Il-Passjoni ta’ Ġesù għadha magħna meta l-kefrija tal-bniedem tirbaħ

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 7 ta’ April 2023: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fit-Tifkira Solenni tal-Mewt tal-Mulej fil-Ġimgħa l-Kbira. Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna u nisimgħu r-rakkont tal-passjoni ta’ Ġesù, fil-qalb tagħna jkollna ħafna emozzjonijiet. Jiena nixtieq li llum aħna u niftakru fil-passjoni ta’ Sidna nifhmu li dan il-mument traġiku fl-istorja tal-umanità, f’ħafna modi għadu magħna, għadu magħna kull meta l-innoċenti jbatu bla ħtija, għadu magħna fil-vittmi tal-inġustizzja, għadu magħna fil-qtil tal-innoċenti – kemm nisa u kemm irġiel, għadu magħna meta l-kefrija tal-bniedem donnha tirbaħ. Imma l-Mulej merfugħ ’il fuq li jiġbidna lejh bl-umiltà, bis-sabar tiegħu hemm ukoll faraġ, saħħa, mediċina u fejqan.

Kemm hi qawwija l-profezija ta’ Iżaija li l-Knisja tfakkar kull sena f’dan il-mument solenni. “Tawh qabar mal-ħżiena, mal-għonja difnuh għalkemm ma għamel l-ebda deni u minn fommu ma ħareġ ebda qerq. Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard. Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni huwa għad jara nisel u jittawwal jiemu u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih” (Iż 53:9-10). Il-profezija ta’ Iżaija mhux biss titkellem fuq l-umiljazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla, fuq is-silenzju tiegħu, ir-rassenjazzjoni tiegħu, il-manswetudni tiegħu. Imma wkoll titkellem fuq il-qawwa tas-sofferenza tiegħu bħala sagrifiċċju ta’ riparazzjoni. Iva, Ġesù fit-tbatija tiegħu jpatti għad-dnubiet tiegħi u tiegħek.

Imma hemm ukoll il-profezija tar-rebħa: “Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni u għad jara nisel u jtawwal jiemu”. Min hu dan in-nisel jekk mhux aħna? Kif jittawwal il-jum tal-Mulej jekk mhux permezz tal-ħidma tagħna? Aħna bħala komunità li nemmnu nagħrfu li kultant nogħtru fil-mixja tagħna warajh, ma naddottawx bilfors l-istil tiegħu. Imma llum nitolbuh il-grazzja biex aħna bħalu nkunu preżenza ta’ dawl, preżenza li tagħti tama, li aħna nkunu nisel ta’ dawk li jħobbuh, ta’ nisel ta’ dawk li quddiemu nberkuh. ‘Nadurawk, O Ġesù u nberkuk’, hekk ngħidu, ‘għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna’.

Ġesù fit-tbatija tiegħu jpatti għad-dnubiet tiegħi u tiegħek.

“Il-ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu” (Iż 53:11). Ejjew nitolbu biex aħna li aħna mifdijin bid-demm għażiż ta’ Ġesù, nagħrfu kemm hu prezzjuż dan id-demm u ngħixu ħajja ta’ min jixtieq ikun parti min-nisel ta’ Ġesù li jtawwal il-jiem ta’ dan il-qaddej ta’ Alla sieket, ubbidjenti, sofferenti imma rebbiegħ.

Nadurawk, O Ġesù u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 52:13 – 53:12
Salm: 30 (31):2,6,12-13,15-16,17,25
Qari II: Lhud 4:14-16; 5:7-9
L-Evanġelju: Ġw 18:1 – 19:42

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: