Il-Vanġelu tat-Tbatija

Print Friendly, PDF & Email

Minn Patri Juan de Bono ocd

Fl-1984, San Ġwanni Pawlu II kiteb Ittra Apostolika, Salvifici Doloris, li fiha rrifletta dwar it-tema taħraq tat-tbatija fil-ħajja tal-bniedem. Din ir-riflessjoni mhux biss titfa’ dawl fuq din ir-rejalta’ umana, li ħadd ma jista’ jaħrab minnha, imma wkoll żgur li tagħmel ħafna kuraġġ li min iħossu mgħattan taħt it-toqol tas-salib.

Kull persuna ssaqsi: ‘għalfejn it-tbatija?’, ‘għalfejn jiena qiegħed inbati?’, ‘għalfejn il-bniedem ġust, ukoll jeħtieġ ibati, u biex tagħqad spiss ibati proprju għax ikun twajjeb u subgħajh dritt?’ U allura tiġi waħedha l-mistoqsija, fejn hu Alla meta l-bniedem ikun qiegħed ibati?

Anki jekk iva, ilkoll nifhmu li ċertu tbatija, l-aktar dik marbuta ma’ stili ta’ ħajja xejn ‘tajbin’, jikkrejaw tbatija lil persuna kkonċernata, u ‘l dawk ta’ madwarhom, imma huwa veru wkoll li ħafna mit-tbatija li l-bniedem jgħaddi minnha tasal fuqu bla ma l-bniedem stess ikollu ebda ħtija diretta. Kemm ġenituri per eżempju jkollhom qalbhom maqsuma minħabba wliedhom, ukoll jekk dawn ikunu rabbewhom bl-akbar għożża.

Il-ktieb ta’ Ġiobbe huwa test ispirat fl-Iskrittura, li jirrispondi għal dawn id-domanda. Ġiobbe il-bniedem ġust, li jispiċċa jitlef ġidu kollu, jitlef lil uliedu, u jimrad, li imma mhux biss ma jeħodhiex kontra Alla, talli ta’ bniedem ta’ fidi kbira li kien, spiċċa jiddikjara: ‘Alla tagħani, u Alla ħadli’, ukoll jekk Alla ma kien ħadlu xejn. Pjuttost, Alla kien aktar qrib ta’ Ġiobbe waqt dawk il-mumenti ta’ dalma, bħalma ġenitur ikun l-aktar qrib tal-maħbubin uliedhom, meta dawn l-aktar li jkunu batuti.  

Imma jekk Ġiobbe kien bniedem ġust, qatt ma seta’ kien kompletament bla ebda ħtija bħalma kien Ġesu’ Kristu, it-Tieni Persuna tat-Trinita’, li ġie ttradut minn wieħed minn dawk li fuqu Ġesù kien qiegħed il-fiduċja sħiħa tiegħU, kellu jġorr salib tqil fuq spallejH mimlija ġrieħi, għal għonq triq dejqa, b’umiljazjoni li żgur li ma kienetx tixraqlu, u wara siegħat ta’ swat bla ħniena ta’ xejn, bla rqad, u meta wasal fil-quċċata tal-għolja, imsiemer kiefra nifdulu jdejH u riġlejH, u minnhom dendluH, sa ma miet. Mewta riservata għal agħar kriminali, minxur għaż-żufjett u ż-żeblih ta’ kulħadd, b’Ommu qalb maqsuma taħt is-Salib tiegħU.

Meta nħarsu lejn l-Imsallab mhux biss nintebħu kemm hi kbira l-imħabba ta’ Alla lejna, imma nifhmu li m’hemmx hena vera u sħiħa bla tbatija li tippreċedieha. Wara dik it-tbatija kollha, Kristu qam mil-qabar, u issa jinsab mil-ġdid mal-Missier. Il-Qawmien jiġi wara l-mewt u mhux qabel. Kwalsijasi rebħa tiġi wara żmien twil ta’ eżerċitazjoni.

Alla ma ħalaqx it-tbatija. Din daħlet fis-sistema umana, wara li l-bniedem ma obdiex lil Alla, li kien qallu biex ma jiftaħx dawk l-ittri eletroniċi li s-sistema waħedha kienet ġa tkun bagħtet awtomatikament fl-ispam file. Imma l-bniedem ġie ingannat mis-serp, u fettillu jiftaħ dan il-file li Alla qallu ma jiftaħx, u hekku li issa aħna li ninsabu fuq dan il-kompjuter ġejna nfettati minn dak il-virus infettiv, u għadna nġorru sallum l-effett tad-diżubbidjenza tal-bniedem.

Bil-Qawmien tiegħU mil-mewt, Ġesù wriena li aħna wkoll nistgħu nkunu parti minn dik ir-rebħa Glorjuża tiegħU. Iċ-ċelebrazjoni Ewkaristika (jiġifieri l-quddiesa), flimkien mat-tbatijiet kbar u żgħar tal-ħajja ta’ kull jumn, huma l-mezz kif aħna nissieħbu llum mal-passjoni redentiva ta’ Kristu, li twassalna biex eventwalment nieħdu sehem fir-rebħa ta’ Kristu, u dan minn issa stess.

Min jingħaqad ma’ Kristu fit-tbatija tiegħu, diġa qiegħed igawdi mir-rebħa li se tasal b’mod sħiħ aktar ‘l quddiem, imma li diġa tħalli l-bniedem fil-paċi minn issa stess. Min iżda jgħix it-tbatija barra mil-loġika ta’ Kristu u tas-salib tiegħU (li l-bniedem ‘modern’ irid ineħħi), it-toqol tas-salib, li xorta waħda l-bniedem ikollu jġorr, i) isir wisq tqil għalih, ii) is-saħħa fiżika tmur lura b’rata mgħaġġla, u dak li hu agħar, din it-triq iii) twassal biss sa’ qabar jinten.

It-tbatija hi iva effett dirett ta’ għażla żbaljata tal-bniedem, imma Kristu uża l-istess tbatija umana, li Hu għax tassew ħabbna għadda minnha, imma li issa saret il-mezz biex aħna stess insalvaw.

O felix culpa inkantaw fl-Exultet li tiftaħ il-velja tal-Għid. Mhux ta’ b’xejn li l-Papa jitkellem għalhekk dwar il-Vanġelu (aħbar tajba) tat-Tbatija. ‘L fejn qiegħed tħares int: lejn qabar umdu u mimli mewt, jew lejn ħajja li ma tintemm qatt?

%d bloggers like this: