Il-Papa Franġisku appella lill-fidili biex jibqgħu “magħqudin fil-fidi u s-solidarjetà ma’ ħutna li qed ibatu minħabba l-gwerra”, filwaqt li jiftakar b’mod speċjali “fil-poplu Ukren itturmentat”.
Huwa għamel dan l-appell waqt li kien qed iħabbar l-“24 Siegħa għall-Mulej” ta’ din is-sena, inizjattiva ta’ talb iddedikata għat-talb ta’ adorazzjoni u għas-Sagrament tal-Qrar, li ssir kull sena matul ir-Randan. L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Marzu filgħaxija, u tkompli sas-Sibt 18 ta’ Marzu.
Il-Qdusija Tiegħu beda l-inizjattiva ta’ ‘24 Siegħa għall-Mulej’ fl-ewwel sena tal-pontifikat tiegħu. Matul l-avveniment, knejjes madwar id-dinja jibqgħu miftuħa għal ġurnata sħiħa, biex joffru lill-fidili u lill-pellegrini l-opportunità li jieqfu fl-adorazzjonu u jagħmlu użu mis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.
Waqt li kien qed iħabbar dan l-avveniment fl-Angelus, il-Papa fakkar fl-Att tal-Konsagrazzjoni tar-Russja u l-Ukrajna lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, li sar waqt is-servizz penitenzjali tas-sena l-oħra, bit-talb speċjali tiegħu għall-paċi. “Jalla l-fiduċja tagħna ma tonqosx,” qal il-Papa l-Ħadd, “jalla t-tama tagħna ma tiddgħajjifx!” Insista li “l-Mulej dejjem jisma’ t-talbiet li l-poplu tiegħu li jagħmillu permezz tal-interċessjoni ta’ Ommu”.
Il-Papa Franġisku ħabbar li hu wkoll se jkun qed jieħu sehem f’din l-24 Siegħa għas-servizz tal-Mulej, billi se jżur il-parroċċa Rumana ta’ Santa Maria delle Grazie al Trionfale, il-Ġimgħa li ġej filgħaxija għal servizz penitenzjali li se jinkludi s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (jew Qrar).
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-03/at-angelus-pope-calls-for-solidarity-with-all-afflicted-by-war.html