Ġwanni Pawlu II f’Santiago de Compostela

Print Friendly, PDF & Email

 VJAĠĠ APOSTOLIKU FI SPANJA
QUDDIESA TAL-PELLEGRIN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Santiago de Compostela, 9 ta’ Novembru 1982

Għeżież Ħuti fl-Episkopat,
għeżież ħuti.

1. Wasalt illum fl-aħħar stadju tal-vjaġġ tiegħi mal-artijiet ta’ Spanja, propju fil-post li l-antiki kienu jsejħu “Finis terrae” u li issa huwa tieqa miftuħa lejn l-artijiet il-ġodda, huma wkoll insara, ‘il hemm mill-Atlantiku. 

Diġa għaddejt minn diversi Knejjes lokali, mxerrda fil-pajsaġġ splendidu ta’ dan il-Pajjiż maħbub. Żort ukoll xi Santwarji, u f’dan il-waqt ninsab qrib wieħed mill-postijiet sagri u iktar famuż tal-istorja, famuż fid-dinja kollha: il-katidral Bażilika li jgħożż il-qabar ta’ San Ġakbu, l-Appostlu li – skont it-tardizzjoni – kien hu l-evanġelizzatur ta’ Spanja.

Di il-belt sabiħa ta’ Compostela kienet matul is-sekli d-destinazzjoni ta’ mixja mfassla fl-art tal-Ewropa bil-passi tal-pellegrini li biex ma jintilfux, kienu jħarsu lejn il-kwiekeb tas-sema.

Jien ukoll pellegrin, pellegrin-messaġġier li jrid jiġri mad-dinja, biex inwettaq il-mandat li Kristu ta lill-Appostli tiegħu meta bagħathom biex jevanġelizzaw lill-bnedmin u lill-popli kollha. Pellegrin miġjub fi Spanja minn Tereża ta’ Ġesù ammirajt il-frott tax-xogħol ta’ evanġelizzazzjoni mwettaq minn tant eluf ta’ dixxipli ta’ Kristu f’għoxrin seklu ta’ storja kristjana.

Pellegrin li terraq l-artijiet imbierka Spanjoli, waqt li żerà b’idejh imfawra l-kelma tal-Vanġelu, l-fidi u t-tama.

Issa ninsab magħkom, għeżież ħuti, li ġejtu mid-dijoċesijiet kollha tal-Galizja u minn tant partijiet ta’ Spanja.

F’din il-Quddiesa tal-Pellegrin, l-Isqof ta’ Ruma jsellmilkom ilkoll b’imħabba ekkleżjali: insellem lis-Saċerdoti tagħkom u lill-parteċipanti kollha. Iferraħni  l-fatt li narakom miġburin f’numru hekk kbir u l-fatt li naf li waqt is-Sena Mqaddsa Kompostelljana kollha, diversi milljuni ta’ Pellegrini – iktar minn Snin Imqaddsa oħra – ġew f’Santiago jfittxu l-maħfra u l-laqgħa ma’ Alla.

Se niċċelebraw l-Ewkaristija: quċċata u ċentru tal-ħajja tagħna nisranija, destinazzjoni li għaliha jmexxiha l-itinerarju tal-penitenza, tal-konverżjoni, tat-tiftix bla jaqtà tal-Mulej, atteġġjament propju tan-nisrani li għandu jkun dejjem miexi lejh.

2. Iddepożitatha fil-Mawżilew tal-Katidral tagħkom, intom iżżommu t-tifkira ta’ ħabib ta’ Ġesù, wieħed mid-dixxipli maħbubin tal-Mulej, l-ewwel mill-Appostli li b’demmu ta’ xhieda lill-Vanġelu: San Ġakbu l-Kbir, iben Zebedew.

Ir-rappreżentanti tas-Sinedriju ippretendew li jinfurzaw il-liġi tas-silenzju fuq Pietru u fuq l-Appostli li “B’qawwa kbira kienu jagħtu xhieda tal-qawmien mill-imwiet tal-Mulej Ġesù u kulħadd kien iġibhom ħafna” (At 4, 33); “Aħna għidnielkom fuq li għednielkom biex ma tgħallmux fuq dan l-isem. U araw issa mlejtu Ġerusalem bit-tagħlim tagħkom, u tridu titfgħu fuqna l-ħtija tad-demm ta’ dan il-bniedem” (At 5, 28).

Iżda Pietru u l-Appostli wieġbu: “Jeħtieġ nobdu iktar lil Alla milli lill-bnedmin. Alla ta’ missirijietna qajjem mill-imwiet lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda. Alla għollieh bil-leminija tiegħu, u għamlu kap u salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. U ta’ dan kollu hawn xhieda aħna flimkien mal-Ispirtu Santu li Alla ta lil dawk li jobduh (At 5, 29-32).

Il-missjoni tal-Knisja bdiet titwettaq preċiżament grazzi għall-fatt li l-Appostli, mimlijin bl-Ispirtu Santu li rċivew fiċ-Ċenaklu f’jum il-Pentekoste, obdew lil Alla pjuttost milli lill-bnedmin.

Din l-ubbidjenza ħallsuha bit-tbatija, bid-demm, bil-mewt. Il-qilla tal-kapijiet tas-Sinedriju ta’ Ġerusalem tfarrket kontra d-deċiżjoni sodissma, li wasslet lil San Ġakbu għall-martirju meta Erodi – kif jgħidulna l-Atti tal-Appostli – “beda jippersegwita lil uħud mill-membri tal-Knisja u ġiegħel li jinqatel bix-xabla Ġakbu, ħu Ġwanni” (At 12, 1).

Huwa kien l-ewwel fost l-Appostli li sofra l-martirju. Dan huwa l-Appostlu li ilu għal diversi sekli jiġi meqjum fi Spanja kollha, u fl-Ewropa kollha u fil-Knisja kollha hawn, ġo Compostela.

3. San Ġakbu kien ħu Ġwanni l-Evanġelista. Huma kienu ż-żewġ dixxipl li lilhom – f’wieħed mid-djalogi l-iktar impressjonanti li jirrakkonta l-Vanġelu – Ġesù kien għamel dik il-famuża domanda: “Lesti tixorbu l-kalċi li jien sejjer nixrob?”. U huma weġbuh: «Iva. Lesti»” (Mt 20, 23).

Din kienet il-kelma tad-disponibiltà, tal-kuraġġ; atteġġjament tipiku taż-żgħażagħ, iżda mhux esklussiv għalihom, imma tal-insara kollha, u b’mod partikulari ta’ dawk li jaċċettaw li jkunu appostli tal-Vanġelu. It-tweġiba ġeneruża taż-żewġ dixxipli ġiet aċċettata minn Ġesù. Huwa qalilhom: “Il-kalċi tiegħi tixorbuh” Mt 20, 23).

Dan il-kliem twettaq f’Ġakbu, bin Zebedew, li b’demmu ta xhieda tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu f’Ġerusalem. Ġesù kien għamel id-domanda dwar il-kalċi li kellhom jixorbu ż-żewġt aħwa, meta ommhom, kif qrajna fil-Vanġelu, avviċinat lill-Imgħallem, biex titlob post li jispikka għaż-żewġt aħwa fis-Saltna. Iżda Kristu wara li kien kiseb id-disponibiltà tagħhom li jixorbu l-kalċi, qalilhom: “Il-kalċi tiegħi tixorbuh; imma ma jmissx lili li intom toqogħdu fuq il-lemin tiegħi jew fuq ix-xellug tiegħi. Imma dak huwa għal dawk li għalihom kien imħejji minn Missieri” (Mt 20, 23).

Id-diskursata biex jinkiseb l-ewwel post fis-Saltna futura ta’ Kristu, li d-dixxipli kienu jimmaġinawh b’mod ferm uman, qanqal il-korla tal-Appostli l-oħra. Ġesù allura ħataf l-okkażjoni biex jipjega lil kulħadd li l-vokazzjoni għas-Saltna tiegħu mhix vokazzjoni għall-poter imma għas-servizz, “appuntu bħal Bin il-bniedem, li ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-kotra” (Mt 20, 28).

Fil-Knisja, l-evanġelizzazzjoni, l-apostolat, il-ministeru, is-saċerdozju, l-episkopat, il-papat, huma servizz. Il-Konċilju Vatikan II, li fid-dawl tiegħu jimxi l-Poplu ta’ Alla f’dawn l-aħħar snin tas-seklu XX, fissrilna b’mod manifiku, f’diversi dokumenti, kif naqdu, kif naħdmu u kif insofru għall-kawża tal-Vanġelu (cf. Lumen Gentium, 18.20; Christus Dominus, 15).

Dan juri kif naqdu lill-bniedem ta’ żmienna bħal ma qdieh Kristu, kif qdewh l-Appostli. Ġakbu l-Kbir għex il-vokazzjoni propja ta’ servizz fis-Saltna restawrata mill-Mulej, billi offra, bħall-Imgħallem Divin, “il-ħajja għall-fidwa tal-kotra”

4. Hawn, f’Compostela, għandna x-xhieda tiegħu. Xhieda ta’ fidi li, tul is-sekli, ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Pellegrini riedu kważi “jmissu” b’idejhom jew “ibusu” b’xuftejhom, billi jiġu apposta fil-Katidral ta’ Santiago sa mill-Pajjiżi Ewropej u mill-Lvant. Il-Papiet, min-naħa tagħhom, ħeġġew dawn il-pellegrinaġġi, li kellhom bħala destinizzjonijiet kemm Ruma kif ukoll Ġerusalem.

Is-sens u l-istil tal-Pellegrinaġġ huwa radikat b’mod profond fil-viżjoni nisranija tal-ħajja u tal-Knisja (cf. Lumen Gentium, 9). It-triq lejn Santiago animat kurrent enerġetiku spiritwali u kulturali ta’ skambju fertili bejn il-popli tal-Ewropa. Iżda dak li tassew l-pellegrini kienu jfittxu, bl-atteġġjament tagħhom umli u penitenti, kienet ix-xhieda tal-fidi li għaliha rreferejt l-ewwel: il-fidi nisranija li donnha tħabbat fil-ġebel kompostellan li bih hija mibnija l-Bażilika tal-Qaddis. Din il-fidi nisranija u kattolika li tikkostitwixxi l-identità tal-poplu Spanjol.

Fi tmiem iż-żjara tiegħi pastorali fi Spanja, hawn, ħdejn is-Santwarju tal-Appostlu San Ġakbu, nistedinkom tirriflettu dwar il-fidi tagħkom, dwar l-isforz biex terġgħu tingħaqdu mal-oriġini apostoliċi tat-tradizzjoni nisranija tagħkom. Infatti, il-Knisja ta’ Kristu, imwielda minnu, tikber u timmatura lejn Kristu permezz tal-fidi trażmessa mill-Appostli u mis-suċċessuri tagħhom. Huwa bidu minn din il-fidi li għandu bżonn jiffaċċja s-sitwazzjonijiet il-ġodda, il-problemi u l-oġġettivi tallum; billi jgħix il-kontemporanjetà ekkleżjali f’atteġġjament ta’ konverżjoni, fis-servizz għall-evanġelizzazzjoni, billi joffri lil kulħadd id-djalogu tas-salvazzjoni, biex dejjem jikkonsolida ruħu iktar fil-verità u fl-imħabba.

5. Il-fidi hija teżor li “aħna għandna f’ġarer tal-fuħħar, sabiex jidher li l-qawwa straordinarja tiġi minn Alla u mhux minna” (2 Kor 4, 7).

Il-fidi tal-Knisja għandha l-bidu u s-sies tagħha fil-messaġġ ta’ Ġesù li l-Appostli xerrdu mad-dinja kollha. Permezz tal-fidi, li turi ruħha bħala aħbar, xhieda u duttrina, tittrażmetti ruħha lill-bnedmin mingħajr qtugħ storiku r-rivelazzjoni ta’ Alla f’ Ġesù Kristu.

L-Appostli, waqt li ppridkaw il-Vanġelu, stabbilew mal-bnedmin tal-popli kollha djalogu ma jaqtà xejn li donnu jidwi hawn b’aċċent speċjali, qrib ix-“xhieda” tal-Appostlu San Ġakbu u tal-martirju tiegħu. Dwar dan id-djalogu ma jaqtà xejn tkellimna l-ittra lill-Korintin fis-silta li qrajna llum waqt ix-xandir tal-Kelma.

Jgħid San Pawl, u donnu li jgħidu San Ġakbu: “F’ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù. Għax aħna għad li qegħdin ngħixu, ninsabu dejjem mogħtija għall-mewt, minħabba f’Ġesù biex il-ħajja ta’ Ġesù  wkoll tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut. U hekk fina taħdem il-mewt, imma fikom taħdem il-ħajja” (2 Kor 4, 10-12).

Donnu li l-pellegrini jwieġbu: “Emmint, u għalhekk tkellimt . . . għax nafu li dak li qajjem lil Sidna Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma’ Ġesù u jressaqna quddiemu flimkien magħkom . . .  biex il-grazzja tilħaq ħafna bnedmin oħra, u b’hekk jitkattar ir-radd il-ħajr, għall-glorja ta’ Alla” (2 Kor 4, 13-15).

Hekk tippersisti f’Compostela x-xhieda apostolika u jitwettaq id-djalogu tal-ġenerazzjonijiet li permezz tiegħu tikber il-fidi, il-fidi awtentika tal-Knisja, il-fidi f’Ġesù Kristu, Bin Alla magħmul bniedem, miet u rxoxta biex jagħtina s-salvazzjoni. Huwa, għani fil-ħniena, huwa l-Feddej tal-bniedem.

Fidi li tittraduċi ruħha fl-istil ta’ ħajja skont il-Vanġelu, jew aħjar, stil ta’ ħajja li jirrifletti l-bejatitudni, li jimmanifesta ruħu fl-imħabba bħala muftieħ tal-eżistenza umana u li jqawwi l-valuri tal-persuna, biex jimpenjaha fis-soluzzjoni tal-problemi umani ta’ żmienna.

6. Din hija l-fidi tal-pellegrini li kienu jiġu u se jkomplu jiġu hawn minn Spanja kollha u minn barra.

Il-fidi tal-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija li “ilbieraħ” ġew Compostela, u tal-ġenerazzjoni attwali li għadha tkompli tiġi llum. B’din il-fidi tibni ruħha l-Knisja, waħda, qaddisa, kattolika u apostolika.

Hekk, mela, viċin l-Appostlu San Ġakbu tinbena fina l-Knisja tal-Alla l-ħaj. Din il-Knisja tipprofessa l-fidi tagħha f’Alla, tħabbar lil Alla, tadura lil Alla. Hekk nipproklamawh fis-Salm responsorjali tal-liturġija li qegħdin niċċelebraw:

“Alla jkollok ħniena minna u berikna, / fuqna agħmel li jiddi wiċċek; / sabiex tingħaraf fuq l-art triqatek, / fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. / Ifaħħruk il-popli kollha” (Sal 66 [67], 2-4).

Il-pellegrinaġġ tiegħi tul l-artijiet ta’ Spanja, jintemm hawn, f’Santiago di Compostela. Għaddejt tul Art Twelidkom nippridka lil Kristu, mislub u rxuxtat, niddefendi l-Vanġelu, f’atteġġjament ta’ “xhud ta’ tama”, u ltqajt kullimkien ma’ftuħ ġeneruż, korrispondenza entużjasta, b’imħabba sinċiera, ospitalità ta’ ħbiberija, ħila krejattiva u xewqat ta’ tiġdid nisrani.

Minħabba dan, nixtieq issa nipproklama u niċċelebra bil-kliem tas-Salmista il-glorja u t-tifħir tal-Alla l-ħaj, Missier, Iben u Spirtu Santu.

Ħa jkun għall-ikbar glorja ta’ Alla – “ad maiorem Dei gloriam” – dan is-servizz kollu tal-Isqof ta’ Ruma pellegrin. B’tali spirtu bdejtu u nitlobkom li tirċevuh.

F’din il-belt ta’ Compostela, destinazzjoni li lejha terrqu, tul is-sekli, tant bnedmin u popli, nixtieq, flimkien magħkom, ulied Spanja kattolika, nistieden lin-nazzjonijiet kollha, tal-Ewropa u tad-dinja – il-popli kollha u l-bnedmin kollha tal-art – għall-adorazzjoni u t-tifħir tal-Alla l-ħaj, Missier, Iben u Spirtu Santu.

“Ħa jfaħħruk l-popli, Alla / ħa jfaħħruk il-popli kollha” (Sal 66 [67], 6). Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: