L-awtur imħeġġeġ jittraduċi l-ktieb għall-Ingliż
Fl-aħħar ħames snin waslu Lourdes minn Malta 40,114-il passiġġier
Il-lingwa Maltija hi ppreżentata għall-ewwel darba fil-bookshop tas-Santwarju ta’ Lourdes permezz tal-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar ta’ Michael Caruana. Dan il-ktieb ġie ppubblikat għall-ewwel darba f’April tas-sena li għaddiet u minn dakinhar ’il hawn ġew ippubblikati żewġ edizzjonijiet oħra.
Normalment mill-bookshop tas-Santwarju jinbiegħu biss kotba bis-sitt lingwi uffiċjali tal-post jiġifieri bil-Franċiż, bit-Taljan, bl-Ispanjol, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bl-Olandiż u li filfatt huma l-aktar imfittxija. Isabelle Waksman, il-Kap tal-Bookshop, qalet li aċċettat li l-ktieb ta’ Michael Caruana jibda jinbiegħ minn hemmhekk biex il-lingwa Maltija tkun ippreżentata għall-ewwel u biex jingħata aktar valur lix-xogħol tiegħu.
Il-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar qed jinbiegħ mill-bookshop tas-Santwarju bl-istess prezz li qed jinbiegħ hawn Malta mill-bookshops Emmaus f’Birkirkara u f’Victoria Għawdex u minn Librerija Preca Blata l-Bajda. Dawk li jkunu Lourdes u jżuru l-bookshop jistgħu jistaqsu li għal kopja lil dawk li jkunu wara l-counters.

Sadattant, waqt żjara f’Lourdes, Michael Caruana ppreżenta kopja tal-ktieb tiegħu lil David Torchala, id-Direttur il-ġdid tal-Uffiċċju Komunikazzjoni tas-Santwarju. Torchala faħħar l-impenn ta’ Caruana u l-ħidma tiegħu favur is-Santwarju. Id-Direttur tal-Uffiċċju Kommunikazzjoni tas-Santwarju ta’ Lourdes issuġġerixxa lil Caruana biex jagħmel traduzzjoni tal-ktieb tiegħu għall-Ingliż minħabba li informazzjoni u esperjenzi li jiġbor fih mhumiex f’kotba oħra simili.
Dakinhar stess tal-laqgħa ta’ Michael Caruana ma’ David Torchala l-midja soċjali tas-Santwarju, Facebook u Twitter, tellgħet rapport dwar il-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar fejn, wara li tħabbar li dan il-ktieb issa jinsab għall-bejgħ mill-bookshop, semma li din hi aħbar tajba għall-eluf ta’ pellegrini Maltin li kull sena jżuru s-Santwarju għax f’dan il-ktieb huma jsibu riferenza għal dak kollu li jsibu f’Lourdes u fil-postijiet tal-madwar. “Ta’ ferħ ukoll għall-awtur li jaqsam il-passjoni tant speċjali li għandu għas-Santwarju”.
Is-suġġeriment li sar lil Caruana biex jaqleb il-ktieb tiegħu għall-Ingliż sarlu wkoll minn Corine Laussu, l-Uffiċjal Inkarigat mill-Promozzjoni u mir-Relazzjonijiet mal-Istampa fl-Uffiċċju tat-Turiżmu, li wkoll kellha kliem ta’ tifħir għax-xogħol tiegħu favur Lourdes.
Das-Sajf, Michael Caruana se jmexxi tmien gruppi għal Lourdes li, jekk jirnexxu, se jkunu żaru din il-belt Marjana 460 Malti u Għawdxi. Tnejn minn dawn it-tmien gruppi diġà huma magħluqa.
Skont ċifri mogħtija lil Michael Caruana minn Stèphanie Boulouys, Direttur Aġġunt għall-Marketing u għas-Servizzi lill-Klijenti fl-ajruport ta’ Tarbes, f’dawn l-aħħar ħames snin, jiġifieri mill-2018 sas-sena li għaddiet, waslu Lourdes minn Malta 40,114-il passiġġier. 36 154 waslu f’dak l-ajruport b’titjiriet scheduled waqt li 3,960 waslu hemmhekk b’titjiriet chartered. 15,138 marru Lourdes fis-snin 2018, 2019 u 2020 b’titjirjiet scheduled u chartered tal-Air Malta u 24,976 marru Lourdes b’titjiriet scheduled minn Ryanair fis-sentejn 2021 u 2022.

Mill-1988 sal-2019 l-Air Malta operat titjiriet chartered u imbagħad sheduled; fis-sena 2020 operst biss titjiriet chartered u mill-2021 ma baqgħetx ittir għal Lourdes jekk mhux fuq talba tal-aġenti lokali tal-ivvjaġġar.
Fi tweġiba li ta fil-Parlament għal Mistosqija tad-Deputat Darren Carabott, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li għal din is-sena l-Air Malta m’għandiex pjanijiet li tintroduċi servizzi regolari bi skeda bejn Malta u Lourdes. Hu qal li hemm linja tal-ajru oħra li qed tagħmel din ir-rotta. Madanakollu, żied il-Ministru għall-Finanzi, hemm pjanijiet li tagħmel tmien titjiriet chartered skont id-domanda tas-suq matul Lulju, Awwissu u Settembru ladarba dawn jiġu konfermati mill-aġenti tal-ivvjaġġar. Dawn jistgħu jammontaw għal traffiku ta’ madwar 3,000 passiġġier għal u minn Lourdes.
Mill-1 ta’ Novembru 2021 Ryanair bdiet żewġ titjiriet sheduled, darbtejn fil-ġimgħa, għal Lourdes u lura.
Bħalissa huma biss żewġ aġenti tal-ivvjaġġar lokali li qed jorganizzaw giti/pellegrinaġġi għal Lourdes. Skont il-brochures tagħhom, das-Sajf Brittannia u EuroTours qed jorganizzaw 14-il ġita/pellegrinaġġ għal Lourdes.