Kien filgħaxija tat-13 ta’ Marzu 2013, meta Jorge Mario Bergoglio deher, għall-ewwel darba, fil-loggia ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru liebes l-abjad.

Flimkien mal-ġieħ li ta lill-predeċessur tiegħu, t-tislima inizjali tiegħu kien diġà fiha diversi karatteristiċi ewlenin tal-pontifikat tiegħu: l-enfasi li hu se jkun l-Isqof ta’ Ruma “li nippresjedi b’imħabba fuq il-Knejjes kollha”; ċ-ċentralità tal-poplu fidil ta’ Alla, li mingħandu r-Ragħaj il-ġdid talab barka qabel ma ta waħda huwa stess; u t-talb għal “fraternità kbira” f’dinja mifruda mill-inġustizzja, l-vjolenza u l-gwerer.
Fil-jiem ta’ wara, l-Papa spjega t-tifsira tal-isem li kien għażel, u rabat mal-ħolma ta’ “Knisja fqira għall-foqra”. Franġisku ta’ Assisi, qal, huwa “il-bniedem tal-faqar, il-bniedem tal-paċi, l-bniedem li jħobb u jħares il-ħolqien”.
Ftit xhur wara, f’Novembru ta’ dik l-istess sena, l-Papa ppubblika l-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Evangelii Gaudium, li offriet il-veru road map tal-pontifikat tiegħu. Biha, talab lill-insara biex b’ħajjithom jagħtu xhieda tal-ferħ tal-Evanġelju, kif ukoll iġibu flimkien, u b’mod partikolari lil dawk li qed ibatu l-aktar, il-qrubija u t-tenerezza ta’ Alla tagħna li jaħfer, jilqa’ u jħaddan.
Għaxar snin wara, d-Dikasteru għall-Komunikazzjoni tal-Vatikan staqsew kif l-aħjar jistgħu jiċċelebraw dan l-anniversarju fid-diversi mezzi tax-xandir. Bil-mod il-mod, ħarġet l-idea li ma kinitx tant li jitkellmu dwar il-Papa Franġisku, imma li jagħtu spazju għal dak li x-xhieda tiegħu u l-Maġisteru tiegħu pprovokaw jew qed jgħinu biex jippromwovu.
Għalhekk ġew magħżula diversi testimonjanzi ta’ nies mill-aktar sitwazzjonijiet diversi fid-dinja: lil dawk li ta’ kuljum jagħrfu l-wiċċ tan-Nazzarenu f’dawk li qed ibatu, f’dawk li huma miċħuda jew imbiegħda; u, lil dawk li jirrakkontaw stejjer mill-isbaħ, li jiddokumentaw il-qawwa tal-imħabba u l-miraklu tal-maħfra f’kuntesti ta’ mibegħda jew indifferenza. Kull wieħed minnhom jiddeskrivi b’qawwa waħda mit-temi ewlenin tal-pontifikat tal-Papa Franġsiku, li jikkomponu mużajk li jqajjem mill-ġdid it-tama.
Din it-tama hija possibbli, minkejja l-ħafna sinjali dgħajfin li sfortunatament qed nassistu, l-ewwel wieħed minnhom huwa r-riskju dejjem aktar konkret għall-umanità li qed teqred lilha nfisha. Li nagħtu vuċi lix-xhieda deher l-aktar mod xieraq biex nifhmu l-poplu ta’ Alla li jħobb lil Papa Franġisku u jkomplu jitolbu għalih. Dawn in-nies jimxu wara l-Papa, u flimkien miegħu jduru lejn Ġesù bil-kliem ta’ Pietru, jagħrfu l-għajn tat-tama u tas-salvazzjoni: “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj”.
Ad multos annos, Santità!