VJAĠĠ APOSTOLIKU FI SPANJA
ĊELEBRAZZJONI TAL-KELMA AD UNUR TA’ SAN ĠWANN TAS-SALIB
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Segovia, 4 ta’ Novembru 1982
1. “Mill-kobor u s-sbuħija tal-krejaturi b’xebħ parzjali wieħed jagħraf l-awtur tagħhom . . . jekk jintlaqtu mill-qawwa u l-attività tagħhom, minn dan jaħsbu kemm huwa potenti minn iffurmahom . . .; jekk, jistagħġbu minħabba sbuħithom . . . jaħsbu kemm huwa superjuri l-Mulej tagħhom, għaliex ħalaqhom l-istess awtur tas-sbuħija” (Għerf 13, 5.4.3).
Xandarna dan il-kliem mill-ktieb tal-Għerf, għeżież ħuti, waqt din iċ-ċelebrazzjoni ad unur ta’ San Ġwann tas-Salib, maġemb qabru. Il-ktieb tal-Għerf ikellimna dwar l-għarfien ta’ Alla permezz tal-krejaturi tiegħu; dwar l-għarfien tal-ġid viżibbli li jirrivela lil Dak li wettqu; dwar l-aħbar li twassal sal-Ħallieq billi nitilqu mill-opri tiegħu.
Nistgħu b’wiċċna minn quddiem inqegħdu dan il-kliem fuq xuftejn Ġwanni tas-Salib u nifhmu s-sens profond li lilu ried jagħti l-awtur sagru. Huwa kliem ta’ għaref u ta’ poeta li għaraf, ħabb u kanta s-sbuhija tal-opri ta’ Alla; imma speċjalment, kliem ta’ tejologu u ta’ mistiku li għaraf l-Awtur tiegħu; u li jislet b’radikalità nkredibbli mis-sors tat-tieba u tas-sbuħija, mnikket minħabba l-ispettaklu tad-dnub li jfarrak l-ekwilibriju oriġinali, idardar ir-raġuni, jipparalizza r-rieda, itellef il-kontemplazzjoni u l-imħabba lejn l-Awtur tal-ħolqien.
2. Nizzi ħajr lill-Providenza li ppermettitli li niġi nqim ir-relikwi u nfakkar il-figura u d-duttrina ta’ San Ġwann tas-Salib, li lilu naf tant għall-formazzjoni spiritwali tiegħi. Tgħallimt nagħrfu sa minn żgħożiti u dħalt fi djalogu intimu ma’ dan is-surmast tal-fidi, bil-lingwaġġ tiegħu u bi ħsiebu, sa ma laħqet il-quċċata bl-elaborazzjoni tat-teżi tiegħi tad-dottorat dwar “Il-fidi f’San Ġwann tas-Salib”. Minn dak iż-żmien sibt fih ħabib u surmast, li wrieni d-dawl li jiddi fid-dlam, biex nimxi dejjem lejn Alla, “bla ebda dawl ieħor linqas gwida / għajr dik li kienet tħeġġeġ fil-qalb. / Din iggwidatni / ferm iktar ċerta mid-dawl ta’ nofsinhar” (S. Ġwann tas-Salib, Notte Oscura, 3-4).
F’din l-okkażjoni nsellem kordjalment lill-membri tal-provinċja u d-dijoċesi ta’ Segovia, ir-Ragħaj tagħhom, is-saċerdoti u lir-reliġjużi rġiel u nisa, lill-awtoritajiet u lill-poplu kollu ta’ Alla li jgħix hawn, taħt is-sema ċar tal-Castilla, kif ukoll dawk li ġew mill-inħawi u mill-partijiet l-oħra ta’ Spanja.
3. Il-qaddis ta’ Fontiveros huwa l-kbir “surmast tal-mogħdijiet li jwasslu għall-għaqda ma’ Alla”. Il-kitbiet tiegħu jkomplu jkunu attwali u sa ċertu punt jispjegaw u jikkumplimentaw l-kotba ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù. Huwa jindika t-toroq tal-għarfien permezz tal-fidi, għaliex tali għarfien biss fil-fidi jiddisponi l-intellett “għall-għaqda ma’ Alla l-ħaj”.
Kemm drabi, b’konvinzjoni li tgelgel mill-esperjenza tgħidilna li l-fidi hija l-mezz propju u addattat għall-għaqda ma’ Alla!
Huwa biżżejjed li nikkwotaw test ċelebri tat-tieni ktieb tas-“Salita al Monte Caemelo: “Il-fidi hija hi biss il-mezz l-iktar qrib u proporzjonat sabiex ir-ruħ tingħaqad ma’ Alla . . .sabiex hekk kif Alla huwa nfinit, hija tipproponihulna nfinit; u hekk Huwa huwa Tlieta u Wieħed, tipproponihulna Tlieta u Wieħed . . . u hekk minħabba dan il-mezz waħdieni, turi lil Alla lir-ruħ f’dawl divin, li jgħaddi lil kull fehim. U minħabba dan kemm iktar fidi għandha r-ruħ f’Alla, tant iktar għaqda hija Għalih” (S. Ġwann tas-Salib, Salita al Monte Carmelo, II, 9, 1)
B’din l-insistenza fuq il-purezza tal-fidi, Ġwanni tas-Salib ma jridx jiċħad li l-għarfien ta’ Alla jistà jintlaħaq gradwalment billi jitlaq mill-krejaturi, kif jgħallem il-ktieb tal-Għerf u jirripeti San Pawl fl-Ittra lir-Rumani (cf. Rm 1, 18-21; cf. S. Ġwann tas-Salib, Cantico spirituale, 4, 1). Id-duttur mistiku jgħallem li fil-fidi huwa wkoll meħtieġ li niċċaħdu mill-krejaturi, kemm dawk li nagħrfu permezz tas-sensi kif ukoll dawk li nilħquhom bl-intellett, biex ningħaqdu b’mod konoxxittiv mal-istess Alla. Din it-triq li twassal għall-għaqda, tgħaddi mill-“lejl mudlam” tal-fidi.
4. L-att ta’ fidi jikkonċentra, skont il-qaddis, f’Ġesù Kristu, li bħalma ddikjara l-Vatikan II, “huwa fl-istess ħin il-medjatur u l-milja tar-rivelazzjoni kollha” (Dei Verbum, 2). Kulħadd jaf il-paġna meraviljuża tad-duttur mistiku dwar Kristu bħala l-Kelma definittiva tal-Missier u t-totalità tar-rivelazzjoni, f’dak id-Djalogu bejn Alla u l-bnedmin: “Huwa hu d-diskors kollu tiegħi u t-tweġiba tiegħi, Huwa hu l-viżjoni kollha tiegħi u r-rivelazzjoni. Fih jiena diġa kellimtkom, weġibtkom, urejtkom u rrivelajtilkom, billi rregalajtulkom bħala ħukom, seħibkom u mgħallem tagħkom, prezz u premju” (S. Ġwann tas-Salib, Salita del Monte Carmelo, II, 22, 5).
U hekk waqt li jiġbor testi bibbliċi magħrufa (cf. Mt 17, 5; Eb 1, 1), jiġbor fil-qosor: “Għaliex fl-għoti lilna, bħal ma tana, tal-Iben tiegħu, li huwa Kelma tiegħu u m’għandux oħra, tana kollox u f’darba waħda biss f’don l-unika Kelma, u m’għandu xejn iktar xi jgħid” (S. Ġwann tas-Salib, Salita del Monte Carmelo, II, 22, 3). Għal dan il-fidi hija t-tiftix amoruż tal-“Alla moħbi” li jirrivela ruħu f’Ġesù Kristu, il-Maħbub (cf. S. Ġwann tas-Salib, Cantico spirituale, I, 1-3.11).
Iktar, id-duttur tal-fidi ma jonqosx li jippuntwalizza li “Lil Kristu nsibuh fil-Knisja” Għarusa u Omm; u li fil-maġisteru tagħha nsibu r-regola sikura tal-fidi, il-mediċina tal-ġrieħi tagħna, is-sors tal-grazzja: “U hekk”, jikteb il-qaddis, “f’kollox jeħtieġ li nħallu tiggwidana l-liġi ta’ Kristu bniedem u tal-Knisja u l-ministri tagħha, umanament u viżibilment, u permezz ta’ din it-triq nirrimedjaw għall-injoranza u l-għass spiritwali tagħna; ladarba f’din it-triq insibu mediċina abbundanti għal kull ħaġa” (S. Ġwann tas-Salib, Salita del Monte Carmelo, II, 22, 7).
5. F’dan il-kliem tad-duttur mistiku nsibu duttrina ta’ konsistenza assoluta u modernità.
Ġwanni tas-Salib jistieden lill-bniedem tallum, inkwetat bis-sinifikat tal-eżistenza, spiss indifferenti għall-predikazzjoni tal-Knisja, forsi xettiku rigward l-medjazzjoni tar-rivelazzjoni ta’ Alla, għal riċerka onesta, li twasslu sas-sors innifsu tar-rivelazzjoni li huwa Kristu, il-Kelma u d-Don tal-Missier. Jipperswadih biex iwarrab fil-ġemb dak kollu li jista jkun ta’ tfixkil għall-fidi u jqegħdu quddiem Kristu. Quddiem Dak li jirrivela u joffri l-verità u l-ħajja divina fil-Knisja, li fil-viżibiltà tagħha u fl-umanità tagħha hija dejjem l-Għarusa ta’ Kristu, il-Ġisem Mistiku tiegħu, garanzija assoluta tal-verità tal-fidi (cf. S. Ġwann tas-Salib, Fiamma viva d’amore, Prol., 1).
Għal dan iħeġġeġ biex nidħlu għal riċerka ta’ Alla fit-talb, sabiex il-bniedem “jagħraf” il-limitezza temporali tiegħu u tal-vokazzjoni tiegħu għall-eternità” (cf. S. Ġwann tas-Salib, Cantico spirituale, 1, 1). Fis-skiet tat-talb wieħed iwettaq l-laqgħa ma’ Alla u jismà dik il-Kelma li Alla jgħidilna fi skiet etern u li fis-skiet għandha tinstemà (cf. S. Ġwann tas-Salib, Parole di luce e di amore, 104). Ġabra kbira u abbandun intern, magħqudin mal-ħerqa tat-talb, jiftħu l-profondità tar-ruħ “għall-qawwa purifikanti tal-imħabba divina”.
6. Ġwanni tas-Salib segwa l-passi tal-Imgħallem, li kien jirtira biex jitlob f’postijiet solitarji (cf. S. Ġwann tas-Salib, Salita del Monte Carmelo, III, 44, 4). Ħabb is-solitudni Sonika fejn wieħed jismà l-mużika siekta, it-tgelgil tan-nixxiegħa li tbaqbaq u tfawwar ukoll jekk billejl. Dan għamlu tul il-velji twal ta’ talb f’riġlejn l-Ewkaristija, dak il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja li li jwassal sas-sors tal-imħabba trinitarja.
Ma jistgħux jintesew is-solitudnijiet immensi ta’ Duruelo, id-dlam u l-għera tal-ħabs ta’ Toledo, il-paesaġġi andalusi tal-Peñuela, tal-Kalvarju, de los Mártires, fi Granada. Is-sabiħa u sonika solitudni Segovjana tal-eremitaġġ, fil-blat ta’ dan il-kunvent imwaqqaf mill-qaddis. Hawn ikkonsmaw ruħhom d-djalogi ta’ mħabba u ta’ fidi; sa dak aħħari, kommoventi, li l-Qaddis afda b’dan il-kliem migħud lill-Mulej li kien offrielu l-premju għall-opri tiegħu: “Mulej, dak li rrid huwa li Inti tirregalali li nbati Għalik, u li nkun jien l-iddisprezzat u miżmum li ma niswa xejn”.
Hekk sal-konsumazzjoni tal-identifikazzjoni tiegħu ma’ Kristu Mislub u tal-glorjuż Għid tiegħu f’Ubeda, meta ħabbar li kien se jmur ikanta l-matutin fis-sema.
7. Waħda mill-ħwejjeġ li l-iktar jiġbdu l-attenzjoni fil-kitbiet ta’ San Ġwann tas-Salib hija ċ-ċarezza li biha ddeskriva t-tbatija umana, meta r-ruħ issib ruħha milquta mid-dalma tiddi u purifikatriċi tal-fidi.
L-osservazzjonijiet jissorprendu lill-filosfu, lit-tejologu u saħansitra lill-psikologu. Id-duttur mistiku jgħallimna l-ħtieġa ta’ purifikazzjoni passiva, ta’ lejl mudlam li Alla jqanqal fil-kredent, sabiex tkun iktar pura l-aċċettazzjoni tiegħu fil-fidi, it-tama u l-imħabba. Infatti hekk hu. Il-qawwa purifikatriċi tar-ruħ umana tiġi minn Alla nnifsu. U Ġwanni tas-Salib kien konxju, bħal ftit, ta’ din il-qawwa purifikatriċi. Alla nnifsu jippurifika r-ruħ sal-abbissi l-iktar profondi tal-esseri tagħha, billi jkebbes fil-bniedem l-fjamma ħajja tal-imħabba: l-Ispirtu tiegħu.
Huwa kkuntempla bi profondità ammirevoli ta’ fidi, u ibda mill-esperjenza tal-purifikazzjoni propja tal-fidi, il-misteru ta’ Kristu Mislub; sal-quċċata tal-abbandun tiegħu fuq is-salib, fejn jiġi offrut lilna, bħala eżempju u dawl tal-bniedem spiritwali. Hemm, l-Iben maħbub tal-Missier “kellu l-bżonn jgħajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni? (Mt 27, 46)
Dak kien l-ikbar abbandun li qatt inħass f’ħajtu. U fih Ġesù opera l-ikbar miraklu li qatt setà jwettaq f’ħajtu, fl-art u fis-sema, u li kien jikkonsisti fir-rikonċiljazzjoni u fl-għaqda tal-ġeneru uman ma’ Alla” (cf. S. Ġwann tas-Salib, Salita del Monte Carmelo, II, 7, 11).
8. Il-bniedem modern ukoll, minkejja l-kisbiet tiegħu, bilkemm mess fl-esperjenza tiegħu personali u kollettiva l-abbiss tal-abbandun, it-tentazzjoni tan-nikiliżmu, l-assurdità ta’ tant tbatijiet fiżiċi, morali u spiritwali. Il-lejl mudlam, il-prova li ġġiegħel il-mess tal-misteru tal-ħażin u tesiġi l-ftuħ tal-fidi, takkwista kultant dimensjonijiet ta’ epoka u proporzjonijiet kollettivi.
Ukoll in-nisrani u l-istess Knisja jistgħu jħossuhom identifikati ma’ Kristu ta’ San Ġwann tas-Salib, fil-quċċata tad-dulur u tal-abbandun tiegħu. Dawn it-tbatijiet kollha kienu meħudin minn Kristu fil-għajta tan-niket tiegħu u tal-għotja fiduċjuża tiegħu lill-Missier. Fil-fidi, it-tama u l-imħabba, il-lejl jinbidel f’jum, it-tbatija f’ferħ, il-mewt fil-ħajja.
Ġwanni tas-Salib, bl-esperjenza tiegħu, jistedinna għall-fiduċja, biex iħallina nkunu ppurifikati minn Alla; fil-fidi nterzjatha b’tama u mħabba, il-lejl jibda jagħraf “id-dwal tal-awrora”; issir tiddi bħal lejl tal-Għid – “O vere beata nox”, “Oh lejl ħelu iktar mis-sebħ” – u jħabbar il-qawmien mill-imwiet u r-rebħa, il-miġja tal-Għarus li jgħqqad miegħu u jbiddel lin-nisrani: “Maħbuba fil-Maħbub mibdula”.
Jistà jkun li l-iljieli mudlama li jikkonċentraw fuq il-kuxjenzi ndividwali u fuq dawk kollettivi ta’ żmienna jingħexu fil-fidi pura; fit-tama “li tant tikseb daqs kemm tittama”; fl-imħabba mħeġġa tal-qawwa tal-Ispirtu, sabiex jinbidlu f’jiem imdawla għall-umanità mnikkta tagħna, f’rebħa tal-Irxoxt li jeħles bil-qawwa tas-salib tiegħu!
9. Fakkarna fil-qari tal-Vanġelu l-kliem tal-Profeta Iżaija li Kristu għamel tiegħu: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi; għal dan ikkonsagrani bid-dlik, u bagħatni nħabbar lill-fqajrin meassaġġ ferrieħi, biex nipproklama l-ħelsien lill-priġunieri u lill-għomja li jaraw; biex mill-ġdid neħles lill-imjassrin, u nippriedka sena ta’ grazzja tal-Mulej” (Lq 4, 18-19).
Ukoll il-“qaddis Fraticello Giovanni” – kif kienet issejjaħlu Madre Tereża – kien, bħal Kristu, fqajjar li evanġelizza b’ferħ immens u mħabba lill-foqra; u d-duttrina tiegħu hija bħal spjega ta’ dak il-vanġelu tal-ħelsien mill-iskjavitù u l-oppressjonijiet tad-dnub, tad-dija tal-fidi li tfejjaq kull tip ta’ għama. Jekk il-Knisja tqimu bħala duttur mistiku sa mill-1926, huwa għaliex fih tagħraf l-imgħallem kbir tal-verità ħajja fir-rigward ta’ Alla u tal-bniedem.
Is-“Salita del Monte” u l-“Notte oscura” jilħqu l-quċċata tagħhom fil-ferrieħa libertà ta’ wlied Alla fis-sehem fil-ħajja ta’ Alla u fil-komunjoni mal-ħajja trinitarja (cf. S. Ġwann tas-Salib, Cantico spirituale, 39, 3-6). Alla biss jistà jeħles lill-bniedem: dan jakkwista totalment dinjità u libertà biss meta jisperimenta fil-fond, bħalma San Ġwann tas-Salib indika, il-grazzja feddejja u trasformanti ta’ Kristu. Il-vera libertà tal-bniedem hija l-komunjoni ma’ Alla.
10. It-test tal-ktieb tal-Għerf wissiena “Li kieku setgħu jkunu jafu tant li jiskrutinizzaw l-univers, kif qatt ma waslu biex isibu lill-Padrun qabel?” (Ġħerf 13, 19). Hawn hi l-isfida nobbli għall-bniedem kontemporanju li eżamina bir-reqqa t-toroq tal-univers. U hawn hi t-tweġiba tal-mistiku li mill-għolja ta’ Alla jiskopril-pass tal-Ħallieq fil-krejaturi tiegħu u jikkuntempla bil-quddiem il-ħelsien tal-ħolqien (cf. Rm 8, 19-21).
Il-ħolqien kollu, jgħid San Ġwann tas-Salib, huwa bħal imxarrab mid-dawl tal-Inkarnazzjoni u tal-Qawmien mill-Imwiet: “F’dan l-innalzament tal-Inkarnazzjoni ta’ Ibnu u tal-glorja tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħu skont il-ġisem huwa biss il-Missier li sebbaħ parzjalment il-krejaturi, imma nistgħu ngħidu li libbishom kompletament bis-sbuħija u bid-dinjità” (S. Ġwann tas-Salib, Cantico spirituale, 39, 5.4). Alla li huwa “Sbuħija”, jirrifletti ruħu fil-krejaturi tiegħu.
F’tgħanniqa kosmika li fi Kristu tgħaqqad is-sema u l-art, Ġwanni tas-Salib setà jesprimi l-milja tal-ħajja nisranija: “La teħodlix, Alla tiegħi, dak li darba waħda rregalajtli f’ibnek uniku Ġesù Kristu li fih tajtni dak kollu li rrid . . . Tiegħi huma s-smewwiet u tiegħi hija l-art; tiegħi l-ġnus; il-ġusti huma tiegħi, u tiegħi l-midimbin; l-anġli huma tiegħi, u Omm Alla u l-ħwejjeġ kollha huma tiegħi, l-istess Alla huwa tiegħi u huwa għalija, għaliex Kristu huwa tiegħi u kollu għalija” (S. Ġwann tas-Salib, Parole di luce e di amore, 29-31).
11. Ħuti: ridt b’dan kliemi nagħti ġieħ ta’ gratitudni lil San Ġwann tas-Salib, tejologu u mistiku, poeta u artista, “bniedem ċelesti u divin” – kif sejħitlu Santa Tereża ta’ Ġesù – ħabib tal-foqra u direttur spiritwali għaref tal-erwieħ. Huwa hu missier u mgħallem spiritwali tal-Karmelu Tereżjan kollu, l-arkitett ta’ dik il-fidi ħajja li tiddi fl-ulied l-iktar illustri tal-Karmelu: Tereża ta’ Lisieux, Eliżabetta tat-Trinità, Raffaele Kalinowski, Edith Stein.
Nitlob lill-ulied bniet ta’ Ġwanni tas-Salib, il-karmelitani skalzi, li jafu jgħixu l-essenza kontemplattiva ta’ dik l-imħabba pura li hija b’mod eċċezzjonali fertili għall-Knisja (cf. S. Ġwann tas-Salib, Cantico spirituale, 29, 2-3). Nirrakkomanda għal uliedu, il-karmelitani skalzi, għassiesa fidili ta’ dan il-kunvent u animaturi taċ-Ċentru tal-Ispiritwalità ddedikat lill-Qaddis, il-fedeltà lejn id-duttrina tiegħu u d-dedikazzjoni għad-direzzjoni spiritwali tal-erwieħ, kif ukoll għall-istudju u l-approfondiment tat-tejoloġija spiritwali.
Għall-ulied kollha ta’ Spanja u ta’ din l-art nobbli segovjana, bħala garanzija ta’ riġenerazzjoni ekkleżjali, inħalli dawn il-kunsinni manifiċi ta’ San Ġwann tas-Salib validi universalment: intelliġenza dixxernanti biex ngħixu l-fidi: “Ħsieb tal-bniedem jiswa iktar mid-dinja kollha; għalhekk Alla biss huwa denn tiegħu” (S. Ġwann tas-Salib, Parole di luce e di amore, 32).
Rieda qalbiena biex neżerċitaw il-karità: “Fejn mhemmx imħabba, qiegħed l-imħabba u tikseb imħabba” (S. Ġwann tas-Salib, Lettera 25, a Maria dell’Incarnazione). Fidi solida u konfortanti, li tiċċaqlaq b’mod kostanti biex tassew inħobb lil Alla u lill-bniedem; għaliex fl-aħħar tal-ħajja, “meta tasal l-għaxija se nkun iġgudikat fuq l-imħabba” (S. Ġwann tas-Salib, Parole di luce e di amore, 64).
Bil-barka apostolika tiegħi lil kulħadd.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb