Għandi bżonnok illum ġbin!

Print Friendly, PDF & Email

Dan l-aħħar kont qiegħed fuq YOU TUBE u ġie quddiem għajnejja riklam li laqatni mhux ftit. Ir-raġel, f’dan ir-riklam, qal: Għandi bżonnok illum ġbin! Emmnuni li ma nafx fuq liema oġġett kien qed jitħaddet. Biss naf li dak li kien qed jgħid kien qed jgħidu b’konvinzjoni kbira. Liema konvinzjoni kaħlitni mal-monitor biex noqgħod nisimgħu.

Jumejn oħra l-festa tal-Milied. Hi l-festa tant sabiħa tal-familja. Anki jekk din is-sena, bħal dawn l-aħħar snin, il-familja ta’ raġel, mara u ulied qed tiġi mċajpra minn forom oħra ta’ familja. Kemm kien qalilna sew il-Papa San Papa Ġwanni Pawlu II meta, fl-aħħar diskors li għamel qabel it-tluq tiegħu minn Malta, sewwa sew fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta tad-9 ta’ Mejju 2001, qalilna mingħajr tlaqliq lilna l-Maltin:

Waqt li l-Pellegrinaġġ tal-Ġublew tiegħi wasal fit-tmiem, jiena nafda solennement fil-ħarsien ta’ Alla li jista’ kollox il-popli tal-postijiet li żort. Fl-imkejjen marbuta mal-Anniversarju tal-Elfejn Sena mit-twelid tal-Feddej ittamajt u tlabt għal tiġdid kbir tal-fidi qalb l-Insara. Xtaqt inħeġġeġ lil dawk kollha li jemmnu u lill-bnedmin ta’ rieda tajba biex jiddefendu l-ħajja, li jippromovu r-rispett għad-dinjità ta’ kull persuna, li jħarsu l-familja kontra ħafna theddid tad-dinja tallum, biex jiftħu qlubhom għall-fqar tad-dinja u dawk li huma sfruttati, u biex wieħed jaħdem għall-ordni internazzjonali mibni fuq ir-rispett għat-tmexxija tal-liġi u għas-solidarjetà ma’ dawk l-anqas ixxurtjati.

Jekk hawn min bħalissa għandu bżonn min jiddefendih, jipprommovih, jħarislu d-dinjità tiegħu u jirrispettah hu, mingħajr dubju, l-embrijun. Fil-fatt, l-embrijun uman qed jgħajjat bil-qawwi f’pajjiżna biex inħarsuh. Ma ninsewx li min hu favur l-abort tawh l-opportunità li jgħix. U jien, jekk tawni l-opportunità li ngħix u ma qattgħunix biċċiet f’ġuf ommi, x’wiċċ u x’qalb irid ikolli biex nikkundanna għall-mewt lil min għadu ma twelidx? Aħna aħna jew m’aħniex? Tgħidlix l-għaliex qed jagħmluli pressjoni. Il-pressjoni qatt ma tiġġustifika qtil makabru bħall-abort. Jekk niġu f’dan lil Ġesù u lil ħafna nies oħra mhux ukoll għamlulhom ħafna pressjoni biex iwassluhom jagħmlu l-ħażen? Imma Ġesù u nies oħra kienu tal-Mulej. Ma kienux puppazzi f’idejn il-forzi tal-ħażen. Ma ċedewx għall-ħażen. Qalu: LE għall-ħażen. U illum huma li huma! U int għax m’għandekx tkun bħalhom? Hu x’inhu r-rwoli tiegħek fil-ħajja, fis-soċjetà, fil-politika, fil-familja, fil-Knisja, fid-dinja u l-bqija?

F’April li għadda, waqt li jien u l-aħwa Kapuċċini tal-Fraternità Kapuċċina tal-Marsa Trinità konna qegħdin kwarantina minħabba l-covid-19, ħafna ħadu l-opportunità biex jiddeffsu kemm jifilħu ħa jiġu jidhru jħokku mal-Papa Franġisku waqt li kien qiegħed iżurna. Ħa jiftakru ftit dawn il-ħafna uħud x’jgħid dan il-Papa li kienu miegħu dwar l-abort. Nibda minn intervista mogħtija lill-media ta’ TV 2000 u Radju Blu tat-Tnejn 12 ta’ Marzu 2018: Kont qed naħseb fuq l-attitudni ta’ dawk li jibagħtu t-trabi tagħhom lura qabel ma jitwieldu; kont qed naħseb fuq dan id-delitt orribbli; jibagħtuhom lura għax aħjar hekk, biex iħossuhom komdi; hi responsabbiltà kbira – dnub gravi ħafna.

U għal liema suġġett kien qed jirreferi Papa Franġisku, il-Papa li għandu l-gazz u l-umiltà li jgħid l-affarijiet kif inhuma mingħajr ħafna tidwir, jekk mhux għall-abort? Għiduli ftit l-aħwa: kemm qed naraw statwi ta’ Ġesù Bambin armati fit-twieqi, fid-djar, fil-Knejjes, fil-wirjiet, fil-postijiet tax-xogħol, fit-toroq, u l-bqija? Kemm huma sbieħ hux? Min iġibhom minn Spanja, min minn Ġerusalemm, min minn hemm u min minn hawn. Imma, jekk b’dawn il-bambini tant nagħmlu storbju bihom kif se jkollna l-kuraġġ noqtlu tarbija bl-abort? X’qalb irid ikollna biex inqattgħu tarbija hekk, kiesaħ u biered? Jekk lit-trabi li twieldu nuruhom tant imħabba m’għandniex ukoll nuru imħabba lejn dawn it-trabi li għad iridu jaraw id-dawl tal-jum?

Ħa nieqaf jien u nibqa’ inħalli lill-Papa Franġisku, li ħafna minna tant iħobbu, jitħaddet hu stess fuq dan is-suġġett tant attwali f’Malta tallum. Matul l-intervista li ta fuq l-ajruplan fit-titjira tiegħu mill-belt kapitali Slovakka Bratislava lejn Ruma, nhar il-15 ta’ Settembru 2021, Papa Franġisku qal hekk:

Il-problema tal-abort. L-abort hu iżjed minn problema, l-abort hu omiċidju. L-abort… bla ma noqogħdu nomogħduha: min jagħmel abort, ikun joqtol. Aqbdu liema ktieb ta’ embrijoloġija tridu, minn dawk li jistudjaw l-istudenti fil-fakultajiet tal-Mediċina. It-tielet ġimgħa mit-tnissil, fit-tielet ġimgħa, tant drabi qabel ma l-omm tintebaħ, l-organi kollha diġà jkunu hemm, kollha, anki d-DNA. Dik mhijiex persuna? Hija ħajja umana, daqshekk. U din il-ħajja umana trid tiġi rrispettata. Dan il-prinċipju huwa hekk ċar, u lil min ma jistax jifhmu jien nagħmillu żewġ mistoqsijiet: sewwa li toqtol ħajja umana biex issolvi problema? Xjentifikament hija ħajja umana. It-tieni mistoqsija: sewwa li tikri assassin biex issolvi problema? Dan għidtu pubblikament lil Jordi Evole meta għamilt [l-intervista]… Għidtu l-aħħar darba lill-Cope [radju Kattoliku Spanjol], ridt nirrepetih… u daqshekk. Ma nagħmlux mistoqsijiet strambi. Xjentifikament hija ħajja umana. Il-kotba jgħallmuna. Jiena nistaqsi: tajjeb li tneħħiha min-nofs, biex issolvi problema? Għalhekk il-Knisja hi hekk iebsa fuq dan l-argument, għax, jekk taċċetta dan, qisha qed taċċetta omiċidju ta’ kuljum.

Għalhekk illum, fil-kuntest tal-festa tal-Milied li se niċċelebraw jumejn oħra, dak Ġesù, ħelu ħelu, li qiegħed fil-maxtura ta’ darna, hu l-istess wieħed li qed jgħix f’dawn it-trabi innoċenti li qed jistennew il-waqt, kif kellna int u jien, li jitwieled. Hu l-istess Ġesù, kif preżenti f’dawn it-trabi li għadhom ma twieldux, li qed idur lejk u lejja u jgħidilna, bid-dmugħ f’għajnejh: Għandi bżonnok illum ġbin!

X’ħa tagħmel? X’ħa nagħmel? Ħa nagħlqu ħalaqna ħa nilgħabuha tal-cool jew se nagħmlu att dinjituż u li jixirqilna ta’ bnedmin u nsalvawlu ħajtu? Jekk se nagħżlu li nsalvawlu ħajtu għandna għalfejn niċċelebraw il-Milied, immorru għall-Ewkaristija u nifirħu mal-familjari u l-għeżież tagħna anki bl-ikliet u l-festini li se niċċelebraw.

Nawguralek minn qalbi Milied Qaddis!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading