L-Għid ifisser rebħa fuq id-dnub u l-mewt

Print Friendly, PDF & Email

Minn Angelo Xuereb

L-aqwa festa Liturġika tal-Knisja hija dik tal-Għid. Fiha l-Knisja tiċċelebra l-qawmien mill-imwiet ta’ Sidna Ġesù Kristu bħala rebħa fuq id-dnub u l-mewt.

Kristu huwa l-ħaruf tal-Għid tagħna

Infatti l-kelma Għid bil-Malti tfisser festa. Iżda bil-Lhudi hija “Pesah” li tfisser xi ħadd li jaqbeż jew jgħaddi. Dan ifakkarna fil-bidu ta’ din il-festa meta Alla ordna lill Mosè biex iraxxax id-demm mal-koxox tal-bibien sabiex “Il-Mulej jaqbeż” id-djar tal-Lhud. Meta din l-kelma ġiet maqluba għall-Grieg u l-Latin ġiet translitterata, jiġifieri qabdu kull ittra tagħha u għamluha b’alfabet ieħor. Iżda fil-lingwa Ingliża ġiet tradotta tajjeb ħafna: “passover” jiġifieri mogħdija.

Għalkemm nafu li din il-festa tal-Għid kienet teżizti fost il-poplu Lhudi, madankollu Alla ordna lil Mosè biex jagħmilha bħala tifkira tal-ħruġ tiegħu mill-Eġittu. B’dan il-mod il-festa tal-Għid kienet tfisser il-mogħdija tal-poplu Lhudi mill-jasar għall-ħelsien fl-art imwiegħda.

Fost il-Lhud din il-festa kienet tiġi ċelebrata permezz tal-qtil u l-ikel tal- ħaruf mixwi. Is-Sinottiċi jiġifieri (Mattew, Mark, u Luqa) jgħidulna li l-aħħar ikla ta’ Sidna Ġesù Kristu kienet l-ikla tal-Għid. San Ġwann ipoġġi l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu waqt li l-ħrief kienu qegħdin jinqatlu fit-tempju.

Kif fit-Testment il-Qadim il-qofol tal-ikla tal-Għid kien fl-ikel tal-ħaruf, hekk ukoll fit-Testment il-Ġdid, Sidna Ġesù Kristu miet bħala l-ħaruf li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Il-Knisja primittiva fehmet dan il-messaġġ ċar tant li San Pawl jeżorta lin-nies ta’ Korintu: “Għax il-Għid tagħna li huwa Kristu huwa maqtul” ( 1 Kor 5,7).

Sidna Ġesù Kristu miet mewt ħarxa fuq is-salib sabiex jitneħħa d-dnub tad-dinja. Iżda huwa rebaħ id-dnub u l-mewt billi fit-tielet jum qam glorjuż biex ma jmutx aktar. Il-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu jurina li huwa tassew verament Alla billi rebaħ il-mewt. Naraw diversi fundaturi ta’ reliġjonijiet li ħabbru messaġġ ġdid. Iżda ħadd minnhom ma qam minn bejn l-imwiet. Dan għamlu biss Sidna Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.

Għalhekk il-Għid nisrani, huwa tifkira tal-ħelsien tagħna mid-dnub u l-mewt. Jekk noqogħdu nirriflettu u nimmeditaw il-Liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa naraw li din il-festa għandha bosta tagħlim għalina.

L-Għid huwa rebħa fuq it-Tbatija … Infatti Sidna Ġesù Kristu qabel ma qam glorjuż kellu jgħaddi minn passjoni u l-mewt tat-tislib li kienet tingħata lill-persuni kriminali. B’dan il-mod jekk nissiebħu “ma Kristu, fi Kristu, u bi Kristu” nittamaw li kull tbatija li nġarrbu f’din il-ħajja hija rebħ. Mill-esperjenza naraw li kemm jekk wieħed jagħżel li jerfa’ salibu ma’ Kristu jew imbiegħed minnu xorta waħda ser ibati. Imma hemm differenza. Dawk li jbatu ma’ Kristu għandhom tama kbira li kif Kristu rebaħ it-tbatija, huma se jirbħu wkoll jekk mhux f’din id-dinja fl-oħra.

L-Għid huwa rebha fuq il-mewt … Kristu miet verament iżda fit-tielet jum qam glorjuż. Din hija garanzija għalina li jekk immutu fil-grazzja ta’ Alla, hemm ħajja oħra wara l-mewt għar-ruħ kif wkoll qawmien tal-ġisem fl-aħħar jum. Dan ma jfissirx li ma nibżgħux mill-mewt jew ma nħossux it-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalina. Iżda ta’ min jiftakar li jekk verament nemmnu fil-qawmien ta’ Kristu nimtlew b’tama u ferħ u nħarsu lejn il-mewt bħala laqgħa ma’ Kristu.

L-Għid huwa rebħa fuq id-dnub … San Tumas  ta’ Akwinu jgħidilna li Sidna Ġesù Kristu sofra biex jeħlisna mid-dnub kif wkoll biex jagħtina eżempju ta’ kif għandna nsofru. Għalhekk kull darba li nagħmlu xi sagrifiċċju biex negħlbu xi tentazzjoni jew waqgħa fi dnub inkunu qegħdin inbatu bil-garanzija li din ma hijiex telf iżda rebħa ma’ Kristu.

L-Għid jgħallimna l-maħfra…. Kristu miet fuq is-salib biex jinħafrulna dnubietna. Qabel miet huwa stess talab għal dawk li sallbuh billi lissen dawn il-kelmiet: “Missier, aħfrilhom; għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 24). La darba huwa miet biex jaħfrilna dnubietna, kif wkoll waħda mis-seba’ kelmiet tiegħu kienet waħda ta’ maħfra, jistenniena li nagħmlu hekk mal-proxxmu tagħna.

L-Għid jfisser tama, ferħ u rebħa. Hekk min jgħix dan il-messaġġ mhux ser ikun imdejjaq iżda jsib il-veru hena li jaf jagħtih Alla biss għal dawk li jimxu fuq l-ispirtu tal-Vanġelu.

Rebħa fuqna nfusna …  Fuq kollox l-Għid jgħallimna biex insallbu l-egoiżmu tagħna sabiex inqumu rebbieħa ma’ Kristu. Jekk naqraw il-ktieb klassiku tal-Imitazzjoni ta’ Kristu naraw kemm iwissina biex negħlbu l-imħabba ħażina tagħna nfusna. L-istess tagħmel Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù. Dawn meta kienu jitkellmu fuq l-imħabba tagħna nfusna ma kinux qegħdin ifissru r-rispett li għandu jkollna lejna nfusna iżda fuq l-imħabba bla kontroll. Jekk infittxu l-interessi tagħna biss; jekk irridu nissudisfaw lilna nfusna f’kollox; jekk irridu nagħmlu ta’ rasna żgur li m’aħniex fit-triq it-tajba. Għalhekk meta għall-imħabba ta’ Kristu, niċħdu l-egoiżmu tagħna b’ħarsa lejn Ġesù msallab, ser nissieħbu fil-misteru tal-Għid.

L-Għid huwa misteru

Il-misteru tal-Għid tifhmu biss fid-dawl tal-fidi. Minn banda waħda Ġesù jgħidilna li rridu nbatu u fl-istess waqt li nirxuxtaw. Donnhom jidhru żewġ ħwejjeġ opposti, iżda fi Kristu u għal min jimxi warajh għandhom sinjifikat.

 Iżda l-Għid iġibilna l-ferħ u l-paċi. Meta niftakru fir-rebħa li għamel Kristu nagħmlu kuraġġ. Niftakru li din hija l-aqwa garanzija li jista’ jagħtina. Jekk nissieħbu miegħu sejrin inqumu glorjużi fl-aħħar jum. Din hija l-wegħda tiegħu.

F’dan il-misteru nġibu quddiem għajnejna lil Kristu rebbieħ. Dan jurina li l-Kristjaneżmu għalkemm jitlob li niċċaħħdu u nikkontrollaw lilna nfusna ma huwiex reliġjon ta’ dwejjaq iżda ta’ ferħ. Min jara fil-Kristjaneżmu messaġġ negattiv għadu ma fehemx il-messaġġ ta’ Kristu.

Tkun ħaġa li ma tagħmilx sens nimmeditaw fuq il-misteru tal-Għid matul dawn il-festi biss. Dan il-misteru huwa tant kbir li rridu nġibuh quddiem għajnejna matul is-sena kollha.

%d bloggers like this: