Ġwanni Pawlu II fi Stadium ta’ Barcellona

Print Friendly, PDF & Email

 VJAĠĠ APOSTOLIKU FI SPANJA
QUDDIESA F’BARĊELLONA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Barċellona, 7 ta’   Nnovembru 1982

Għeżież ħuti:

1.Ninsabu miġburin f’dan l-istadium biex niċċelebraw jum il-Mulej. Magħqudin flimkien mar-Ragħaj tagħkom u ma’ tant ħutna ta’ Barċellona u ta’ bosta postijiet oħra.

It-tieni qari ta’ din il-Quddiesa, meħud mill-Ittra lil-Lhud, jesprimi l-importanza tal-att intern ta’ offerta ta’ Ġesù lill-Missier. Wettaq din l-offerta għall-ewwel darba billi daħal fid-dinja bl-Inkarnazzjoni (cf. Lh 10, 5); l-offerta tiegħu kienet tirreferi ruħha mela għas-sagrifiċċju feddej futur tiegħu.

Billi żamm dejjem din l-offerta nterna, huwa jagħti sinifikat unitarju lil ħajtu kollha terrena.

Li d-duluri u t-tbatijiet tas-salib, billi tahom il-valur feddej li mingħajr dan l-att ta’ sagrifiċċju ma kienx ikollu. Ukoll wara l-qawmien mill-imwiet u t-tlugħ fis-sema, il-ħajja ta’ Kristu tkompli biex biex ikollha għaqda ta’ sinifikat, ladarba wkoll issa Ġesù jkompli joffri lill-Missier id-duluri issa passati tal-Passjoni.

Biex tispjega l-misteru feddej, l-epistola tinqeda bil-liturġija vetera-testamentarja tal-jum tal-espijazzjoni. F’dik il-liturġija l-vittmi sagrifikati kienu jinħarqu barra l-akkampament. Kristu wkoll kien issagrifikat fuq il-Kalvarju, li dak iż-zmien kien jinsab barra l-belt (cf. Lh 13, 11 ss). Il-Qassis il-Kbir kien jidħol fis-“Sancta Sanctorum” biex joffri lil Jahvé is-sagrifiċċju. Ukoll Kristu, Saċerdot tal-Patt il-Ġdid, irxoxta u telà fis-sema, biex jidħol fis-santwarju ċelesti u jippreżenta b’mod perenni lill-Missier id-demm li jum wieħed xerred fuq is-salib.

Huwa l-istess Kristu li jiġi fuq l-altar, biex jirripeti l-offerta tiegħu lill-Missier għalina. Iċ-ċokon tax-xewqat tagħna ta’ donazzjoni lil Kristu huwa li ngħaddu ħajja nisranija, għandhom jiġu mqegħda fuq l-altar biex jingħaqdu mal-offerta ta’ Ġesù. Id-donazzjoni umli tagħna – minnha nfiha hija nsinifikanti, bħal għotja tal-armla ta’ Serepta u l-għotja tal-armla fqira – issir aċċettabli għal għajnejn Alla għall-għaqda tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù.

U fiex għandha tikkonsisti d-donazzjoni tagħna lil Kristu? Ngħidilkom minnufih li l-ewwel ħaġa li l-Papa u l-Knisja jistennew minnkom hija li, quddiem l-eżistenza tagħkom, quddiem il-Knisja stess, quddiem il-problematika umana attwali, tassumu mġibiet tassew insara.

2. Ħajjitkom ta’ krejaturi umani għandha diġa fiha kobor u dinjità uniċi Dawn jimponu valutazzjoni ġusta, biex tgħixuha fir-rispett konsistenti tal-esiġenzi ta; verità, ta’ onestà, ta’ użu korrett tad-don divin manifiku tal-libertà fid dimensjonijiet kollha tagħha.

Din ir-realtà splendida iżda ma tistax tkun magħluqa f’dawn l-orizzonti biss, alavolja ma tistax  tħallihom fil-ġemb. Trid tinfetaħ għan-novità li Kristu ġie biex iġib fid-dinja, waqt li għallem li kull bniedem huwa bin Alla (cf. Mt 6, 9-15), mifdi bid-demm ta’ Kristu stess (cf. Ef 1, 7), koeredi miegħu (cf. Rm 8, 17) iddestinat għal destinazzjoni traxxendenti (cf. Rm 8, 20-23; Ef 2, 6 s).

Tkun l-ikbar mutilazzjoni li ċċaħħad lill-bniedem din il-prospettiva, li tgħollih għall-ogħla dimensjoni li jistà jkollu. U li, għalhekk, toffrilu l-mezz l-iktar addattat biex jinvesti l-aħjar enerġiji tiegħu u l-entużjazmu tiegħu.

Bħalma ktibt fl-enċiklika Redemptor Hominis: “Din l-għaqda ta’ Kristu mal-bniedem hija fiha nfisha misteru, li minnu jitwieled “il-bniedem il-ġdid”, imsejjaħ biex jieħu sehem fil-ħajja ta’ Alla, maħluq mill-ġdid fi Kristu, għall-milja tal-grazzja u tal-verità. L-għaqda ta’ Kristu mal-bniedem hija l-qawwa u s-sors tal-qawwa skont l-espressjoni effettiva ta’ San Ġwann fil-prologu tal-Vanġelu tiegħu: “Il-Verb ta l-qawwa li nsiru wlied Alla”” (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 18).

Hawn jinsab is-sies tal-għarfien profond tal-valur tal-propja eżistenza. Is-sies tal-identità ta’ nsara tagħna. Min hawn għandha tinbet imġieba prattika konsistenti, fatt ta’ stima lejn dak li hemm tajjeb fil-bniedem u infurmat b’mod effikaċi mill-fidi.

3. Għal nisrani hija parti mportanti ħafna r-relazzjoni li jistabilixxu mal-Knisja. Relazzjoni li tistà tmur minn rifjut polemiku għal aċċettazzjoni parzjali; minn kritika sistematika għall-fedeltà matura responsabbli.

L-ewwel impostazzjoni li timponi ruħha, biex ikunu evitati konfużjonijiet jew prospettivi foloz, hija li wieħed jikkonsidra l-Knisja fin-natura vera tagħha: soċjetà ta’ tip spiritwali u b’għan spiritwali, inkarnata fil-bnedmin ta’ kull żmien (cf. Lumen Gentium, 2). Bla ebda intenzjoni li tidħol f’konflitt mal-qawwiet ċivili, u li tieħu ħsieb kustjonijiet purament materjali u politiċi, li, kif hija tagħraf bil-qalb kollha, mhumiex ta’ kompetenza tagħha, Mingħajr inqas ma tirrinunzja għall-missjoni tagħha, li l-mandat riċevut mingħand Kristu, li tifforma fil-fidi l-kuxjenza tal-fidili tagħha, sabiex huma, fl-irwol doppju tagħhom ta’ ċittadini u ta’ fidili jikkontribwixxu għall-ġid fl-oqsma kollha tal-ħajja, bi qbil mal-konvinzjonijiet propji, u bir rispett dovut għal dawk tal-oħrajn.

Il-Knisja mwaqqfa minn Kristu fuq Pietru u fuq l-Appostli, missjoni kontinwata llum fis-suċċessuri tagħhom (cf. Ivi. 18), hija sagrament universali ta’ salvazzjoni, sinjal u strument tal-Grazzja ta’ Kristu li fiha nitwieldu mill-ġdid għal ħajja ġdida (cf. Ivi. 1, 2). Huwa bix-xbiha viżibbli tagħha, li tfakkar lill-bnedmin il-preżenza u l-azzjoni divina. Huwa bil-predikazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, u l-amministrazzjoni tas-Sagramenti, sorsi ta’ salvazzjoni. Huwa permezz tal-ħajja tal-fidili tagħha, imsejħa biex jikkontribwixxu, kull wieħed u waħda skont il-kondizzjoni tagħhom, biex jestendu l-messaġġ evanġeliku u biex jirrendu preżenti lil Kristu fl-ambjenti kollha tas-soċjetà.

Minn dawn il-premessi toħroġ imġieba tassew konkreta għan-nisrani. Il-Knisja twaqqfet minn Kristu, u ma nistgħux nippretendu li nagħmluha skont il-kriterji personali tagħna. Bir-rieda tal-Fundatur tagħha għandha gwida magħmula mis-suċċessur ta’ Pietru u tal-Appostli: dan jimplika, għall-fedeltà lejn Kristu, fedeltà għall-Maġisteru tal-Knisja.

Hija hi Omm, li fiha nitwieldu mill-ġdid għall-ħajja l-ġdida f’Alla; omm għandha tkun maħbuba. Hija hi qaddisa fil-Fundatur tagħha, fil-mezzi tagħha u fid-duttrina tagħha, imma hija ffurmata minn bnedmin midimbin; hemm bżonn nikkontribwixxu b’mod pożittiv biex nimmiljorawha, biex ngħinuha għal fedeltà dejjem imġedda, li ma tinkisibx minn kritiki korrosivi.

Il-Knisja toffri kuljum il-kelma tas-salvazzjoni u s-sagramenti mwaqqfa minn Kristu u ma tiddependix minn kriterji ta’ numru jew ta’ moda; dan jobbliga għar-rispett tal-vuċi tal-Ġerarkija, kriterju u gwida mmedjati fil-fidi. Hija hi ffurmata minna lkoll, Poplu ta’ Alla (cf. Lumen Gentium, 9); dan jimponi l-kollaborazzjoni responsabbli ta’ kull nisrani jew grupp. Mill-forzi tagħha, mill-ħila tagħha li tagħmel esperjenzi, imma mis-smigħ lejali tar-Rgħajja leġittmi. Hija tħobb lill-bniedem fl-integrità tiegħu, xejn minn dak li huwa tassew uman huwa ndifferenti għaliha; iżda fl-isforzz biex tgħolli l-bniedem, ma tinsiex li l-missjoni propja u essenzjali tagħha hija li tiksiblu s-salvazzjoni.

4. Quddiem il-problematika tad-dinja attwali li fiha jgħix mgħaddas, in-nsrani ma jistax jagħmel inqas milli jassumi mġieba li tirrifletti l-kunċett li għandu tiegħu nnifsu, fid-dawl tar-relazzjoni tiegħu mal-Knisja.

Konxju ta’ dmiru li “jagħti sens iktar uman lill-bniedem u lill-istorja” (Gaudium et Spes, 40), in-nisrani għandu joqgħod fl-ewwel filliera bħala xhud tal-verità, tal-onestà u tal-ġustizzja. Din hija l-ewwel konsegwenza tal-valur umanizzanti tal-fidi u tad-dinamiżmu krejatur tiegħu.

Stabbilit sewwa f’din il-fidi u grazzi għal konvinzjoni evanġelika ċara u frofonda, in-nisrani ma jiddubitax fl-assunzjoni tiegħu tal-parti tiegħu ta’ responsabiltà, biex “jistabilixxi fi Kristu l-ordni tal-realtajiet temporali” (Apostolicam Actuositatem, 7). L-Insara ma jistgħu qatt jinsew li għandhom ikunu “ħmira u ruħ tas-soċjetà” (Gaudium et Spes, 40) u li fl-impenji temporanji “il-fidi propja hija mottiv li jobliga għal twettiq perfett ta’ dawk l-impenji skont il-vokazzjoni personali ta’ kull wieħed u waħda” (Ivi. 43).

Bin il-Knisja għandu jgħix bil-konvinzjoni li għandu jkun nisrani fil-konsistenza tal-imħabba għall-bniedem, fid-difiża tad-drittijiet tiegħu, fl-impenn għall-ġustizzja, fis-solidarjetà ma’ dawk li jfittxu l-verità u l-elevazzjoni tal-bniedem (Ivi.).

5. Dawn l-imġibiet jitolbu impenn qawwi u ħila kbira ta’ sforz u ta’ kuraġġ.

Jitfaċċa għal għajnejn in-nisrani l-bżonn li jibdel tant ħwejjeġ mhux suffiċjenti jew inġust u li jitolbu l-bidla mill-intern għall-estern.

Hemm iżda illużjoni li għaliha nissugraw li naqgħu: irridu nibdlu s-soċjeta billi nibdlu biss l-istrutturi esterni jew billi nfittxu unikament is-sodisfazzjon tal-bżonnijiet materjali tal-bniedem. U minflok, hemm bżonn nibdew bil-bdil tagħna nfusna; bit-tiġdid moralment; bil-bdil minn ġewwa, billi nimitaw lil Kristu; bil-qerda tal-għeruq tal-egoiżmu u tad-dnub li jbejjet f’kull qalb. Persuni mibdula, jikkollaboraw b’mod effikaċi biex jibdlu s-soċjetà.

6. Biex jgħix f’din l-imġieba nisranija, bin il-Knisja, li jħoss dgħufitu u d-dnub, għandu bżonn impenn kostanti ta’ konverżjoni u ta’ ritorn għas-sorsi ideali li jispiraw il-kondotta tiegħu. Jeħtieġ ritorn kostanti għall-kuxjenza tiegħu u għal Kristu.

Fil-fidi tiegħu għandu jsib il-qawwa u d-dinamiżmu biex jikkorreġi lilu nnifsu u biex iwettaq lilu nnifsu kuljum fit-tajjeb. Mingħajr ma jabbanduna lilu nnifsu għal dik il-passività rassenjata li tinfirex f’tant spirti.

Impenn ta’ konverżjoni li għandu jkun personali u komunitarju. Kapaċi li jorjenta dejjem lejn fedeltà maġġura għall-kondizzjoni nisranija propja u biex jissupera, fl-għanijiet l-iktar għolja, l-iżbalji jew l-erruri tal-imgħoddi. Mingħajr ma jħalli li jiġi pparalizzat minn dawk, f’immobiliżmu inutli jew sentiment ta’ ħtija.

L-iżball u d-dnub ibejtu sfortunatament f’kull bniedem, f’kull settur uman u f’kull organiżmu magħmul minn bnedmin, fil-Knisja u barra minnha.

Imma Alla jgħinna biex niġġeddu kostantament fil-grazzja tiegħu u fi mħabbtu. Il-Kelma rivelata, l-eżempju ta’ Kristu, il-grażżja tas-sagramenti huma t-toroq tagħna tar-rebħa permezz tal-konverżjoni.

7. Dawn l-imġibiet insara jitolbu kriterji u gwidi konkreti li jorjentawhom b’mod sikur, billi jevitaw devjazzjonijiet possibbli.

Tridu kriterju sikur, konkret, sistematiku li jiggwidakom fil-waqt preżent? Segwu l-leħen tal-Maġisteru u kunu fidili għall-Konċilju ta’ żmienna: il-Vatikan II.

Minn banda bla riservi, biżat jew reżistenzi. Mill-banda l-oħra bla interpretazzjonijiet arbitrarji u konfużjonijiet tat-tagħlim oġġettiv mal-ideat propji. Tibda minn hawn it-triq tal-għaqda meħtieġa mixtieqa minn Kristu.

Din l-applikazzjoni korretta tat-tagħlim konċiljari tikkostitwixxi, kif għidt f’okkażjonijiet diversi, wieħed mill-oġġettivi ewlenin tal-pontifikat tiegħi.

8. B’dan il-mod, għeżież ħuti, tgħixu intom u tħeġġu fir-realtà temporali l-ilma tal-ħajja tal-fidi ta’ Kristu, konxji li din il-fidi ma teqred xejn li hu uman awtentikament, anzi ssaħħu, tippurifikah, tgħollih.

Uru dan l-ispirtu fl-attenzjoni mogħtija għall-problemi kruċjali. Fl-isfera tal-familja, billi tgħixu u tiddefendu l-indissolubiltà u l-valuri l-oħra taż-żwieġ, billi tippromwovu r-rispett għall-ħajja kollha, sa mill-waqt tal-konċepiment. Fid-dinja tal-kultura, tal-edukazzjoni u tat-tagħlim, billi tagħżlu għal uliedkom skola li fiha hemm il-ħobż tal-fidi nisranija.

Kunu wkoll sodi u ġenerużi meta tiġu biex tikkontribwixxu biex twarrbu l-inġustizzji u d-diskriminazzjonijiet soċjali u ekonomiċi, meta tieħdu sehem fl-impenn pożittiv ta’ żieda u ta’ distribuzzjoni ġusta tal-ġid. Sfurzaw sabiex il-liġijiet u d-drawwiet ma jagħtux daharhom lill-valur traxxendenti tal-bniedem u lill-aspetti morali tal-ħajja.

9. Fil-waqt kulminanti tal-Quddiesa jippreżenta ruħu fuq l-altar il-misteru tal-Kalvarju. Ġesù nnifsu jġedded is-sagrifiċċju ta’ dak il-jum. Is-sagrifiċċju li jsalvana.

Maġemb is-salib kien hemm Omm Ġesù (cf. Ġw 19, 25), taqsam id-dulur tiegħu miegħu. Jalla hi, l-Omm tal-Ħniena, tgħinkom ilkoll bl-interċessjoni tagħha biex iġġeddu f’din il-Quddiesa Mqaddsa l-impenn tagħkom ta’ nsara. Fiduċjużi fil-patroċinju tagħha, warrbu kull forma ta’ passività u ta’ titubanza. U kunu fidili magħkom infuskom, mal-Knisja u ma’ żmienkom, b’imġibiet insara konsistenti. Hekk ikun.

Jalla l-Mulej Iberikkom!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: