It-8 ta’ Mejju u s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl

Print Friendly, PDF & Email

It-8 ta’ Mejju, festa tal-Madonna ta’ Pompej, hija data importanti għall-memberi tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Ghax fit-8 ta’ Mejju 1898 il-Fundatur tahhom Ġużeppi De Piro ħass li kellu jwieġeb IVA għas-sejħa li kien qed iħoss biex isir saċerdot. Ta min jghid li din is-sena jahbat il-125 ta din is-sejha.

Il-Qaddej ta’ Alla Ġużeppi De Piro ħadem ħafna fost il-foqra, speċjalment fost it-tfal orfni. Meta miet f’Settembru 1933, hu kien responsabbli mit-tmexxijat ta’ ħames orfanatrofji f’Malta u wieħed f’Għawdex. Ġużeppi De Piro seta’ jagħti saħħtu kollha għall fqir u l-batut għaliex hu kien tassew bniedem ta’ Alla. Hu kien jagħraf ir-rieda ta’ Alla f’dak li kien jitlob minnu l-Isqof.

Ġużeppi De Piro kien iġib l-enerġija kollha tiegħu mit-talb. Fit-talb hu kien isib il-qawwa li fuqha kien jibni ħajtu kollha. Għall-Qaddej ta’ Alla it-talb ma kienx sempliċiment devozzjoni jew ripetizzjoni ta’ talb, iżda mument ta’ ħbiberija intima ma’ Alla fejn hu kien jintelaq kollu kemm hu f’idejn Alla. Din ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla kienet timbuttah għall-ministeru. Fl-istess hin il-ħidma tiegħu fost dawk li kienu fil-bżonn kienet tħeġġu biex jintrabat b’mod aktar intimu ma’ Alla. Kristu kien il-mudell tal-ħajja tat-talb tal-Qaddej ta’Alla; il-ħsieb tal-preżenza ta’ Alla f’nofsna kienet dejjem timlieh b’kuraġġ kbir.

Il-Qaddej ta’ Alla kien ċert mill-qawwa tat-talb. “Aħna ngħidu li Alla qiegħed hemm fuq, fis-smewwiet; iżda hu jinsab hawn, ġo fina, f’qalbna u f’ħajjitna … Lill Alla aħna nsibuh f’kull rokna tal-ibliet tagħna, ta’ pajjiżna, fuq l-għoljiet, u fil-widien. Hu għażel li joqgħod magħna, l-għeżież tiegħu.”

Din l-imħabba li kellu Ġużeppi De Piro lejn Alla, ma’ setax iżommha għalih biss. Fih kellu teħeġġeġ ix-xewqa li ried li l-imħabba ta’ Alla tasal għand kullħadd. De Piro ħass din ix-xewqa sa mill-ewwel sena tiegħu fis-Seminarju, f’Ruma. Meta ġie lura Malta wara li ġie ordnat saċerdot, beda jaħdem mill-ewwel biex iwaqqaf is-Soċjetà Missjunara ta’ San Pawl.

Fit-12 ta’ Ġunju 1910 hu talab lill-Isqof ta’ Malta, l-Arċisqof Pietru Pawl Paċe, biex ibierek l-ewwel dar żgħira, f’rokna ta’ wieħed mill-palazzi l-kbar fl-Imdina u fit-30 ta’ Ġunju laqa’ fiha l-ewwel żewġ membri.

Mhux faċli li wieħed jagħti bidu għal Soċjetà Reliġjuża, l-anqas il-bidu tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl ma kien faċli. F’diskors li ghamel il-Fundtur, tal l-MSSP fl-okkazzjoni tat-tberik u tqegħid tal-ewwel ġebla tad-Dar ta’ Sant’Agata qal: “Kulħadd jifhem li l-opri tal-Mulej għandhom distintif li jagħmilhom differenti minn xogħolijiet oħrajn. L-opri tal-Mulej dejjem jiltaqgħu ma’ tfixkil kbir. Il-bidu tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl wkoll iltaqa’ ma tfixkil kbir u diversi diffikultajiet inqalgħu tul is-snin tal-eżistenza tagħha.”

Nistidnukom  biex fit talb taghkom  ‘l Alla  titolbu bl-interċessjoni tal-Qaddej Tiegħu Ġużeppi De Piro, u meta taqalgħu xi grazzja bl-interċessjoni tiegħu, nifurmaw lil  xi Parti minn hahhom.

Ghalhekk, l-lum, għall-membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, it-8 ta’ Mejju  hu  jum speċjali ta’ talb.  Ingħaqdu  maghahom biex il-Mulej jogħġbu jkompli sejjaħ aktar żgħażagħ ġenerużi, lesti li bħal Ġużeppi De Piro jagħtu ħajjithom għax-xandir tal-Kelma ta’ Alla.

Jekk tixtiequ tkun tafu aktar  fuq il-Qaddej ta’ Alla Ġużeppi De Piro, jew tixtieq santi bit-talba biex jinqlgħu xi grazzi bl-interċessjoni tiegħu, iktbu lil Fr. Norbert Bonavia, fuq:  l-email: norbertbonavia@gmail.com, jew ċempel fuq 7926 5968.

Fr. Norbert Bonavia mssp

%d bloggers like this: