L-ewwel ċentinarju mill-mewt tal-benefatturi tal-Knisja u tal-Kunvent tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa

Print Friendly, PDF & Email

Fix-xahar t’Ottubru l-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa, fil-Marsa, għadha kemm fakkret il-100 sena mill-mewt tal-benefatturi tagħha, jiġifieri tal-koppja straordinarja Lorenzo u Marija Balbi. Min kienu dawn in-nies hekk speċjali u ta’ qalb kbira?

Is-Sinjuri Lorenzo Balbi u martu Maria Carmela nee’ Ozzini kienu mill-Belt Vallettta. Lorenzo kien negozjant u kellu l-ħanut tiegħu fi Triq Merkanti l-Belt. Is-Sur Balbi, bħal ħafna sinjuri oħra Maltin, investa flusu fit-titoli Russi tal-bank Russu. Dawn kienu bħall-bonds tal-lum u kienu jħallu profitti tajbin ħafna.

Lorenzo u Maria Carmela Balbi ma kellhomx ulied u xtaqu jibnu kappella biex jindifnu fiha wara mewthom. L-Arċisqof ta’ Malta Mons. Pietru Pace talabhom biex minflok il-kappella jibnu l-Knisja parrokkjali tal-Marsa li kienet tant meħtieġa għas-servizz pastorali tan-nies tal-Marsa. Huma aċċettaw bil-qalb kollha ta’ nies twajbin u ġenerużi li kienu u fuq ix-xewqa tas-Sinjura Maria Carmela l-knisja ġiet iddedikata lit-Trinità Qaddisa.

Xtraw l-art ta’ ‘Xatt il-Qwabar’ fi Triq is-Salib tal-Marsa li kienet tappartjeni lill-Isptar ta’ Sawra, ir-Rabat. Lorenzo qabbad lill-Perit Giovanni Domenico Debono li għamel pjanta tal-knisja u x-xogħol tal-bini kien f’idejn l-imgħallem Mikiel Mifsud. Fl-24 t’Awwissu 1019 beda x-xogħol tal-pedamenti u fl-20 t’Ottubru tal-istess sena saret iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla. Nhar il-25 t’Ottubru 1910 waslu Malta l-kolonni tal-granit minn Trapani, l-Italja.

Ix-xogħol tal-bini tal-knisja kien mexa sew meta xi kanonċi tal-Kolleġjata ta’ San Pawl, il-Belt, ħbieb tagħna l-Kapuċċini u ta’ Balbi, ħajruh biex il-knisja tingħata lilna, il-Patrijiet Franġiskani Minuri Kapuċċini, peress li kienu iktar adattati għan-nies li kienu joqgħodu l-Marsa. Wara li l-Arċisqof laqa’ t-talba tal-koppja Balbi, minflok id-dar u l-Uffiċċju tal-Kappillan beda jinbena l-kunvent tal-Patrijiet. L-ewwel ġebla tpoġġiet nhar il-15 ta’ Settembru 1910.

Il-benefatturi Balbi ramaw il-knisja bi bżonnijiet neċessarji bħall-kwadri tal-artali, fosthom il-kwadru titulari tat-Trinità Qaddisa mpitter mill-pittur Lazzaro Psani fl-1910, l-artal maġġur tal-irħam, sett ta’ qniepen tad-ditta Prospero Barigozzi minn Milan, l-Italja, u anki sett ta’ sitt kalċijiet u sfera. Fil-25 ta’ Mejju 1912 il-bini tal-knisja u l-kunvent kienu lesti minn kollox. Il-kuntratt tad-donazzjoni tal-knisja u l-kunvent lill-Provinċja Kapuċċina Maltija sar nhar id-19 ta’ Novembru 1912 quddiem in-Nutar Francesco Giorgio Schembri fid-dar ta’ Balbi. Il-koppja Balbi ramat il-kunvent bil-bżonnijiet kollha kif jitlob l-Ordni tal-Kapuċċini u lestiet saħansitra kaxxa sulfarini għax-xemgħa f’kull kamra peress li ma kienx hawn dawl elettriku f’dik il-ħabta.

L-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Pietru Pace, iddikjara l-art tal-Marsa parroċċa fit-12 t’April 1913 u l-inawgurazzjoni tal-knisja u l-kunvent saret fid-19 t’April 1913 biex tibqa’ bħala monument ħaj tal-24 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li kien qed isir f’Malta f’dak iż-żmien. Preżenti għall-inawgurazzjoni li saret mill-Arċisqof ta’ Malta kien hemm diversi Isqfijiet, il-koppja Balbi, mistednin u l-poplu Marsi.

B’digriet tat-22 ta’ Mejju 1913, Lorenzo Balbi ġie maħtur u ddikjarat Kavallier tal-Ordni ta’ San Silvestru, Papa, mill-Papa San Piju X fuq il-parir tal-Kardinal Domenico Ferrata, tal-Arċisqof ta’ Malta Mons. Pietru Pace u tal-Provinċjal tal-Kapuċċini Patri Tumas. Il-firma tad-diploma saret mill-Kardinal Merry del Val, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan. Il-Papa Benedittu XV, b’digriet tat-18 ta’ Mejju 1916, żejjen bid-dekorazzjoni lis-Sinjura Maria Carmela Balbi bit-titlu Pro Ecclesia et Pontifice.

Fid-19 t’April 1917 il-knisja ġiet ikkonsagrata mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Mawru Caruana. Fl-1917 qamet ir-Rivoluzzjoni Russa u ġara li Lorenzo tilef il-kapital kollu li kellu għaliex ma ġewx onorati l-ftehim ta’ titoli Russi li saru qabel. Huwa baqa’ bin-negozju fil-ħanut tiegħu tad-ditta L. Balbi iżda, kif kien iħobb jgħid, kien kuntent li mill-għanqud għeneb laħaq ħa għenba biex tinbena l-knisja u l-kunvent tal-Marsa. Fl-10 ta’ Lulju 1922 tħabbret il-mewt tal-Kavallier Lorenzo Balbi li miet fid-dar tiegħu numru 144, Triq Santa Luċija fil-Belt Valletta fl-età ta’ 78 sena.

Il-funeral solenni tiegħu beda mill-Belt Valletta fejn it-tebut tpoġġa fil-karru tal-mejtin. Il-korteo tmexxa minn Patri Timotju Sammut, kappillan ta’ San Duminku. Fi Blata l-Bajda, fil-limiti tal-Marsa, kien hemm jilqugħ folla kbira ta’ nies flimkien mal-Provinċjal u l-Patrijiet Kapuċċini kollha. Il-korteo tal-funeral telaq minn Blata l-Bajda u tmexxa mill-kappillan tal-Marsa Patri Piju Dimech, mix-Xewkija Għawdex, sal-knisja parrokjali tat-Trinità Qaddisa u tul Triq is-Salib tal-Marsa. Ħadu sehem l-għaqdiet Marsin kollha ta’ dak iż-żmien. Huwa ddaħħal fil-knisja fejn sar servizz reliġjuż għal ruħu u ġie midfun fil-qabar f’nofs il-korsija li kien tlesta snin qabel meta nbniet il-knisja.

Nhar il-11 t’Awwissu 1922 saret quddiesa ta’ tifkira għall-mejtin De Requiem għal ruħu fil-knisja fejn tqassmet santa ta’ tifkira. Nhar il-21 t’Ottubru 1922, jiġifieri tliet xhur wara, mietet il-benefattriċi Maria Carmela Balbi fl-età ta’ 65 sena. Lilha wkoll sarilha funeral solenni fil-Marsa u tinstab midfuna ħdejn żewġha fil-qabar fejn tpoġġiet irħama b’arma tagħhom u b’kitba bil-Latin fuqha li tfakkar fil-ġenerożità tagħhom.

Fl-okkażjoni tal-75 sena parroċċa, fl-1988, kien sar monument tal-koppja Balbi mill-iskultur Anton Agius tar-Rabat, Malta, li ġie maħdum fil-bronż mill-fonderija ta’ Pietra Santa, f’Lucca, l-Italja. Nhar it-Tnejn 23 ta’ Mejju 1988, wara quddiesa konċelebrata, saret iċ-ċerimonja tal-kxif tal-monument mill-Kappillan Patri Domnic Mangani, Kapuċċin u li hu wkoll il-kappillan preżenti tal-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa, u l-iskultur Anton Agius. Il-monument tbierek minn Patri Emmanuel Barbara, Provinċjal tal-Kapuċċini, fil-preżenza tal-għaqdiet kollha u l-poplu Marsi.   

Il-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa fakkret l-għeluq il-mitt sena mill-mewt tas-Sinjuri Lorenzo u Maria Balbi b’adorazzjoni ta’ Radd il-Ħajr għall-Providenza Divina ta’ dawn il-benefatturi kbar nhar il-Ħamis 20 t’Ottubru fis-6.30 pm u l-Ġimgħa 21 t’Ottubru 2022 b’quddiesa konċelebrata solenni għal ruħhom fis-6.00 pm, immexija minn Patri Ivan Scicluna, il-Provinċjal tagħna l-Kapuċċini Maltin. Iċ-ċelebrazzjoni issuktat b’feature u bit-tqegħid tal-kuruna fuq il-monument tagħhom fi Triq Balbi.

Kemm grazzji rċieva u se jissokta jirċievi l-Poplu tal-Mulej f’Malta mill-Knisja tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa. Grazzi għeżież Lorenzo u Maria għaliex ħallejtu lil Ġesù jużakom għall-glorja tiegħu. Strieħu issa fis-sliem u gawdu fl-hena ta’ Sidkom il-Mulej Ġesù li tant ħabbejtuh f’ħajjitkom hawn fuq l-art. Itolbu għalina! Nitolbu għalikom!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: