“Alla poġġa fina l-Ispirtu tiegħu għax ħa grazzja magħna”

Print Friendly, PDF & Email

L-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma, lis-saċerdoti f’Ħamis ix-Xirka filgħodu …

“Aħjar titkellmu magħna, milli titkellmu fuqna”. B’dan il-kliem qawwi l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma eżorta lill-ġemgħa miġbura għall-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut dalgħodu fil-Katidral ta’ Għawdex.

Hu qal dan fit-tislima qabel il-barka tal-aħħar, fejn irringrazzja mill-ġdid lis-saċerdoti tal-ministeru tagħhom b’risq il-poplu ta’ Alla, imbagħad dar fuq il-lajċi biex lilhom ukoll jirringrazzjahom tal-kollaborazzjoni tagħhom mas-saċerdoti.

Iktar kmieni fl-omelija l-Isqof kien diġà għamel sejħa qawwija lis-saċerdoti biex jieħdu ħsieb ta’ xulxin. Hu tkellem dwar kif il-missjoni ta’ kull saċerdot hi waħda “relazzjonali”, fejn mhux jittratta ma’ kotra imma ma’ “persuni b’isimhom u kunjomhom”.

Hawn ħeġġiġhom biex ma jibżgħux mill-isfidi ta’ persuni li jiġu fil-bżonn tagħhom. “Inneħħu x-xkiel minn qalbna dgħajfa”, stedinhom l-Isqof, “biex nistgħu nwettqu l-mandat li tana Ġesù”. Fost dan ix-xkiel jista’ jkun hemm l-ispirtu tat-trobbija, tal-karattru, tal-istorja personali, imma flok dan, is-saċerdot għandu jħalli jidħol l-Ispirtu ta’ Alla.

Il-kliem li Ġesù kkowta minn Iżaija fis-sinagoga ta’ Nazaret (Lq 4:16-21; Iż 61:1-3a,6a,8b,9), fil-“Vanġelu hekk għażiż” imxandar fil-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka filgħodu, juri li l-Ispirtu s-Santu tassew “qiegħed fuqna bħalissa… fil-preżent”, qal l-Isqof Teuma lis-saċerdoti tiegħu, għax “aħna kkonsagrati minnu kontinwament”. Dejjem b’riferenza għas-saċerdoti, l-Isqof kompla jinsisti li “l-ewwel li ħabbar u ħeles” kien “lilna”.

“Alla poġġa fina l-Ispirtu tiegħu għax ħa grazzja magħna”, qal l-Isqof Anton lil numru sabiħ ta’ saċerdoti miġbura fil-Katidral tal-Assunta. Fakkar kif l-Ordinazzjoni għamlithom aħwa ta’ xulxin u biha l-Ispirtu tahom dinjità li huma msejħa jħarsu u jiddefendu fi spirtu veru ta’ fraternità. Għalhekk ħeġġiġhom biex jieħdu ħsieb ta’ xulxin, speċjalment tad-dgħajfa fosthom.

Imma fuq kollox, spjega l-Isqof ta’ Għawdex fl-omelija tiegħu, il-Vanġelu jpoġġi l-‘mission statement’ ta’ Ġesù Kristu li għandha ssir ukoll il-viżjoni pastorali tal-ħajja ministerjali ta’ kull saċerdot.

Dan qabelxejn jikkonsisti fix-xandir tal-Kelma ta’ Alla. Għalhekk il-ħin u l-enerġija ta’ kull saċerdot għandha ddur “max-xandir tal-Verb”. Ġesù nnifsu fil-Vanġelu jirrepeti għal darba darbtejn li ġie mibgħut ixandar l-Aħbar it-Tajba. Dan għandu jerġa’ jsuq lis-saċerdot biex jitħeġġeġ f’dak li hu speċifikament tiegħu: ix-xandir tal-Vanġelu.

Imma l-istess Vanġelu, kompla l-Isqof, juri wkoll x’karità konkreta għandha toħroġ bħala frott ta’ dan ix-xandir, u hawn Ġesù jispeċifika erba’ kategoriji ta’ “foqra” kif ukoll it-tip partikulari ta’ “terapija pastorali” li trid tiġi applikata magħhom.

Dan hu proċess kontinwu ta’ fejqan fejn is-saċerdot b’sempliċità jaqsam il-ministeru tiegħu mal-oħrajn.

“Nitolbu lill-Mulej li l-Kelma ta’ Alla sseħħ f’widnejna, waqt li qed nisimgħu, biex fil-Kelma tiegħu jagħtina l-Ispirtu tiegħu u sseħħ is-salvazzjoni”, tagħlaq l-omelija tal-Isqof ta’ Għawdex.

Waqt il-quddiesa saru bħal kull sena t-Tiġdid tal-Wegħdiet Saċerdoti u t-Tberik u l-Konsagrazzjoni taż-Żjut imqaddsa.

Filmat: https://www.youtube.com/live/K-dqr-FIN2A?feature=share&t=1492

Ritratti: Djoċesi ta’ Għawdex / Jeremy Scicluna

%d bloggers like this: