Via Afflictionis ta’ Parti Elia Vella

Print Friendly, PDF & Email

Meditazzjoni ġdida dwar t-triq tat-tbatija psikoloġika ta’ Ġesù
Jalla din it-triq tkun it-terapija ta’ Kristu għalik f’mumenti ta’ tbatija u qtigħ il-qalb

Michael Caruana

Id-Dar tal-Pubblikazzjonijiet Reliġjon u Ħajja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali qed tagħtina ktieb ieħor għaż-żminijiet li qed ngħixu fihom: il-ktieb Via Afflictionis ta’ Parti Elia Vella.

Fl-introduzzjoni tal-ktieb, Patri Elia jgħid li waħda mill-aktar dovozzjonijiet popolari fil-kult Nisrani hi t-Triq Tas-Salib (il-Via Crucis). Permezz tagħha l-Insara jimmeditaw u jirriflettu fuq it-tbatija li sofra Ġesù fi triqtu lejn it-telgħa tal-Kalvarju. Hu jgħid li din il-meditazzjoni fuq il-passjoni ta’ Ġesù tista’ tkebbes ġo qalbna l-indiema Nisranija, il-konversjoni, l-imħabba u l-impenn tagħna biex ikollna relazzjoni aktar itima ma’ Ġesù li ħabbna qabel ma qatt konna nħobbuh aħna.

Il-meditazzjoni tat-tbatija fiżika ta’ Ġesù tagħtina għalhekk is-saħħa kollha biex naffrontaw bi qlubija t-tbatija tagħna billi ngħaqqduha ma’ dik ta’ Ġesù.

Hu jissokta li minbarra t-Triq tas-Salib ħafna Nsara llum qed jitolbu permezz tat-Triq ta’ Marija (il-Via Matrix), devozzjoni pjuttost ġdida, li tikkonsisti f’meditazzjoni ta’ siegħa ma’ Marija fit-tbatijiet kollha tagħha speċjalment matul il-jiem meta Binha tpoġġa fil-qabar sakemm qam mill-mewt.

Iżda f’dan il-ktieb Patri Elia Vella qed jippreżentalna triq oħra, dik li hu jsejħilha t-Triq tat-Tbatija (Via Afflictionis), li matulha nimmeditaw fuq it-tbatija psikoloġika ta’ Ġesù. L-awtur jgħid li minbarra li Ġesù bata tbatija fiżika tremenda, hu bata ħafna wkoll psikoloġikament. Hu sofra l-biża’, it-tentazzjoni, ir-rabja, it-tensjonijiet, is-solitudni u ċ-ċaħda tiegħu nnifsu. Kważi ninsew, isostni Patri Elia, li Hu ma ħelisx minn dawn it-tipi ta’ tbatijijiet kollha.

Hu jgħid li l-iskop tat-Triq tat-Tbatija hu preċiżament biex nimxu ma’ Ġesù fit-tbatija psikoloġika kollha tiegħu u b’hekk inqiegħdu f’qalbu n-nuqqasijiet psikoloġiċi kollha tagħna. Permezz tal-mewt tiegħu, hu feda l-mewt tagħna. Permezz tat-tbatija fiżika tiegħu, hu feda t-tbatija fiżika tasgħna. Permezz tat-tbatija psikoloġika tiegħu, hu feda t-tbatija psikoloġika tagħna. Bħallikieku, isostni Patri Elia, qed tiġi mistieden tiggranfa miegħu biex it-tbatija tiegħu tkun tista’ tifdi t-tbatija tiegħek: jekk int qed tibża’, iggranfa ma’ Ġesù beżgħan; jekk int irrabjat, iggranfa ma’ Ġesù rrabjat, jekk int qed tħossok imwarrab, iggranfa ma’ Ġesù mwarrab, u jekk int qed tħossok waħdek, iggranfa ma’ Ġesù li ħass is-solitudni.

B’dan il-mod, jenfasizza Patri Elia Vella, it-tbatija tiegħu tifdi t-tbatija tiegħek. It-tbatija tiegħu tagħtik il-qawwa biex int tibqa’ miexi ’l quddiem minkejja kollox. Jalla din It-Triq tat-Tbatija tkun it-terapija ta’ Kristu għalik f’mumenti ta’ tbatija u qtigħ il-qalb.

Il-ktieb Via Afflictionis qed jinbiegħ mill-ħwienet Emmaus f’Birkirkara u Victoria Għawdex jew online għall-prezz ta’ €6.   

%d bloggers like this: