant inħobb”, u li ġie kkundannat 26 sena ħabs. Il-Qdusija Tiegħu qal li qed jitlob għalih, u għal dawk li ġew deportati lejn l-Istati Uniti, u għal dawk kollha li qed ibatu fin-nazzjon maħbub tan-Nikaragwa. Huwa stieden lill-poplu ta’ Alla biex jingħaqdu miegħu fit-talb u jitolbu bl-interċessjoni tal-Verġni Marija Immakulata.
“Jalla tiftaħ il-qlub tal-mexxejja politiċi u taċ-ċittadini kollha għat-tfittxija sinċiera għall-paċi, li titwieled mill-verità, mill-ġustizzja, mill-libertà u mill-imħabba, u li tinkiseb permezz tal-eżerċizzju paċenzjuż tad-djalogu.”
Imbagħad il-Papa Franġisku mexxa lill-fidili fir-reċita tal-Ave Maria.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-02/pope-francis-appeal-angelus-nicaragua-bishop-alvarez-politicians.html