Hekk kif il-festa tal-Milied qed tħabbtilna fuq bieb darna hu importanti li nibdew diskussjoni tabilħaqq meħtieġa. Apposta użajt il-kelma nibdew. Għax, aktar u aktar mal-Mulej tani l-grazzja li nfittex bir-reqqa kollha, ma stajtx le insib tarf ta’ din il-kwistjoni daqshekk sabiħa, importanti, diffiċli, taħraq, u, fl-istess ħin, affaxxanti.
Ħa nibdew nitħaddtu fuq il-kelma RELAZZJONI. Diversi huma t-tifsiriet u l-konnotazzjonijiet li fiha din il-kelma hekk kbira. Illum ngħidilha kbira l-għaliex bdiet minn xi ħadd li hu ferm akbar minna. Tant hu hekk li nsejħulu l-Infinit. U allura, jekk din il-kelma hi l-istess natura, dinamika u essenza ta’ dak li hu Infinit kif tridha l-kelma u l-esperjenza ma tkunx infinita fiha innifisha?
Infinita Sur Patri? Iwa, smajtni tajjeb, infinita. U infinita mhux biss l-għaliex ġejja minn natura tal-Infinit, il-Mulej, imma wkoll l-għaliex meta nkunu f’relazzjoni ta’ mħabba aħna ma nkunu irridu li tispiċċa qatt. Kemm inħossuna tajjeb fiha! Kemm inħossuna maħbuba! U kemm inħossuna li qed nagħtu lilna nfusna lil min inħobbu b’daqshekk faċilità. Kważi kważi, b’faċilità li taf twerreċ ukoll. U għaliex dan? Għax l-imħabba tiġbed lejha. L-Imħabba tattratta. L-imħabba tittratta. U l-imħabba takkumpanja mingħajr ma tieqaf. Dejjem jekk tkun imħabba u mhux sempliċiment passjoni frivola li meta tgħaddilha l-ewforja tagħha taraha taħrab mir-responsabbiltà li għandha li tikkura u timxi ma’.
Meta noqgħodu naħsbu sewwa naslu għall-konklużjoni li ma nistgħux ngħaddu mingħajr relazzjoni. Li nkunu f’relazzjoni hi parti minn dak li aħna. Ħasra li, fil-lingwaġġ komuni ta’ bejnietna, kull darba qed nagħmlu vjolenza u offiża tant kbira lill-kelma u lir-rejaltà tant sabiħa tar-relazzjoni. Relazzjoni ma tfissirx relazzjoni sesswali. Għalkemm din, f’ċertu relazzjonijiet, għandha l-importanza tagħha wkoll. Interessanti li uħud li jkunu f’relazzjoni u jkollhom relazzjonijiet sesswali, xorta jibqgħu jaħbu xi ħwejjeġ minn xulxin. U dan l-għaliex ma jkunux qegħdin fir-relazzjoni vera u proprja. Tant hu hekk li jkunu fil-periferiji tagħha. Hekk, meta jkun hemm il-kuntatt sesswali, minflok ma’ dan jgħaqqadhom flimkien jispiċċa jkun mod ta’ kif wieħed jgħid lil waħda u viċi versa: Int s’hawn biss tista’ tasal. Fil-kamra l-oħra ta’ qalbi mintix milqugħ u milqugħa. U meta dan iseħħ hu minn hemm li jibdew il-problemi.
Minn naħa l-oħra, kemm stejjer smajt fejn, minkejja li ma kienx hemm kuntatt sesswali bejn il-persuni konċernati imma dawn xorta waħda ħabbew minn qalbhom lil xulxin. Għar-raġuni li kienu ktieb miftuħ fejn fih persuna setgħet taqra l-ħajja tal-persuna l-oħra minn fuqu. U, il-persuna fdata, ħassitha miġbuda mill-istess imħabba li rċeviet li tħalli lill-persuna l-oħra taqra ħajjitha. Mhux din hi l-imħabba?
Mela, minn dan kollu nistgħu nikkonkludu li mingħajr relazzjonijiet ma ngħaddux. Għax dan hu fid-DNA tagħna. Imma bil-kelma relazzjonijiet m’aħniex immorru għas-sess imma għal xi ħaġa ferm u ferm aktar importanti minhekk. Ma ninsewx li meta tnejn tassew iħobbu u jridu l-ġid lil xulxin, tgħanniqa mill-qalb lil xulxin taf tfisser l-univers kollu għall-persuna konċernata. Fi kliem ieħor, taf tfisser li l-persuna tkun tassew tixtieq u tagħmel dak kollu li hu possibbli għaliha biex il-persuna l-oħra tifhem kemm tħobbha u kemm qegħdha hemm għaliha.
Meta qegħdin f’relazzjoni ma’ xi ħadd aħna nibdew vjaġġ ta’ għarfien. Il-veru ħbieb jitħaddtu u jikkomunikaw bejniethom. Il-vanġelu, li għalija hu l-aqwa ktieb mhux biss ta’ fidi imma wkoll ta’ filosofija tal-ħajja li qatt inkiteb u jista’, fil-fatt, xi darba jinkiteb, jurina x’inhi l-vera relazzjoni. Ġesu, fi Ġwanni 15:15, jgħidilna: Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom (Ġw 15:15).
Kemm fir-relazzjonijiet li jkollna mhux talli nispiċċaw qaddejja imma l-ilsira ta’ xulxin! Relazzjonijiet ta rikatt bil-għan li nirbaħ il-qalb ta’ persuna jikkontradixxu bil-kbir in-natura ta’ relazzjoni vera. Relazzjoni għandha tkun ħielsa u qatt imxekkla minn xi ħaġa, aktar u aktar mill-biża u mir-rabja. Fir-relazzjoni jrid ikun hemm spazju fejn persuna timraħ u mhux tispiċċa soffokata sal-punt fejn ma jkollix fejn tieħu naqra tan-nifs.
Għalhekk, l-għira hi l-għadu numru wieħed tar-relazzjoni. Int daqshekk iblaħ u belha li tafda ħajtek f’dak li se tgħid ma’ persuna għajjura? Jekk tagħmel hekk tkun qed tagħti permess lil dik il-persuna li tagħmlek terrapien. U l-mannara biex tqattgħek biha tkun qed tagħtihielha inti stess fuq platt tad-deheb! Appuntu l-għaliex tkun qed taqsam magħha dak kollu li int.
Ma ninsewx li relazzjoni, biex tkun tassew qawwija, iż-żewġ persuni jridu jħarsu lejn xulxin jew b’mod fiżiku inkella b’mod spiritwali. Meta persuna tkun lesta li tinfetaħ għall-persuna l-oħra dik il-persuna tabilħaqq tkun qed tħares lejn wiċċha. U għax bħala udjenza jkollha lill-persuna l-oħra, li min jaf min tkun, u, waqt id-diskursata, tħoss li għandha titħaddet aktar fuqha innifsha b’mod profond, nistgħu ngħidu li din il-persuna tkun qed tħares lejn wiċċ tal-persuna l-oħra. U anki jekk il-persuna l-oħra ma tkunx qed tara b’mod fiżiku lill-persuna li tkun qed tiftaħ qalbha magħha xorta waħda tħoss li din qed tħares lejha. Tħoss li qed tirrelata magħha b’mod personali. U għalhekk tkun qed tolqotha f’qalbha.
Interessanti li meta t-tnejn li huma, għalkemm imbegħdin, iħossuhom tant viċin xulxin b’dak li jaqsmu bejniethom, waħdu jasal il-waqt li jiltaqgħu flimkien. Ħa jkunu wiċċ imbwiċċ u qalb ma’ qalb b’mod fiżiku u mhux spiritwali biss. Bħalma, ġurnata, għad inkunu fis-Saltna ta’dejjem ma’ Alla Trinità, Marija, Ġużeppi, l-anġli u l-qaddisin.
Ir-relazzjoni hi importanti għax tfakkarna min tassew aħna u min hu tassew Missierna, Alla Trinità li hu waħdu relazzjonijiet eterni fih u barra minnu innifsu. Ħa nitolbuha lit-Trinità Qaddisa biex tgħallimna nidħlu f’relazzjoni mhux biss magħha imma wkoll ma’ l-oħrajn, magħna infusna u mal-univers kollu.
O Trinità Qaddisa, għallimni ngħixek fir-relazzjoni tiegħi miegħek, mal-oħrajn, miegħi innifsi u mal-univers kollu. Amen.
Patri Mario Attard OFM Cap