Ħu l-Kurċifiss tiegħek, ħares, isma” (Santa Eliżabetta tat-Trinita’).
Minn Patri Juan de Bono ocd
Purċissjonijiet marbuta mar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa
Nhar il-Ħadd 26 ta’ Marzu kont għaddej minn Strada Rjali, il-Ħamrun u sibt it-triq magħluqa. Kienet għaddejja purċissjoni li lejn it-tmiem tagħha kien hemm Relikwa ‘tal-verulinju’ (Relikwa li skond it-tradizjoni hija parti mis-Salib ta’ Ġesù), u Kurċifiss mindud merfgħuh fuq bradella, u b’folla mdaqqsa miexja wara. Ikolli nistqar li ma stajtx inżomm id-dmugħ minn għajnejja meta rajt din ix-xena, meta ftakart fl-imħabba li Alla għandu lejna.
Il-ktieb il-kbir
San Ġorġ Preca kien jirreferi għal-Kurċifiss bħala l-ktieb il-kbir. Għal Dun Ġorġ il-Kurċifiss huwa bħal ktieb li aktar ma taqra minnu, aktar jkun baqgħalek x’taqra. Hu bħal bir li aktar ma’ ttellgħa ilma minnu, aktar jibda’ ġej ilma, għax ġewwa fih ikun hemm tnixxi, bla ma forsi wieħed ikun intebaħ qabel, għajn ta’ ilma ġieri. Santa Eliżabetta tat-Trinita’ hekk tikteb lil oħtha: “ejjew inħobbu fuq kollox, lilU! U l-meditazzjoni? Nagħtik parir li tissemplifika l-kotba kollha tiegħek, li timtela ftit inqas, int tintebaħ li dan hu ħafna aħjar. Ħu l-Kurċifiss tiegħek, ħares, isma” (Ittra 93).
Għala ma tiġix ċċelebrata l-Quddiesa nhar il-Ġimgħa l-Kbira?
F’xi wħud mil-bliet u mill-irħula tagħna nhar il-Ġimgħa Kbira isiru diversi purċisjonijiet marbuta ma’ dan il-jum. Fil-knejjes imbagħad għal ħabta tat-Tlieta ta’ wara’ nofsinhar issir funzjoni li fiha titfakkar il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Dakinhar għalhekk ma tiġix iċċelebrata Quddiesa, imma issir funzjoni, li fiha l-ewwel tinqara l-passjoni ta’ Ġesù, imbagħad issir l-adorazjoni tas-Salib, u kollox jintemm bit-Tqarbin.
Wieħed għandu mnejn isaqsi, imma għala dakinhar ma tiġix ċċelebrata quddiesa? Ir-risposta hija sempliċi: kull darba li tiġi ċċelebrata quddiesa, aħna mhux biss inkunu qegħdin infakkru l-mewt ta’ Ġesù (bħala bniedem Ġesù miet darba biss) imma nkunu qegħdin niċċelebraw u ngħixu mil-ġdid il-Qawmien ta’ Ġesù, u l-Knisja dakinhar, aktar minn jiem oħra, tixtieqna li nirriflettu l-aktar fuq il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù.
L-għada mbagħad tiġi ċċelebrata l-Velja tal-Għid, fejn infakkru il-passjoni, il-mewt ta’ Ġesù u l-Qawmien ta’ Ġesù. Kull darba li matul is-sena tiġi ċċelebrata l-quddiesa, aħna nkunu qegħdin niċċelebraw dak kollu li nfakkru matul il-Ġimgħa Mqaddsa, jiġiferi d-dħul glorjuż ta’ Ġesù ġewwa Ġerusalemm (Ħadd il-palm), il-ħasil tar-riġlejn u t-twaqqif tal-Ewkaristija (Ħamis ix-Xirka), il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù (il-Ġimgħa l-Kbira) u l-Qawmien ta’ Ġesu’ (Sibt il-Għid), f’kelma waħda il-misteru sħiħ ta’ Kristu.
Bews tal-Kurċifiss
Waqt il-funzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, aħna msejħin biex nitilgħu f’purċisjoni u nbusu l-Kurċifis. Sa minn tfuliti, dan l-att liturġiku dejjem ġagħalni nirrifletti. Kif jista’ wieħed jasal li jbus is-Salib? Fi kliem ieħor kif jista’ wieħed jasal biex juri l-imħabba tiegħu (espressa permezz ta’ bewsa) lejn dak li jkun qiegħed itaqqallu spalltu? Wieħed jasal li jagħmel dan għax wara li miet Ġesù, u wara li ġie midfun f’qabar vojt, Ġesù qam rebbieħ. Is-salib għalhekk mhux l-aħħar kelma, huwa s-sinjal tar-rebħa li Kristu għamel fuq il-mewt u t-tbatija.
Li team tal-futbol jaqla’ sitt goals fl-ewwel tmenin minuta hija umiljanti għall-aħħar, sija għat-team u sija għal players li jkunu qegħdin jilgħabu f’dik il-logħba. Imma jekk fl-aħħar għaxar minuti, dak it-team jirnexxilu jiskorja sebgħa goals, u eventwalment itemm il-logħba b’rebħa, dik ir-rebħa tispiċċa titfa’ dell ta’ prestiġju fuq it-team innifsu, u fuq kull wieħed mil-players involuti f’dik il-logħba.
Rebbieħa ma’ Kristu
Iva, is-Salib hu “tfixkil għal-Lhud u bluha għall-pagani” (1 Kor 1: 23f). Il-Kurċifiss li persuna ġġorr m’għonqha, jew li persuna iddendel id-dar, jew li naraw espost f’postijiet pubbliċi jew fit-toroq tagħna, ifakkruna li Kristu rebaħ il-mewt u t-tbatija.
Is-Salib hu sinjal ta’ rebħa mhux biss għal Kristu, imma għal kull bniedem. Ukoll dawk li qatt ma semgħu bi Kristu, spiss bla ma jkunu konxji jkunu qegħdin igħixu d-dinamika li ngħixu matul il-Ġimgħa Mqadda, jiġifieri jkunu qegħdin jgħixu dik id-dinamika ta’ għotja sħiħa għall-oħrajn mingħajr ma jistennew xejn lura, eżatt bħal Kristu. Kemm ġenituri jgħixu din id-dinamika ta’ għotja sħiħa u disinteressata lejn uliedhom? Kemm persuni ġenerużi u empatiċi jgħixu dan fil-ħajja tagħhom ta’ kulljum? Dawn kollha għandhom sehem fir-rebħa ta’ Kristu, għax miegħU qegħdin iterrqu it-triq tal-Kalvarju. Is-Salib huwa sinjal li kontinwament ifakkarna li aħna maħbuba, li aħna ġejna maħfura, u fuq kollox li aħna rebbieħa.