VJAĠĠ APOSTOLIKU FI SPANJA
ĊELEBRAZZJONI TAL-KELMA MAR-RELIĠJUŻI NISA U
LIL DAWK RELATATI MAL-ISTITUTI SEKULARLI FEMMINILI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Madrid, 8 ta’ Novembru 1982
Għeżież ħuti,
sorijiet u membri ta’ istituti sekulari.
1. Niżżi ħajr lill-Providenza Divina li tagħtini din l-opportunita li niltaqà magħkom, ikkonsagrati Spanjoli, f’Art Twelidkom; u preċiżament matul dawn iċ-celebrazzjonijiet tar-IV Ċentenarju tal-kbira Santa Tereża, li fiha l-Knisja tagħraf mhux biss lir-reliġjuża nkomparabbli, imma wkoll wieħed mid-dutturi l-iktar distinti tagħha.
Għalkemm illum se nkellimkom għall-ewwel darba fit-territorju Spanjol, din mhix l-ewwel darba li l-Papa jiltaqà man-nisa kkonsagrati Spanjoli. Dan spiss għamiltu f’Ruma u fil-vjaġġi apostoliċi mad-dinja, f’tant postijiet fejn titolbu u taħdmu b’ġenerożità u effiċjenza. Niżżikom ħajr mill-qalb għall-impenn missjunarju tagħkom u nittama li, billi intom fidili lejn it-tradizzjoni ta’ fidi, Spanja tkompli tkun post privileġġjat ta’ vokazzjonijiet, kemm fin-numru kif ukoll fil-kwalità.
2. Nixtieq fuq kollox nurikom l-pprezzament tiegħi u l-imħabba tiegħi għal dak li intom tfissru f’Pajjiżkom u fil-Knisja kollha. Żommu f’qalbkom imħabba vibranti għall-vokazzjoni sabiħa tagħkom, ir-rieda li twieġbu bla tlaqliq, kull jum, għal din il-vokazzjoni, u li twettqu lilkom infuskom kull jum b’mod iktar perfett għall-Mudell u Mulej, Ġesù Kristu. Żommu dejjem preżenti r-responsabiltà tagħkom quddiem il-ħajja nisranija tal-koċittadini tagħkom: iż-żelu tagħkom ikabbar il-ħeġġa tal-Knisja tagħkom, għaliex in-nuqqas ta’ ħeġġa tagħkom tqanqal minnufih fil-poplu nisrani process ta’ dekadenza.
3. Nixtieq l-ewwelnett nindirizza lir-reliġjużi nisa kontemplattivi, li l-komunitajiet tagħhom huma hekk numerużi u ħajjin fl-art ta’ Santa Tereża. Kważi terz tal-monasteri kontemplattivi tad-dinja jinsabu f’Pajjiżkom.Wieħed jistà jgħid li ż-żelu tal Qaddisa Riformatriċi tal-Karmelu, imħabbitha lejn Alla u lejn il-Knisja, juru ruħhom b’mod partikolari f’Art Twelidha fejn, iktar minn postijiet oħra, ir-reliġjużi nisa kontemplattivi jikkostitwixxu l-espressjoni l-iktar għolja tal-ħajja kkonsagrata.
Huma verament għar-reliġjużi nisa l-oħra l-kewkba li tiggwida b’mod kostanti r-rotta; ħajjithom ta’ talb, is-sagrifiċċju ta’ kuljum tagħhom huma appoġġ qawwi għax-xogħol apostoliku tar-reliġjużi nisa l-oħra, bħalma huma għall-Knisja viżibbli, li taf li tistà torbot fuq l-interċessjoni qawwija tagħhom għand il-Mulej.
4. Lilkom, reliġjużi nisa ddedikati għall-apostolat, nesprimi ugwalment ir-ringrazzjament profond tal-Knisja għall-attività tagħkom: l-attenzjoni instankabbli tal-morda u ta’ dawk fil-bżonn fl-isptarijiet, fil-kliniċi u fir-residenzi jew ġo darhom; l-attivitajiet edukatriċi fl-iskejjel u fil-kulleġġi, l-opri assistenzjali li jkomplu l-attività pastorali tas-saċerdoti; il-katekeżi u tant mezzi oħrajn li bihom tagħtu xhieda rejali tal-karità ta’ Kristu. Ibqgħu ċerti li dawn l-attivitajiet mhux biss jikkonservaw l-attwalità tagħhom, imma li, opportunatament addattati, juru dejjem iktar li huma strumenti pprivileġġjati tal-evanġelizzazzjoni, tax-xhieda u tal-promozzjoni umana awtentika (cf. Religiosos y promoción humana, 5).
La taqtgħux qalbkom, mela, quddiem id-diffikultajiet. Fittxu fl-impenn tagħkom li twieġbu dejjem aħjar għall-esiġenzi taż-żminijiet; li l-kontribut tagħkom igelgel b’mod armonjuż mill-iskop stess tal-Istituti tagħkom u jkun immarkat mill-marka distintiva tal-ubbidjenza, tal-faqar u tal-kastità reliġjuża.
La tħallux li tonqos il-ġenerożità tagħkom, fejn għandha x’taqsam it-tweġiba għas-sejħat urġenti tal-pajjiżi li jistennew missjunarji nisa; ibqgħu ċerti li l-Mulej se jirrikompensakom b’vokazzjonijiet ġodda.
5. Fid-dedikazzjoni tagħkom ġenerożament għall-opri tagħkom, la tinsew qatt li l-ewwel obbligu tagħkom huwa li tibqgħu fi Kristu. Huwa meħtieġ li tkunu tafu dejjem issibu ħin biex toqorbu lejh fit-talb; hekk biss, tkunu tistgħu twassluh imbagħad lil dawk li magħhom tiltaqgħu.
Il-ħajja nterna tkompli tkun r-ruħ ta’ kull apostolat. Dan hu l-ispirtu tat-talb li jwassal sad-don tagħkom infuskom; jiġri li jkun żball gravi li tirreżistu t-talb u l-apostolat. Min bħalkom, tgħallem fl-iskola ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, jistà jifhem faċilment, billi jaf li kwalunkwè attività apostolika li ma tinbenhiex fuq il-pedamen tat-talb, hija kkundannata għall-infertilità.
Huwa, għalhekk, meħtieġ, li tkunu tafu dejjem tirriservaw għat-talb personali u komunitarju spazji ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa kbar suffiċjentement. Jalla l-komunitajiet tagħkom ikollhom ċentru l-Ewkaristija u li s-sehem ta’ kuljum tagħkom fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa, ikun bħala t-talba tagħkom fil-preżenza ta’ Ġesù Sagrament, ikun erspressjoni evidenti tal-fatt li fhimtu liema hija l-unika ħaġa meħtieġa (cf. Lq 10, 42).
6. Nixtieq infakkarkom ukoll element tassew important ta’ ħajjitkom reliġjuża u apostolika: qiegħed nirrefreferi għall-ħajja fraterna fil-komunità.
Meta titkellem dwar l-ewwel insara, l-Iskrittura Mqaddsa tenfasizza li “ilkoll kellhom qalb waħda u ruħ waħda”; din l-istess karità fraterna kienet tipperswadihom biex iqegħdu l-ġid tagħhom għal kulħadd, billi jirrinunzjaw li jqisu kwalunkwè ġħana bħala tagħhom (cf. At 4, 32). Tafu tajjeb li din u l-ebda oħra hija d-definizzjoni eżatta tsal-faqar tagħkom reliġjuż, li tikkostitwixxi l-bażi tal-ħajja fraterna fil-komunità.
L-għażla tagħkom għall-kastità perfetta u l-ubbidjenza reliġjuża tagħkom ġew biex ikomplu d-donazzjoni ta’ mħabba tagħkom, u biex jibdlu l-ħajja komunitarja tagħkom f’realtà teoċentrika u kulturali; b’dan il-ħajja kollha tagħkom tibqà kkonsagrata u tirriżulta xhieda ħajja tal-Vanġelu. Il-Knisja u d-dinja għandhom bżonn li jkunu jistgħu jaraw il-Vanġelu ħaj fikom.
Ikkultivaw, mela, fi djarkom ħajja tassew fraterna, mibnija fuq il-karità mutwa, l-umiltà u l-assistenza lis-sorijiet l-oħra. Ħobbu ħajjitkom ta’ familja u l-laqgħat differenti ta’ ħajjitkom ta’ kuljum. Tistgħu tibqgħu ċerti li din il-ħajja ta’ komunità, migħuxa fil-karità u fiċ-ċaħda tagħkom infuskom, hija l-aħjar għajnuna li tistgħu tisilfu lilkom infuskom b’mod mutwu u l-aħjar kura kontra t-tentazzjonijiert li jheddu l-vokazzjoni tagħkom.
Minbarra ħajjitkom flimkien, il-mod tagħkom kif iġġibu ruħkom u wkoll il-mod kif tilbsu – li għandu dejjem jiddistigwikom bħala reliġjużi– huma f’nofs id-dinja predikazzjoni kostanti u ntelliġenti, ukoll mingħajr kliem, tal-messaġġ evanġeliku; jibdlukom mhux f’sempliċi sinjali taż-żminijiet, imma f’sinjali ta’ ħajja eterna fid-dinja tallum. Fittxu, għalhekk, li meta l-bżonnijiet tal-apostolat jew in-natura ta’ opri determinati jitolbu li tiffurmaw ruħkom fi gruppi żgħar, tibqà fihom dejjem r-realtà tal-ħajja fraterna flimkien, imsejsa fuq il-Vanġelu, mibnija fuq it-tliet voti reliġjużi u mhux fuq ideoloġiji li jinbidlu jew aspirazzjonijiet personali.
7. Fl-aħħarnett, ftakru li l-komunità reliġjuża hija mdaħħla fil-Knisja u m’għandhiex sens jekk mhux fil-Knisja, billi tieħu sehem fil-missjoni feddejja tagħha f’fedeltà filjali għall-Maġisteru tagħha. Il-Kariżma tagħkom għadkom tifhmuha fid-dawl tal-Vanġelu, tal-istorja propja tagħkom u tal-Maġisteru tal-Knisjsa. U meta tiġu biex tikkomunikaw il-messaġġ tagħkom mal-oħrajn, fittxu li tittrażmettu dejjem iċ-ċertezzi tal-fidi u mhux l-ideoloġiji umani li jgħaddu.
8. Semmejt l-ewwel id-dmirijiet multipli li intom twettqu għas-servizz tal-Knisja u għall-imħabba tal-aħwa, il-bnedmin: sptarijiet, opri ta’ assistenza jew ta’ tagħlim, u oħrajn. Irrid nesprimilkom kelma speċifika ta’ nkoraġġiment u ta’ nċentiv, ladarba s-servizzi kollha li twettqu huma meħtieġa, u għandkom tkomplu tagħmluhom .
Minħabba l-importanza partikolari li f’dan il-waqt għandu fi Spanja, irrid issa ndur, b’riferenza speċjali, lejn il-ħafna minnkom li għandhom, bħala missjoni partikolari, it-tagħlim taż-żgħażagħ fl-iskola. Dmir sabiħ u esiġenti, delikat u appassjonanti fi żmien li jitlob responsabiltajiet kbar. Komplu użaw kull mezz biex twettquh bi spirtu kbir ta’ dedikazzjoni. Agħmlu kull ħaġa b’mod aċċettabli għal għajnejn Alla, u dan jirrendikom ukoll meritevoli tat-tifħir tal-bnedmin, għalkemm intom ma tfittxux dan ir-rikonoxximent uman.
Ninkuraġġikom b’qalbi kollha u nfakkarkom il-bżonn li tħeġġu l-irġiel u lin-nisa ta’ għada biex japprezzaw b’kuxjenza retta l-valuri umani, billi tagħtuhom s-sapport personali propju; għandkom tixprunawhom biex jagħrfu u jħobbu lil Alla kuljum iktar (cf. Gravissimum Educationis, 1). Għallmunhom josservaw dak li l-Mulej ikkmanda u, permezz ta’ kliemkom u l-imġieba responsabbli tagħkom, wassluhom għall-milja ta’ Kristu (cf. Ef 4, 13).
Ikkomunikaw id-duttrina integra, solida u sikura; użaw testijiet li jippreżentaw b’fedeltà l-Maġisteru tal-Knisja. Iż-żgħażagħ għandhom id-dritt li ma jkunux imħawda minn ipoteżijiet jew attitudnijiet ażżardati, mill-waqt li għadhom ma kellhomx il-ħila li jiġġudikaw (cf. Pawlu VI, Allocutio ad sacros Galliae Praesules Conferentiae Episcopalis regionis centralis et orientalis, occasione visitationis ad Limina coram admissos, habita, die 20 iun. 1977: Insegnamenti di Paolo VI, XV [1977] 623; Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad academicas Auctoritates, professores et alumnos Pontificiae Universitatis Salesianae in eiusdem Athenaei aedibus habita, die 31 ian. 1981: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, IV, 1 [1981] 200 ss).
Kunu sikuri li jekk taġixxu b’fedeltà sħiħa għall-Knisja, Alla se jbierek ħajjitkom bi fjuritura ta’ vokazzjonijiet ġeneruża. Sfurzaw lilkom infuskom biex tkunu edukaturi tajbin u ftakru li min maġġorment għallem lill-oħrajn, tul il-mixja tas-sekli, kienu l-qaddisin. Għal dan, l-ewwel dmir apostoliku tagħkom ladarba għalliema, edukatriċi u reliġjużi huwa l-qdusija personali tagħkom.
9. Ftit kliem ta’ tislima u apprezzament partikolari lilkom, ikkonsagrati tal-Istituti sekolari, li aċcettajtu l-impennji tal-ħajja ta’ konsagrazzjoni magħrufa mill-Knisja, f’forma partikolari, distinta minn dik li tikkaratterizza r-reliġjużi.
L-Istituti sekolari jikkostitwixxu diġa fi Spanja realtà sinifikattiva ħafna. Il-Knisja teħtiġhom biex tkun tistà twettaq apostolat ta’ xhieda nisranija profonda fl-ambjenti l-iktar differenti, “biex tikkontribwixxi għall-bidla tad-dinja minn ġewwa, billi tinbidel fi ħmira li tagħti l-ħajja (Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad eos qui coetui Conferentiae Mundialis Institutorum Saecularium affuere habita, 4, die 28 aug. 1980: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, III, 2 [1980] 473).
Nitlob lill-Mulej li jkunu bosta li jisimgħu leħnu u jsegwuh f’din il-mixja. Inħeġġiġkom biex tibqgħu fidili għall-vokazzjoni tagħkom speċifika “ikkaratterizzata u unifikata mill-konsagrazzjoni, l-apostolat u l-ħajja sekolari” (Ivi. 2: loc. cit., p. 470).
10. Sa minn l-ewwel waqt, il-Knisja qiegħedet fiċ-ċentru tagħha l-Omm ta’ Ġesù, madwarha u fil-kumpanija tagħħa l-Appostli pperseveraw fit-talb, stennew u rċivew l-Ispirtu Santu. Kunu afu intom ukoll tipperseveraw hekk, magħqudin b’mod intimu ma’ Marija, Omm Ġesù u Ommna; waqt li nirċievu u nittrażmettu lil ħutna l-Ispirtu Santu, u waqt li b’dan il-mod nedifikaw il-Knisja. Hija tikkumpanjana, tikkunslana u tinkuraġġina dejjem bl-attenzjonijiet tagħha materni. U tixprunakom fil-mixja l-barka ta’ mħabba tiegħi.
Hekk Ikun.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb