Il-Ħamis, 6 ta’ April 2023: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma tal-Quddiesa tat-tberik taż-żjut f’Ħamis ix-Xirka. Katidral tal-Assunta, Victoria.
Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Għeżież ħuti saċerdoti, għeżież Insara, illum hija l-ġurnata tagħna s-saċerdoti. Għandna tassew għaliex ngħidu grazzi lill-Mulej dalgħodu. Ġesù, meta għażel it-Tnax, għażel lil min imbagħad biegħu, ċaħdu, u ħarbu. Wieħed biegħu, l-ieħor ċaħdu u l-għaxra l-oħra ħarbu fil-mument tal-prova. Dan mhux biex nimtlew bis-sens tal-ħtija, anzi bil-maqlub, biex nagħrfu kemm hi b’xejn l-imħabba li Alla għandu għal kull wieħed minna s-saċerdoti. Minkejja li m’aħniex fidili, l-ewwel wieħed jien – forsi fidili fl-għemil, imma mhux fidili fil-qalb żgur –, il-Mulej wera ħniena kbira magħna. Proprju f’din il-ħniena, f’din l-imħabba b’xejn aħna rridu nsibu l-qawwa u l-enerġija, jew aħjar, minn din il-qawwa u l-imħabba b’xejn joħroġ l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla fuq ir-ras, il-qalb u l-persuna ta’ kull wieħed minna.
Ejjew dalgħodu nħarsu ftit lejn l-Evanġelju li għadna kemm smajna (Lq 4:16-21), biex minn hemmhekk nieħdu l-enerġija li tkompli tqawwina, tħeġġiġna, tagħmilna saċerdoti awtentiċi minkejja d-dgħufijiet tagħna. L-Evanġelju b’mod ċar jgħidilna li Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, mimli bil-qawwa tal-Ispirtu li kien irċieva fil-Magħmudija, jibda jdur is-sinagogi u jipprietka; u jinzerta wkoll imur fis-sinagoga ta’ Nazaret mimli b’dan l-Ispirtu ta’ Alla. Alla għoġbu jqiegħed l-Ispirtu tiegħu f’kull wieħed minna, mhux għax jistħoqqilna (kif diġà għidna), imma għax b’xi mod ħa grazzja magħna.
Fil-kapitlu 2 tal-Evanġelju ta’ San Luqa nsibu li Ġesù jmur lura lejn Nazaret minn Ġerusalemm u joqgħod għall-ġenituri tiegħu. Il-kriterju tal-għażliet tiegħu u ta’ ħajtu jkun dak li tgħallem mingħand missieru u ommu. Imma issa f’kapitlu 4 jerġa’ lura lejn Nazaret minn Ġerusalemm, wara li ġie ttentat mix-xitan. Anki hemmhekk, imbuttat mill-Ispirtu s-Santu, jerġa’ lura lejn Nazaret bil-kriterju uniku tal-azzjonijiet tiegħu, tal-għażliet tiegħu, li jkun l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla. Allura dalgħodu l-ewwel mistoqsija li tiġini hi jekk hux l-Ispirtu ta’ Alla jew spirtu ieħor li jmexxini, li jibgħatni; jekk il-motivazzjoni tiegħi, l-enerġija tiegħi, il-molla li fil-ħajja tiegħi żżommni enerġiku u ħaj, hix din il-‘Pneuma’, hix din ir-‘Ruah’, hix din il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jew jekk hix xi ħaġa oħra.
L-Ispirtu, kif jgħidilna l-Evanġelju tal-lum, qiegħed fuqi, qiegħed fuqna fil-preżent: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi” (v. 18), qiegħed fuqek, qiegħed fuqna; “għax hu kkonsagrani” (v. 18), mhux darba kkonsagrana fil-passat, imma aħna kkonsagrati kontinwament. Dan l-Ispirtu ta’ Alla li huwa l-imħabba u l-għotja infinita, li l-ewwel li għamel ħabbar l-Aħbar it-Tajba lilna l-fqajrin, ħeles lilna l-imjassrin, ta kelma ta’ faraġ lilna l-maħqurin, ta d-dawl l-ewwel u qabel kollox lilna għomja. Dan hu l-Ispirtu ta’ Alla li rċevejna: Spirtu ta’ fraternità, Spirtu ta’ komunjoni, l-istess Spirtu li fix-xmara Ġordan lil Ġesù jgħidlu: “Inti Ibni l-għażiż” (Lq 3:22). Hi l-kelma li l-Mulej Alla jgħid kuljum, kull ħin, kull mument, mill-Ordinazzjoni ’l hawn, u anki qabel, lil kull wieħed minna: “Inti ibni l-għażiż”.
Dan ifisser li aħna mhux biss qegħdin fiċ-ċentru tal-qalb ta’ Alla, imma li aħna lkoll aħwa ta’ xulxin. Allura din id-dinjità tagħna ta’ wlied Alla, din il-verità tagħna ta’ aħwa, titlob minna li fl-esperjenza ta’ ħajjitna aħna wkoll nesprimu din il-fraternità, bil-komunjoni ta’ bejnietna, bl-imħabba lejn xulxin, billi noqogħdu attenti kif nitkellmu fuq xulxin, billi niddefendu lil xulxin, billi nħarsu lil xulxin, billi jekk hemm bżonn bi mħabba nkellmu bi twissija ħelwa lil xulxin. Din il-fraternità ma tiġix mid-demm, mil-laħam, imma tiġi mill-Ispirtu ta’ Alla li rċevejna. Jiena nemmen li l-Mulej illum qiegħed isejħilna biex niġġeddu fl-Ispirtu li rċevejna, fl-Ispirtu li qiegħed fuqna, niġġeddu fl-identità tagħna f’Ġesù Kristu r-Ras, f’Ġesù Kristu l-Ġisem. Aħna nirrappreżentaw u nerġgħu nagħtu l-ħajja lil Ġesù Saċerdot fl-esperjenza ta’ ħajjitna.
Imma minbarra din il-fraternità ta’ bejnietna, aħna msejħin u mibgħutin biex nagħtu l-Aħbar it-Tajba lill-fqajrin. Irridu noqogħdu ftit attenti fil-ħajja tagħna bħala saċerdoti, għax jekk dan l-Evanġelju huwa l-viżjoni pastorali li kellu Ġesù, il-‘mission statement’ tiegħu, aħna ma nistgħux nagħmlu ħaġa oħra ħlief li nippruvaw inkunu fih, ħlief li nippruvaw nagħmluh ukoll il-viżjoni pastorali tagħna, il-pjan pastorali tagħna, il-‘mission statement’ ta’ ħajjitna.
X’kienet din il-viżjoni ta’ Ġesù, li jibda biha dan l-Evanġelju hekk għażiż ta’ kapitlu 4 ta’ San Luqa? Hija viżjoni mibnija l-ewwel u qabel kollox fuq ix-xandir tal-Kelma. Aħna, l-ewwel u qabel kollox, bħala saċerdoti msejħin biex inxandru l-Kelma. Allura dalgħodu nistaqsi lili nnifsi jekk il-ħin, jekk l-enerġija, jekk il-preokkupazzjoni prinċipali tiegħi hix ikkonċentrata, iddurx madwar ix-xandir tal-Kelma, tal-Verb, tal-Logos, li hu Ġesù Kristu, jew jekk hux madwar ħaġa oħra. Dalgħodu l-Mulej jagħtina bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu biex nerġgħu nitħeġġu f’dak li hu speċifikament tagħna: ix-xandir tal-Kelma lill-poplu. “Bagħtni nħabbar… bagħatni nwassal il-Bxara t-tajba” (v. 18), jirrepetiha darbtejn fl-Evanġelju tal-lum; u nsibuha iktar minn darbtejn fl-oriġinal li jikkwota f’kapitlu 61 tal-Profeta Iżaija.
Il-Mulej Ġesù lilna bagħatna nwasslu l-Aħbar it-Tajba, imma mhux biss. Il-missjoni ta’ Ġesù ma kinetx biss tikkonsisti f’xandir tal-Kelma, f’Aħbar Tajba; imma wkoll kienet tikkonsisti fl-għajnuna konkreta, fil-karità konkreta, fil-pastorali konkreta, ħarsien konkret tal-ifqar fost il-fqar. L-Evanġelju tal-lum jiddeskrivi erba’ kategoriji ta’ nies li huma batuti. Ma jgħidx sempliċiment: ‘Jien ġejt inwassal l-Aħbar it-Tajba lil min hu batut’, imma jispeċifika l-kategorija tal-batut. Mhux biss, imma jispeċifika t-terapija, it-tip ta’ pastorali skont il-kategorija tal-batut. L-Evanġelju ta’ San Luqa jsemmi 4 kategoriji, waqt li f’kapitlu 61 il-Profeta Iżaija jsemmi 6 kategoriji ta’ persuni batuti u fil-bżonn, biex juri l-attenzjoni speċifika, serja, intensa ta’ Alla tagħna għal min hu għaddej mit-tbatija.
L-ewwel u qabel kollox, dan l-Evanġelju jurina li l-missjoni tagħna hija waħda relazzjonali; hija waħda ta’ relazzjonijiet man-nies, mal-persuni, ma’ individwi, b’isimhom u b’kunjomhom. Mhix relazzjoni ma’ massa, ma’ parroċċa, ma’ komunità, ma’ grupp; imma relazzjoni ma’ persuni b’isimhom u b’kunjomhom. Hija ċara daqs il-kristall, mhux biss fl-Evanġelju tal-lum, imma fil-missjoni pastorali kollha kif ippreżentata lilna minn Ġesù.
Jiena nħoss dalgħodu li l-Mulej Ġesù jixtieq jgħinna u jagħtina l-qawwa biex ma nibżgħux mill-persuni fil-bżonn. Ħafna drabi l-persuna fil-bżonn tippreżentalna sfida. Bir-raġun, l-ewwel reazzjoni tiegħi tkun: ‘Aħjar ma ltqajtx miegħek! Xi trid minni? Kif nista’ ngħinek jien? X’għandi aħjar minnek?’. Bir-raġun din tkun ir-reazzjoni umana tagħna. Imma ma ninsewx li aħna mgħarrqin fl-Ispirtu ta’ Alla, l-Ispirtu li huwa mħabba, l-Ispirtu li jċarrat il-qalb tagħna. Hu li jagħmilha kbira biżżejjed biex tilqa’ lil persuna bil-bżonn tagħha; anki saħansitra bl-ikbar bżonn, il-bżonn tal-ħajja, meta l-persuna tkun qorbot lejn il-mewt. Anki hemmhekk insibuha bi tqila aħna biex inħallu l-Ispirtu ta’ Alla, li huwa ħajja, enerġija, imħabba infinita, biex jaħdem fina ma’ ċerti kategoriji ta’ persuni.
Ejjew nitolbuh lill-Mulej dalgħodu biex jiftħilna l-qalb tagħna, biex ma nfixkluhx, ma ntellfuhx, biex inneħħu kull xkiel minn din qalbna żgħira u dgħajfa, ħalli nkunu nistgħu verament nobdu dan il-mandat, din il-missjoni: aħna mibgħutin, aħna appostli. L-Ispirtu ta’ Alla jrid ikun dak li jimbuttana, u mhux l-ispirtu tal-ġenituri tagħna, l-ispirtu tal-istorja tagħna, tal-familja tagħna, tat-trobbija tagħna, il-karattru tagħna, l-istorja li ġibna mill-passat tagħna. Imma dan l-Ispirtu ta’ Alla li jrid imexxina fil-ħidma tagħna mal-poplu tiegħu.
Fl-aħħar nett, ejjew nitolbu lill-Mulej matul din is-Sena li ddedikajna għall-Kelma tiegħu. Ejjew nitolbu lill-Mulej, li fl-Evanġelju tal-lum qiegħed jagħtina verità, affermazzjoni ċara daqs il-kristall: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu” (v. 21). Il-Kelma ta’ Alla li sseħħ fil-widna tal-bniedem, f’widnejna, isseħħ jekk issib lil min jismagħha, isseħħ waqt li qegħdin nisimgħuha. Il-Kelma ta’ Alla hi qawwija: dak li tgħid twettqu. Ejjew nitolbu lill-Mulej, hu li fil-Kelma tiegħu jagħtina l-Ispirtu tiegħu, biex jagħtina din il-kelma, din il-qawwa li għandna bżonn. Fil-Kelma tiegħu li aħna nisimgħu titwettaq is-salvazzjoni, il-ħelsien, l-ewwel u qabel kollox lilna l-fqajrin, lilna l-imjassrin, lill-maħqurin u l-għomja. Ejjew nitolbuh lill-Mulej jagħtina li ngħaddu minn dan il-proċess kontinwament, mhux darba jew oħra f’ħajjitna; jagħtina li ngħaddu minn dan il-proċess kontinwu ta’ fejqan, biex inkunu nistgħu b’sempliċità naqsmu l-ministeru tagħna mal-oħrajn. Aħna ma aħna aħjar minn ħadd, aħna sempliċiment qaddejja li msejħin li nagħmlu dak li aħna mibgħutin biex nagħmlu.