VJAĠĠ APOSTOLIKU FI SPANJA
QUDDIESA B’ORDINAZZJONI SAĊERDOTALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Valencia, 8 ta’ Novembru 1982
Għeżież ħuti fis-Saċerdozju,
għeżież ħuti.
1. Illum aħna xhieda ta’ ġrajja kbira. Mija u erbgħin djaknu minn Spanja kollha, se jirċievu l-ordinazzjoni saċerdotali. F’din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika qegħdin jassoċjaw ruħhom ħafna saċerdoti mid-diversi dijoċesijiet ta’ Art Twelidkom. Huma lkoll mistiedna f’din il-belt biex jerġgħu jgħixu l-jum tal-ordinazzjoni tagħhom.
Ippermettuli li nsellem qabel xejn lir-Ragħaj ta’ din il-Knisja partikolari u lill-Isqfijiet preżenti, lis-saċerdoti u lis-seminaristi, lil dawk li ddedikaw ruħhom lil Alla b’konsagrazzjoni speċjali, lill-poplu nobbli kollu ta’ Valenzia, tar-reġġjun tagħha u ta’ Spanja kollha, u dawk li nġabru f’dan il-vjal tal-Alameda. Tislima bi mħabba partikolari, flimkien mal-familjari tagħhom, lil dawk kollha li se jiġu ordnati.
Iżda ppermettuli li nġedded b’mod speċjali, minn hawn, it-tifkira l-iktar ta’ mħabba tiegħi għall-persuni u għall-familji li fil-jiem li għaddew ġarrbu l-konsegwenzi ta’ għargħar devastanti u tilfu persuni għeżież. Nittama li s-solidarjetà u l-attenzjoni nsara meħtieġa jaslu b’mod effikaċi għall-għajnuna tagħhom.
Dan il-jum saċerdotali għandu bħala sfond il-belt ta’ Valenza, ta’ tradizzjonijiet ewkaristiċi u saċerdotali radikati; bi sbuħitha u kulura, il-karasteristiċi tagħha u l-istorja għanja Rumana, Għarbija u nisranija tagħha; b’mod speċjali bil-figuri sacerdotali kbar tagħha: San Vinċenz Ferrer, San Tumas ta’ Villanueva, San Ġwann di Ribera. Ma dawn jiżdiedu saċerdoti qaddisin numerużi, li fosthom San Ġwann ta’ Avila, patrun tal-kleru Spanjol. Huma kollha jakkumpanjawna bl-intercessjoni tagħhom.
2. Fiex tikkonsisti l-grazzja tas-saċerdozju li llum se jirċievu dawn li se jiġu ordnati?
Dan tafuh sewwa intom, għeżież djakni, li tħejjejtu b’attenzjoni għal dan il-waqt sagramentali. Tafuh intom, għeżież saċerdoti, li ġġorru il-piż ferrieħ u t-tagħbija ħafifa (Mt 11, 30) tas-saċerdozju. Tafuh intom ukoll, insara ta’ Valenza u ta’ Spanja, li takkumpanjaw lis-saċerdoti tagħkom u magħhom tgħixu l-ferħ tas-saċerdozju komuni tagħkom, distint imma mhux mifrud mis-saċerdozju ministerjali.
F’dan l-att se nkellem qabel xejn lil dawk li se jiġu ordnati. Iżda fihom nara l-ordinazzjoni, riċenti jew imbegħda, ta’ kull wieħed minnkom, saċerdoti ta’ Spanja, u nħeġġiġkom biex tgħixu mill-ġdid il-grazzja li għandkom minħabba l-impożizzjoni tal-idejn (cf. 2 Tm 1, 6).
Is-sagrament tal-Ordni huwa radikat profondament fil-misteru tas-sejħa li Alla jagħmel lill-bniedem. Fil-magħżul iwettaq il-misteru tal-vokazzjoni divina. Dan jirrivelahulna l-ewwel qari meħud mill-Profeta Ġeremija.
Alla juri lill-bniedem ir-rieda tiegħu: “Qabel ma ffurmajtek f’ġuf ommok, kont nafek, / qabel ma int ħriġt għad-dawl, kont ikkonsagrajtek; / stabbilejtek profeta tan-nazzjonijiet (Ġer 1, 5).
Is-sejħa tal-bniedem hija qabel kollox f’Alla: f’moħħu u fl-elezzjoni li Alla nnifsu jwettaq u li l-bniedem għandu jaqra f’qalbu. Meta jħoss b’ċarezza din il-vokazzjoni li tiġi minn Alla, il-bniedem jisperimenta s-sens tal-insuffiċjenza tiegħu. Ifittex li jiddefendi lilu nnifsu quddiem ir-responsabiltà tas-sejħa. Jgħid bħall-Profeta: “Ahimè, Mulej Alla, ara jien ma nafx nitkellem, / għaliex jien żagħżugħ” (Ġer 1, 6). Hekk is-sejħa tinbidel fil-frott ta’ djalogi nterni ma’ Alla, u hija kultant bħala riżultat ta’ disputa miegħu.
Quddiem ir-riservi u d-diffikultajiet li b’raġun il-bniedem jopponi, Alla jindika l-poter tal-grazzja tiegħu. U bil-poter ta’ din il-grazzja l-bniedem jikseb li s-sejħa tiegħu titwettaq: “«Mur għand dawk li għandhom se nibagħtek / u ħabbrilhom dak li se nordnalek. / La tibżax minnhom, / għaliex jiena miegħek biex nipproteġik». / . . . «Hekk hu, iqegħedlek kliemi fuq fommok»” (Ġer 1, 7-9).
Huwa meħtieġ, għeżież ħuti u wliedi maħbuba, li timmeditaw bil-qalb dan id-djalogu bejn Alla u l-bniedem, biex kostantament issibu l-istruttura tal-vokazzjoni tagħkom. Dan id-djalogu diġa twettaq fikom li sejrin tirċievu l-ordinazzjoni saċerdotali. U għandu jkompli, bla jaqtà, tul ħajjitkom kollha permezz tat-talb, karattru distintiv tal-ħniena saċerdotali tagħkom.
3. Fl-għarfien tas-sejħa tagħkom min-naħa ta’ Alla, jinsab is-sies fl-istess ħin is-sigriet tal-identità saċerdotali tagħkom. Il-kliem tal-profeta Ġeremija jissuġġerixxi din l-identità tas-saċerdot kif “imsejjaħ b’elezzjoni, “ikkonsagrat” bi dlik, “mibgħut” għal missjoni. Imsejjaħ minn Alla f’Ġesù Kristu, ikkonsagrat minnu bid-dlik tal-Ispirtu tiegħu, mibgħut biex iwettaq il-missjoni tiegħu fil-Knisja.
It-tagħlim tal-Maġisteru tal-Knisja dwar is-saċerdozju, ispirat fuq ir-Rivelazzjoni, miġbur, biex ngħidu hekk, minn xuftejn Alla, jistà jneħħi kwalunkwè dubju dwar l-identità saċerdotali.
L-ewwelnett, Ġesù Kristu Sidna, Saċerdot il-Kbir u Etern, huwa l-punt ċentrali ta’ riferenza. Hemm saċerdot suprem biss, Kristu Ġesù (cf. Lumen Gentium, 28; Eb 7, 24; 8, 1), midluk u mibgħut għad-dinja mill-Missier (cf. Presbyterorum Ordinis, 2; Gv 10, 36). Minn dan is-saċerdozju uniku jieħdu sehem l-Isqfijiet u l-presbiteri, kull wieħed skont l-ordni u l-grad, biex ikompli fid-dinja l-konsagrazzjoni u l-missjoni ta’ Kristu. Sehem mid-dlik saċerdotali ta’ Kristu u tal-missjoni tiegħu, il-presbiteri jaġixxu “in persona Christi” (Lumen Gentium, 28).
Għalhekk jirċievu d-dlik tal-Ispirtu Santu. Iva, se tirċievu l-Ispirtu tal-qdusija, kif tgħid il-formula tal-ordinazzjoni, sabiex karattru sagru speċjali jikkostitwikom fi Kristu saċerdot, biex tkunu tistgħu taġixxu f’ismu (cf. Presbyterorum Ordinis, 2).
Ikkonsagrati permezz tal-ministeru tal-Knisja, tipparteċipaw mill-missjoni feddejja tiegħu bħala “koperaturi tal-ordni epikopali” u għandkom tkunu magħqudin mal-Isqfijiet, b’mod konformi mal-espressjoni sabiħa ta’ Sant’Injazju ta’ Antijokja, “bħall-kordi tal-lira” (S. Injazju ta’ Antijokja, Ad Ephesios, 4). Mibgħuta f’komunità partikolari, tiġbru l-familja ta’ Alla, waqt li tgħallmuha bil-kelma, biex “tkabbruha fl-għaqda” (Presbyterorum Ordinis, 2) u “tmexxuha permezz ta’ Kristu fl-Ispirtu għall-Missier” (Ivi. 4).
4. Imsejħa, ikkonsagrati, mibgħuta. Din id-dimensjoni tripla tispjega u tiddeċiedi l-kondotta tagħkom u l-istil ta’ ħajja tagħkom, Intom “imwarrbin”; “sekwestrati”, imma mhux “separati” (Ivi. 3). Hekk tistgħu tiddedikaw kollkom kemm intom għall-opra li huwa se jafdalkom: is-servizz ta’ ħutkom.
Ifhmu, mela, li l-konsagrazzjoni li tieċievu tokkupakom totalment, tiddedikakom radikalment, tagħmel minnkom strumenti ħajjin tal- tal-għażla ta’ Kristu fid-dinja, titwil tal-missjoni tiegħu għall-glorja tal-Missier.
Għal dan iwieġeb id-don totali tagħkom lill-Mulej. Dak id-don totali li huwa mpenn ta’ qdusija. Dan huwa d-dmir intern ta’ li “timitaw dak li tittrattaw”, kif tgħid l-eżortazzjoni tal-Pontifikal Ruman tal-ordnazzjonijiet. Din hija l-grazzja u l-impenn tal-imitazzjoni ta’ Kristu, biex tirriproduċu fil-ministeru tagħkom u fil-kondotta tagħkom din ix-xbiha stampata bin-nar tal-Ispirtu. Xbiha ta’ Kristu saċedot u vittma, ta’ redentur imsallab.
F’dan il-kuntest ta’ donazzjoni totali, ta’ għaqda ma’ Kristu u ta’ komunjoni mad-dedikazzjni esklussiva u definittiva tiegħu mal-opra tal-Missier, inkluż ukoll l-obbligu taċ-ċelibat. Din la hi limitazzjoni u linqas frustrazzjoni. Din hija l-espressjoni ta’ donazzjoni sħiħa, ta’ konsagrazzjoni speċjali, ta’ disponabiltà assoluta. Għad-don li Alla jagħti fis-saċerdozju, twieġeb l-għotja tal-magħżul bl-esserri kollu tiegħu, b’qalbu u b’ġismu, bis-sinifikat sponsali li għandu, riferut għall-imħabba ta’ Kristu u għad-donazzjoni totali għall-komunità tal-Knisja, iċ-ċelibat saċerdotali.
Ir-ruħ ta’ din id-donazzjoni hija l-imħabba. Għaċ-ċelibat ma jirrinunzjax għall-imħabba, għall-fakulta li jgħix u għal xi tfisser l-imħabba fil-ħajja; il-qalb u l-fakulta tas-saċerdot jibqgħu iffertilizzati mill-imħabba ta’ Kristu, biex ikun f’nofs ħutu xhud ta’ karità pastorali bla fruntieri.
5. Is-sigriet ta’ din il-karità pastorali jinsab fid-djalogu li Kristu jżomm ma’ kull wieħed tal-magħżulin tiegħu, bħalma zammu ma’ Pietru, skont il-kliem tal-Vanġelu li għadna kemm xandarna.
Din hija l-mistoqsija relatata mal-imħabba speċjali u esklussiva lejn Kristu, magħmulha lil min irċieva missjoni partikulari u setà jisperimenta d-diżappunti tad-dgħufija umana tiegħu.
Il-Mulej Irxuxtat ma jdurx lejn Pietru biex iwissih jew jikkastigah għad-dgħufija tiegħu jew għad-dnub li għamel meta ċaħdu. Huwa jiġi biex jitolbu mħabbtu. U dan hu ta’ importanza elokwenti, enormi għal kull wieħed minnkom: “Tħobbni int”? (Ġw 21, 17). Għadek tħobbni? Tħobbni kull darba iktar? Iva. Għaliex l-imħabba hija dejjem ikbar mid-dgħufija u mid-dnub. U hija biss, l-imħabba, li dejjem tiskopri prospettivi ġodda ta’ tiġdid intern u ta’ għaqda ma’ All, ukoll permezz tal-esperjenza tad-dgħufija tad-dnub.
Kristu, mela, jitlob, jeżamina dwar l-imħabba. U Pietru jwieġeb: “Mulej, int taf kollox; inti taf li jien inħobbok” (Ġw 21, 17). Ma jweġibx: Iva, inħobbok, jafda lilu nnifsu b’mod speċjali għall-qalb tal-Imgħallem u għall-għarfien tiegħu u jgħidlu: “Int taf li jien inħobbok”.
Hekk permezz ta’ din l-imħabba mistqarra tliet darbiet, Ġesù Irxuxtat jafda lil Pietru n-nagħaġ tiegħu. U bl-istess mod jafdahom lilkom. Huwa meħtieġ li l-ministeru saċerdotali tagħkom jitfà għeruqu b’qawwa fl-imħabba ta’ Gesù Kristu.
6. L-imħabba mhix maqsuma lejn Kristu u l-merħla li huwa sejjer jafdalkom tgħaqqad il-ħajja tas-saċerdot u d-diversi espressjonijiet tal-ministeru tiegħu (cf. Presbyterorum Ordinis, 14).
L-ewwelnett, ikkonfigurati mal-Mulej tridu tiċċelebraw l-Ewkaristija, li mhix att iktar tal-ministeru tagħkom: din hija l-għerq u r-raġuni tal-eżistenza tas-saċerdozju tagħkom. Intom saċerdoti, l-ewwelnett, biex tiċċelebraw u tattwalizzaw is-sagrifiċċju ta’ Kristu, “dejjem ħaj biex jinterċedi favurna” (Lh 7, 25). Dan is-sagrifiċċju uniku u rrepetibbli, iġedded u jirrendi lilu nnifsu preżenti fil-Knisja b’mod sagramentali, permezz tal-ministeru tas-saċerdoti.
L-Ewkaristija b’dan il-mod tinbidel fil-ministeru li għandu jifforma internament l-eżistenza tagħkom. Minn banda, toffru sagramentalment il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej. Mill-banda l-oħra u, magħqudin miegħu – “in persona Christi” – toffru persuntkom u ħajjitkom, sabiex assunti u bħala mibdula miċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju ewkaristiku, tkunu wkoll esternament mibdula miegħu, waqt li tippartiċipaw fl-enerġiji rinnovatriċi tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħu.
Ħa tkun l-Ewkaristija l-quċċata tal-ministeru tagħkom ta’ evanġelizzazzjoni (cf. Presbyterorum Ordinis, 4), L-apiċe tal-vokazzjoni oranti tagħkom, ta’ glorifikazzjoni ta’ Alla u ta’ interċessjoni għad-dinja. U permezz tal-komunjoni ewkaristika, jum wara jum, jikkonsma ruħu -saċerdozju tagħkom.
San Vinċenz Ferrer, l-appostlu u tawamturgu Valenzjan, kien jgħid li “l-Quddiesa hija l-aħjar att ta’ kontemplazzjoni li wieħed jistà joffri”. Iva, din hija l-verità. Minħabba dan intom ilkoll mistednin biex iżżidu u tirrinfreskaw l-attività tagħkom bl-“abbundanza tal-kontemplazzjoni” (Lumen Gentium, 41), li se ssib sors bla tarf fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u tas-sagramenti, fil-liturġija tas-sigħat, fl-orazzjoni mentali u ta’ kuljum, u fil-meditazzjoni amoruża tal-misteri ta’ Kristu u tal-Verġni bit-talba tar-Rużarju.
7. Il-konsagrazzjoni li se tirċievu se tikkwalifikakom għas-seevizz, għall-ministeru tas-salvazzjoni, biex tkunu bħal Kristu l-“ikkonsagrati tal-Missier” u l-“mibgħutin fid-dinja” (Ġw 10, 30).
Tridu tiddedikaw ruħkom għall-fidili tal-Poplu ta’ Alla, sabiex huma jkunu “ikkonsagrati fil-verità” (Ġw 17, 17). Is-servizz għall-bnedmin mhuwiex dimensjoni differenti tas-saċerdozju tagħkom: huwa l-konsegwenza tal-konsagrazzjoni tagħkom.
Eżerċitaw id-dmirijiet ministerjali tagħkom bħal tant atti oħrajn tal-konsagrazzjoni tagħkom, konvinti li dawn kollha jinġabru f’wieħed: li tgħaqqdu l-komunità li se tkun afdata lilkom għat-tifħir ta’ Alla Missier, permezz ta’ Ġesù Kristu u fl-Ispirtu Santu, sabiex il-Knisja ta’ Kristu tkun sagrament ta’ salvazzjoni. Għal dan se tevanġelizzaw u se tiddedikaw ruħkom għall-katekeżi tat-tfal u tal-adulti; għal dan se tkunu disponibbli fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tar-rikonċiljazzjoni; għal dan se żżuru l-morda u se tgħinu lill-fqar, billi tagħmlu lilkom infuskom kollox għal kulħadd biex tiggwadanjaw lil kulħadd (cf. 1 Kor 9, 22).
La tibżgħux, billi tagħmlu hekk, li tkunu mifruda mill-fidili tagħkom u minn dawk li għalihom il-missjoni tagħkom tiddestinakom. Wisq aktar tifridkom minnhom l-Knsija jew it-traskuraġni tas-sens tal-konsagrazzjoni li tiddistingwi s-sacerdozju tagħkom.Li tkunu wieħed iktar, fil-professjoni, fl-istil ta’ ħajja, fil-mod kif tilbsu, fl-impenn politiku, ma jgħinkomx biex twettqu għal kollox il-missjoni tagħkom; tqarrqu lill-fidili tagħkom li jixtiequ saċerdoti sħaħ: liturġiċi, għalliema, rgħajja, bla ma jittraskuraw għal dan li jkunu, bħal Kristu, aħwa u ħbieb.
Għalhekk, agħmlu mid-disponibiltà totali tagħkom lil Alla disponibiltà għall-fidili tagħkom. Agħtuhom il-ħobż veru tal-kelma, fil-fedeltà għall-verità ta’ Alla u għat-tagħlim tal-Knisja. Iffaċilitawlhom l-aċċess għas-sagramenti, u fl-ewwel post għas-sagrament tal-penitenza, sinjal u strument tal-ħniena ta’ Alla u tar-rikonċiljazzjoni mwettqa minn Kristu (cf. Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 20), billi tkunu intom stess li tirċevuh regolarment. Ħobbu l-morda, il-fqar, l-emerġinati; impenjaw ruħkom fil-kawżi ġusti kollha tal-ħaddiema; farrġu lill-imnikktin: agħtu tama liż-żgħażagħ. Uru ruħkom f’kollox “bħala ministri ta’ Kristu”. (2 Kor 6, 8).
8. Fil-liturġija tal-Kelma kienu mxandra dawn l-espressjonijiet magħrufa tal-ittra ta’ San Pietru, indirizzati lill-ilktar anzjani, lill-“presbiteri”, lis-saċerdoti kollha hawn preżenti.
Preċiżament intom hawn miġbura, intom il-“presbiteros”, l-“anzjani”. U ż-żgħażagħ li llum se jirċievu din l-ordinazzjoni se jinbidlu huma wkoll f’anzjani”, responsabbli tal-komunità.
Immeditaw sewwas dwar x’jitlobkom Pietru, l-anzjan, “xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu u parteċipi tal-glorja li għandu jimmanifesta” (1 Pt 5, 1). X’se jitlobkom?
Se jitlobkom twettqu l-ministeru pastorali li ġie afdat lilkom: “mhux bilfors imma b’mod spontanju, skont Alla; mhux għall-vili flus, imma bi prontezza tar-ruħ”. Iva, b’dedikazzjoni ġeneruża. U bħal mudelli ħajjin tal-merħla (cf. 1 Pt 5, 3).
Hawn hu l-programm appostoliku tal-ħajja saċerdotali u tal-ministeru saċerdotali li jum wieħed Alla afdalkom. Xejn ma tilef mill-attwalità sustanzjali tiegħu. Dan hu program ħaj, tallum. U għandkom tqegħduh bi frekwenza quddiem għajnejkom, f’ruħkom, biex taraw riflessi, bħal f’mera, ħajjitkom u l-ministeru tagħkom.
Jekk tagħmlu hekk, kif tgħallimkom il-moltitudni ta’ saċerdoti qaddisin li f’Art Twelidkom kienu xhieda ta’ Kristu, tirċievu, meta jidher ir-Ragħaj suprem”, din il-“koruna inkorruttibbli tal-glorja” (1 Pt 5, 4).
9. Għeżież ħuti fis-saċerdozju: is-suċċessur ta’ Pietru li qed ikellimkom, jirripetilkom dan il-messaġġ; u jrid li, fil-jum ta’ din l-ordinazzjoni saċerdotali kbira u f’din iċ-ċelebrazzjoni kbira tal-grazzja tas-saċerdozju fi Spanja kollha, tnaqqax lilha nfisha f’ruħkom, fil-qalb ta’ kull saċerdot.
Kunu fidfili għal dan il-messaġġ li ġej minn Kristu!
Jalla din iċ-ċelebrazzjoni tirregala lill-Knidsja kollha fi Spanja tiġdid tal-grazzja bla tarf tas-saċerdozju kattoliku; għaqda ikbar bejn dawk kollha li rċivew il-grazzja tal-presbiterjat; żieda konsiderevoli tal-vokazzjonijiet fost iż-żgħażagħ, miġbuda mill-eżempju ferrieħ tad-dedikazzjoni tagħkom, u ta’ tant seminaristi hawn preżenti, li nsellem wieħed wieħed biex inwettaqhom u ninkuraġġihom fil-vokazzjoni tagħhom. Fl-istess ħin inħabbrilhom li se nħallilhom messaġġ miktub speċjali tiegħi.
Il-Verġni Marija, li Valenza tqim bit-titlu ħelu ta’ Omm l-Abbandunati, titbaxxa b’imħabba fuqkom u tirrendikom dixxipli fidili tal-Mulej. Ilqgħuha bħala Omm, bħalma Ġwanni laqagħha f’riġlejn is-Salib (cf. Ġw 19, 26-27). Jalla fil-grazzja tas-saċerdozju kull wieħed minnkom ikun jistà wkoll jgħidilha “Totus tuus”.
Il-Mulej Irxoxt, preżenti fostkom, iħares lejkom b’imħabba, għeżież tiegħi saċerdoti u ordinandi u jirripetilkom l-mistoqsija tiegħu dwar imħabbitkom sinċiera u lejali: “Tħobbni int?” Jalla kull wieħed minnkom jistà jgħid illum u dejjem: “Mulej, int taf kollox, int taf li jien inħobbok” (Ġw 21, 17). Hekk il-ministeru tagħkom se jkun servizz fidil u fertili ta’ mħabba fil-Knisja, għas-salvazzjoni tal-bnedmin.
Jalla t-tifkira ta’ din l-ordinazzjoni saċerdotali sollenni fil-preżenza tal-Papa, iżżid il-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu, Saċerdot Etern, li jikkomunika s-saċerdozju tiegħu għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha. Hekk Ikun.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb