Is-Seba’ Kelmiet ta’ Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

Ktieb ta’ meditazzjoni dwar l-aħħar seba’ kelmiet ta’ Ġesù minn fuq is-salib

Michael Caruana

Is-Seba’ Kelmiet ta’ Ġesù, kitba ta’ Patri Martin Micallef OFM Cap, hu t-titlu tal-ktieb li għadhu kemm ġie ppubblikat mid-Dar tal-Pubblikazzjonijiet ‘Reliġjon u Ħajja’ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali.

Fl-introduzzjoni tal-ktieb, Fr Martin jikteb li “t-tradizzjoni Nisranija tislet is-Seba’ Kelmiet ta’ Kristu minn fuq is-salib bħala meditazzjoni għal wieħed mill-aqwa waqtiet fis-sena liturġika: il-Ġimgħa Mqaddsa. Is-Seba’ Kelmiet huma seba’ waqtiet differenti li fihom Ġesù tkellem waqt li kien imsallab. Dawn il-Kelmiet insibuhom imxerrda fl-erba’ Evanġelji u huma indirizzati lil persuni differenti, fosthom lill-ħalliel it-tajjeb, lil omm Ġesù u lid-dixxiplu l-maħbub, imma fuq kollox lill-Missier tas-Sema li miegħu Ġesù żamm djalogu kostanti saħansitra anki waqt li kien qed imut.

Maż-żmien, il-kliem li Ġesù tenna minn fuq is-salib ġie magħqud flimkien f’sekwenza waħda f’mixja ta’ riflessjoni spiritwali li tmur taħt l-isem ta’ “Is-Seba’ Kelmiet tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu”. L-Ewwel Kelma nsibuha fl-Evanġelju skont San Luqa u tagħmel parti mid-djalogu bejn Ġesù u l-Missier: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. It-Tieni Kelma hi meħuda wkoll mill-Evanġelju skont San Luqa u hi indirizzata lill-ħalliel it-tajjeb: “Fis-sewwa ngħidlek: illum stess tkun miegħi l-Ġenna”. It-Tielet Kelma hi mtennija lil omm Ġesù u nsibuha fl-Evanġelju skont San Ġwann: “Mara hawn hu ibnek” u “Hawn hi ommok”.

Ir-Raba’ Kelma nsibuha fl-Evanġelju skont San Mark kif ukoll f’dak ta’ San Mattew: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Il-Ħames Kelma hi meħuda mill-Evanġelju skont San Ġwann: “Għandi l-għatx”. Is-Sitt Kelma hi wkoll meħuda mill-Evanġelju skont San Ġwann u din tifforma l-aħħar kelma ta’ Ġesù f’dan l-Evanġelju:“Kollox hu mitmum”. Is-Seba’ Kelma hi ppreżentata bħala l-aħħar kelma li ħarġet minn fomm Ġesù: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi”.

Fr Martin jgħid li hu tassew impressjonanti taqra dawn is-seba’ Kelmiet ta’ Ġesù f’daqqa. “Hekk kif kien qed joqrob biex imut, Ġesù wriena dak li kien hemm fil-qalb tiegħu: sentimenti u rieda ta’ maħfra, ta’ abbandun u ta’ fiduċja bla qies lejn Missieru”.  L-eżerċizzju tas-Seba’ Kelmiet ta’ Ġesù jibqa’ wieħed spiritwali b’xejra meditattiva fuq dan it-testment spiritwali li Ġesù ħallielna hekk kif kien qed imut.

Fil-meditazzjonijiet dwar l-aħħar Seba’ Kelmiet ta’ Ġesù minn fuq is-Salib kif miġbura f’dan il-ktieb, l-awtur ipprova jurina x’sens għandhom fil-mixja tagħna wara Ġesù llum. Mixja li tixbaħ lil dik tad-dixxipli ta’ Għemmaws li wara li raw lil Ġesù mejjet mas-salib, ħasbu li kien spiċċa kollox. Nitolbu għalhekk biex dawn is-seba’ kelmiet ta’ Ġesù jmissu l-qalb tagħna wkoll u jkebbsuha b’aktar imħabba lejh.

Il-ktieb Is-Seba’ Kelmiet ta’ Ġesù qed jinbiegħ mill-ħwienet Emmaus ta’ Birkirkara u Victoria Għawdex jew online għall-prezz ta’ €5.

%d bloggers like this: