Il-korresponsabiltà tal-lajċi fil-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Konferenza Internazzjonali fil-Vatikan

Id-Dikasteru għall-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, organizza konferenza internazzjonali bit-tema: ir-Rgħajja u l-fidili lajċi għandhom sejħa biex jimxu ‘l quddiem flimkien”, biex tistudja kif tista’ tinkoraġġixxi aktar “il-kollaborazzjoni pożittiva” bejn il-kleru u l-lajċi għal sinodalità akbar fil-Knisja.

Ara wkoll diskors t al-Papa Franġisku fi tmkiem il-konferenza …

Bejn is-16 u t-18 ta’ Frar, 210 presidenti u rappreżentanti tal-Kummissjnijiet Episkopali għal-Lajċi minn madwar id-dinja kollha kienu miġburin fis-Sala l-Ġdida tas-Sinodu, fil-Vatikan, għal konferenza ta’ tlett ijiem li ddiskutiet kif il-kollaborazzjoni bejn il-lajċi, is-saċerdoti u l-persuni konsagrati għas-servizz tal-Knisja tista’ titjieb u tissaħħaħ.

Id-diskussjoni kienet opportunità fejn il-parteċipanti eżaminaw in-natura u s-sisien tal-korresponsabbiltà fil-Knisja, fil-qafas ukoll tal-proċess sinodali li għaddej bħalissa.

Fil-kummenti li bihom introduċa l-ħidma, il-Prefett tad-Dikasteru, il-Kardinal Kevin Farrell, fakkar li l-oriġini u l-għan tal-konferenza nibtu waqt l-Assemblea Plenarja f’Novembru, 2019, u saħaq dwar il-ħtieġa  li jsir aktar studju dwar ir-rwol tar-responsabbiltà li għandha kull persuna mgħammda fil-Knisja.

Hu spjega li waqt l-Assemblea nħasset sejħa mġedda mill-Mulej biex “inkomplu mexjin ‘il quddiem flimkien”  bir-reponsabbiltajiet li għandna biex inservu l-komunità nisranija, u biex inxandru l-Evanġelju lill-bnedmin ta’ żmienna, kull wieħed u waħda minna skont il-vokazzjoni individwali tiegħu/tagħha.

Għalhekk, it-tema magħżula għall-konferenza kienet timmira li tqajjem kuxjenza kemm fost ir-rgħajja u wkoll fost il-lajċi, dwar “xi tfisser ir-responsabbiltà li tiġi mill-Magħmudija li tgħaqqadhom ilkoll flimken, sabiex tinkoraġġixxi “il-kollaborazzjoni pożittiva” bejn il-kleru u l-lajċi, kif kien talab li jsir il-Papa Franġisku waqt l-Assemblea.

“Il-membri kollha tal-Poplu t’Alla, rgħajja u fidili lajċi flimkien, għandhom responsabbiltà sħiħa għall-ħajja, il-missjoni, il-kura, it-tmexxija u t-tkabbir tal-Poplu t’Alla.  Hemm ħtieġa li mmorru lil hinn mill-metodu “tad-delegazzjoni” jew dak “tas-sostituzzjoni”, fejn il-lajċi jirċievu ‘delega’ mingħand ir-rgħajja għal xi servizz ta’ kultant, inkella li ‘l-lajċi ‘jissostitwixxu’ l-kjeriċi f’xi attivitajiet, imma b’dankollu jkunu qed jaħdmu f’iżolament”

Biex ir-responsabbiltà li għandhom flimkien “titqiegħed fis-seħħ kif imiss”, il-Kardinal Farrell saħaq dwar l-importanza ta’ taħriġ adattat kemm għar-rgħajja kif ukoll għal-lajċi li mhumiex imdorrijin jaħdmu spalla ma’ spalla.

Il-Kardinal Farrell kompla jinnota li t-tema magħżula għall-konferenza taqbel ħafna mal-mixja sinodali li qed issejjaħ għal impenn akbar mill-Knisja kollha biex “nimxu ‘l quddiem” bis-sehem tal-Poplu t’Alla kollu, ħalli b’hekk kulħadd ikun “qaddej” attiv tal-komunità ekkleżjali kollha.

“Kulħadd fil-Knisja għandu jkun ‘qaddej’ attiv: ilkoll għandna sejħa biex il-kontribut oriġinali u l-missjoni tal-Knisja nerġgħu ntuhom il-ħajja u kulħadd imsejjaħ biex jaħseb b’mod personali u juża l-kariżmi rispettivi tiegħu/tagħha”.

Skont il-Prefett tad-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, il-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II ‘Lumen Gentium’ tagħti xi suġġerimenti importanti ħafna lir-rgħajja dwar kif jinvolu u jirrelataw mal-fidili lajċi.

L-ewwel tgħid li jeħtieġ li l-lajċi jkunu konsultati, u li dan “xejn ma jnaqqas mir-responsabbiltà personali tal-isqof dwar id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu, għax “id-deċiżjonijiet huma responsabbiltà ministerjali”.

Lumen Gentium tistieden ukoll lir-rgħajja biex lill-lajċi jafdawlhom inkarigi ekkelżjali li min-natra tagħhom mhux neċessarju li jokkupahom il-kleru u li fil-fatt il-lajċi jkunu jistgħu jaqduhom aħjar.  Rigward dan, il-Kardinal Farrell innota li hemm ħafna oqsma li fihom il-lajċi spiss huma aktar kompetenti mis-saċerdoti u l-persuni konsagrati, bħalma huma l-oqsma tal-amministrazzjoni ekonomika u finanzjarja; il-liġi ċivili u l-liġi kanonika wkoll, id-djalogu bejn ix-xjenza u l-fidi u l-komunikazzjonijiet soċjali.

Il-preżenza u l-azzjoni tal-fidili lajċi, żied jgħid, “hi ta’ profitt kbir għall-Knisja f’attivitajiet ta’ natura aktar ‘ekkleżjali’ bħalma huma l-evanġelizzazzjoni u l-ħidma tal-karità.

Il-Kardinal Farrell temm billi insista li r-rgħajja għandu jkollhom aktar fiduċja “fid-dixxerniment u l-fedeltà tal-lajċi lejn l-Evanġelju ta’ Kristu u l-Knisja Tiegħu”.

Fil-konferenza kien hemm erba’ kelliema ewlenin: Luis Navarro, rettur tal-Università Pontifiċja tas-Salib Imqaddes; Carmen Peña García mill-fakultà tal-Liġi Kanonika mill-Università Pontifiċja Comillas ta’ Madrid, it-tnejn konsulturi tad-Dikasteru; Hosffman Ospino, mill-Iskola tat-Teoloġija u l-Ministeru ta’ Boston College u l-Kardinal Gérald Ciprien Lacroix, arċisqof ta’ Québec u wkoll membru tad-Dikasteru.

Il-parteċipanti kienu jinkludu 107 lajċi, 36 saċerdoti u 67 isqof li jirrappreżentaw 74 konferenza episkopali u 29 movimenti ekkleżjali.  Id-delgati kienu mill-ħames kontinenti u kienu jinkludu 20 pajjiż afrikani u 24 pajjiż ewropew.

Minn Rapport minn Lisa Zengarini u miġjub għall-Malti mill-Ingliż minn Joe Huber

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading